Aħna l-adulti x’nistgħu nitgħallmu mit-tfal?

Print Friendly, PDF & Email

Dan l-aħħar laqagħtni ħafna dak li kienet kitbet il-magħrufa filosfa u edukattriċi Taljana, Maria Montessori: “L-adult għandu jumilja ruħu u jitgħallem mit-tifel biex jikber.” Imma kif aħna l-adulti għandna nitgħallmu mit-tfal?

Darba l-kittieb Brażiljan Paulo Coelho qal: “Tifel jista’ jgħallem adult tlett affarijiet: li jkun ferħan għall-ebda raġuni, li dejjem ikun mehdi f’xi ħaġa u li jkun jaf kif jitlob b’saħħtu kollha dak li jixtieq”. Madankollu l-lista taf titwessa ħafna aktar. U, tant kemm titwessa’ li tiġi ħafna itwal minn dak li qatt kien basar Paulo Coelho!

Lilna l-adulti t-tfal jgħallmuna biex qatt ma nibżgħu. It-tfal ma jbeżżahom xejn. Huma ħafna l-beżgħat li aħna l-adulti nitgħallmuhom mal-medda tas-snin f’ħajjitna. Il-ħasra hi li ħafna minn dawn il-beżgħat huma, fir-rejaltà, illużjonijiet. Bħal, ngħidu aħna, il-biża ta’ dak li s’issa ma nafux bih. Inkella l-biża’ li ġurnata għad niġu iġġudikati. Ibeżżgħana wkoll il-biża’ li niġu miċħuda. Inkella l-biża’ dwar kif jista’ ikun il-futur tagħna. Fid-dawl ta’ dan kollu il-kittieb Eckhart Tolle jgħidilna: “Ir-raġuni l-għaliex int ma tpoġġix idek fin-nar m’hijiex l-għaliex hemm il-biża iżda l-għaliex taf li se tinħaraq. Ma tridx il-biża biex tevita periklu mhux neċessarju. Kulma trid hu minimu ta’ intelliġenza u sens komun”.

Lilna l-adulti t-tfal jgħallmuna naraw kull persuna speċjali. Qatt innutajt l-ammirazzjoni li t-tfal ikollhom f’għajnejhom meta jħarsu lejk u lejn kull persuna madwarek? Kemm ileqqu għajnejnhom! L-għaliex jaraw lil kull persuna mill-għajnejn sbieħ u innoċenti tagħhom. Għalihom kulħadd speċjali u uniku. Mhux hekk aħna tassew? Imma l-lentijiet tagħna tħammġu u nkallaw! B’tali mod li ma nistgħux le naraw ċar ir-rejaltà bħalma jarawha t-tfal tagħna.

Lilna l-adulti t-tfal jgħallmuna nafdaw f’dak l-għerf ġewwieni li hemm maħżun fina. Meta niġu fid-dinja niġu b’dak kollu li għandna bżonn. Iva. B’dan l-għerf ġewwieni li hu intwittiv istintiv. Li jeħtieġilna hu li nitgħallmu kif nużawh.

Lilna l-adulti t-tfal jgħallmuna biex ma nħabblux rasna iżżejjed. Il-mument li nħallu lilna nfusna ninħelsu mill-beżgħat, mid-dubbji u mid-dispjaċiri tagħna huwa eżattament dak il-mument li fih nistgħu mmorru lura għal dak li darba kellna. B’hekk inkunu nistgħu nirriturnaw fina nfusna, fl-innoċenza tagħna. Mhux din hi l-essenza tagħha? Mhux dan hu li jagħmilna min tassew aħna?

Lilna l-adulti t-tfal jgħallmuna ngħixu b’mod sħiħ. U min dan ma jridux? Kemm inqattgħu ħin f’ħajjitna nippruvaw infittxu l-ferħ! Infittxu t-tifsira u l-bilanċ. Biex naffermaw dak li rridu biex ngħixu ħajjitna b’mod sħiħ. Il-biċċa hi li mhux dejjem inkunu nafu fejn għandna nfittxu u dak li għandna nagħmlu biex nilħqu dan. Għalhekk issa hi l-opportunità li nitgħallem kif nagħmel dan billi sempliċiment nosserva tifel żgħir u innoċenti. Ejja nħallieh jgħinni nitgħallem din it-tagħlima importanti.

Lilna l-adulti t-tfal jgħallmuna nkunu ferħana. Kemm nixtiequ nkunu ferħana! U, fil-ġewwieni tagħna, ilkoll kemm aħna nafu li din il-ħaġa hi tabilħaqq possibbli. Madankollu, minħabba l-mod ta’ kif ġejna imrobbija u anki mill-esperjenzi tagħna din il-ħaġa tista’ tieħu aktar jew anqas żmien biex iseħħ. Iżda jekk inkun miftuħ u miftuħa u nixtieq li nimxi f’din id-direzzjoni, biż-żmien se nkun nista’ iva nikseb dan il-ferħ.

Lilna l-adulti t-tfal jgħallmuna nesprimu lilna nnifsna b’mod ħieles. Fil-ktieb tiegħu Hostage at the table George Kohlrieser jitħaddet dwar riċerka li uriet kif in-nisa jgħixu ħajjiet aktar fit-tul meta mqabbla ma’ dawk tal-irġiel. Dan l-għaliex in-nisa jesprimu s-sentimenti tagħhom b’aktar ħelsin. Minn naħa tagħhom l-irġiel huma mistennija li jkunu irġiel. Darba missier qal lil ibnu li kellu jieqaf jikbi l-għaliex il-biki qiegħed għan-nisa. Taċ-ċajt veru! Jekk għandek bżonn tikbi ibki. X’jimporta x’jaħsbu l-oħrajn? Jekk il-biki jgħinek tħossok aħjar u jekk tħoss li għandek tibki, ibki. Kemm tħossok aħjar wara! Toħnoqx is-sentimenti tiegħek. Ftakar fil-proverbju Lhudi li jgħid: “Dak li s-sapun hu għall-ġisem id-dmugħ hu għar-ruħ”.

Lilna l-adulti t-tfal jgħallmuna nħobbu mingħajr kundizzjoni. Meta se nitgħallmu nagħtu mingħajr ma nistennew xejn lura? L-imħabba vera hi dik mingħajr kundizzjoni. U dan it-tfal t-tfal jgħallmuhulna. Anki x-xemx tiżreġ għalina mingħajr ma tistenna xejn lura. Ix-xemx sempliċiment toffri lilha nnifisha għalina. U kemm nifirħu meta dan iseħħ! Xi ġmiel dak li jgħid il-poeta Persjan Hafez: “Anki wara daqshekk żmien ix-xemx qatt ma qalet lid-dinja, ‘int għandek ittini’. Ara dak li jseħħ b’imħabba bħal din. Hija iddawwal is-sema kollu”.

Lilna l-adulti t-tfal jgħallmuna biex nagħtu b’qalbna miftuħa. Meta jkunu żgħar ħafna t-tfal ma jidentifikawx ruħhom ma’ dak li jaħsbu li huma. Tant li meta jitħaddtu fuqhom infushom jużaw it-tielet persuna fis-singular. Qatt ma jgħidu l-libsa tiegħi iżda dik tal-pupa. Qabel mal-ġenituri jibdew jgħallmuhom jidentifikaw ruħhom mal-affarijiet li huma tagħhom it-tfal jagħtu u jaqsmu minn qalbhom dak kollu li għandhom ma’ kulħadd. Din hija lezzjoni li għandna bżonn nitgħallmu minnhom. Għax, kif jgħid il-ktieb tal-Proverbji: “Hawn min iqassam minn ġidu u aktar jistagħna; u hawn min irekken u jgħix ta’ fqir” (Prov 11:24).

Lilna l-adulti t-tfal jgħallmuna naħfru. It-tfal jiddispjaċihom imma l-għodwa ta’ wara jinsew dak li jkunu għaddew minnu. Jaħfru u jinsew malajr. Dag Hammarskjold qal: “Il-maħfra hija t-tweġiba għall-ħolma tat-tifel ta’ miraklu li bih dak li hu mkisser huwa magħmul sħiħ mill-ġdid u dak li hu mħammeġ jerġa’ jsir nadif mill-ġdid”.

Lilna l-adulti t-tfal jgħallmuna li għandna dejjem ngħidu l-verità. Li ngħidu dak li għandna f’qalbna. Li ngħidu dak li nħossu u nemmnu fih.

Lilna l-adulti t-tfal jgħallmuna biex nużaw aktar l-immaġinazzjoni tagħna. Mhux importanti min jien, x’nagħmel jew fejn qiegħed u qiegħda. Ħa nitgħallem nuża aktar l-immġinazzjoni tiegħi. Albert Einstein kien jgħid: “L-immaġinazzjoni hija aktar importanti mill-għerf. L-għerf huwa limitat iżda l-immaġinazzjoni tħaddan magħha d-dinja kollha, tistimula l-progress, twelled l-evoluzzjoni. L-immaġinazzjoni hija fattur rejali fir-riċerka xjentifika”.

Lilna l-adulti t-tfal jgħallmuna biex nemmnu aktar fina innifsna. Meta nemmen fija nnifsi kollox jaqa’ f’postu.

Lilna l-adulti t-tfal jgħallmuna noħolmu fil-kobor. Tgħid Mary Kay Ash: “Tillimtax ruħek. Ħafna nies jillimtaw ruħhom għal dak li jaħsbu li jistgħu jwettqu. Int tista’ tasal safejn moħħok iħallik. Dak li temmen, ftakar li tista tilħaq”.

Lilna l-adulti t-tfal jgħallmuna biex ma nkissrux rasna għal għada. Qed ngħixu illum. F’dan il-mument. Ħa niftaħ għajnejja u nara tassew dak li qed iseħħ madwari. Ħa ninnota s-sbuħija fija u madwari. Jekk nagħżel li nieqaf ninkwieta u niffoka fuq dak li hu, nibda’ nirrejalizza kemm inkwetajt għal xejn. Hekk qal Wiston Churchill: “Meta nħares lura lejn dan l-inkwiet niftakar fl-istorja tar-raġel imdaħħal fiż-żmien li qal fuq is-sodda ta’ mewtu li kellu ħafna u ħafna inkwiet f’ħajtu. Iżda ħafna minnu qatt ma kien seħħ”.

Kemm qalilna sewwa Ġesù: “Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u la żżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 19:14). U, lilna l-adulti, Ġesù wissiena: “Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha” (Mk 10:15).

Kemm jgħallmuna t-tfal! Millum ‘il hemm għax ma ninnutawhomx ħa nitgħallmu minnhom?

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading