Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Ma niddjalogawx max-xitan għax hu l-akbar giddieb

Ma niddjalogawx max-xitan għax hu l-akbar giddieb


It-Tlieta 8 ta’ Mejju, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Qatt m’għandna nersqu qrib ix-xitan u lanqas m’għandna niddjalogaw miegħu: hu tellief imma perikoluż għax isaħħar, jixbaħ kelb irrabjat marbut b’katina li jekk tmellsu jigdmek. Hekk widdeb il-Papa Franġisku llum waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Ir-riflessjoni li għamel Franġisku kienet dwar ix-xitan, li mhux mejjet, imma li diġà hu kkundannat kif jgħidilna l-Vanġelu tal-liturġija tal-lum meħud minn San Ġwann, kapitlu 16, versi minn 5 sa 11.

Nistgħu forsi ngħidu, qal il-Papa, li x-xitan hu agunija, imma hu x’inhu, huwa tellief. U mhux faċli għalina nikkonvinċu ruħna minn dan għax ix-xitan jaf isaħħarna, jaf x’għandu jgħidilna u aħna nieħdu gost nissaħħru, osserva l-Papa Franġisku.

Ix-xitan għandu dil-ħila, il-ħila li jsħħar. Għalhekk diffiċli nifhmu li hu tellief għax juri ruħu bis-setgħa, iwegħdek ħafna, itik ħafna rigali, sbieħ u mqartsin u inti ma tkunx taf x’hemm ġewwa. Il-karta ta’ barra tkun sabiħa, tiġbdek. Ix-xitan itina l-pakkett mingħajr ma jħallina naraw x’hemm fih, jippreżentalna l-vanità, iqanqal il-kurżità, dawn huma l-proposti tiegħu.

Infatti l-kaċċaturi jgħidulek li m’għandekx tersaq qrib tal-kukkudrill li qed imut, qal il-Papa, għax b’daqqa ta’ denbu jista’ joqtlok ukoll. L-istess ix-xitan, hu perikoluż għall-aħħar: jippreeżenta ruħu bis-setgħa li għandu, dak li jipproponielna hu mimli gideb, u aħna, boloħ, nemmnuh, afferma Franġisku.

Infatti x-xitan hu l-akbar giddieb, missier il-gideb, jaf jitkellem, għandu ħila jkantalek biex jingannak: hu tellief imma jaħdem bħal wieħed rebbieħ. Dawlu jgħammex bħal tal-logħob tan-nar, imma malajr jintefa’, jgħib, filwaqt li d-dawl tal-Mulej hu ġentili iżda permanenti.

Ix-xitan, tenna Franġisku, isaħħarna għax jaf imiss il-vanità tagħna, il-kurżità tagħna u aħna nixtru kollox, jiġifieri naqgħu fit-tentazzjoni. Għalhekk huwa tellief perikoluż u rridu noqgħodu attenti minnu, issokta Franġisku filwaqt li stedinna biex, kif jgħid Ġesù, nishru, nitolbu u nsumu. B’hekk ngħelbu t-tentazzjoni.

Imbagħad hu fundamentali li ma nersqux qribu għax, kif kien jgħid wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja, ix-xitan qisu kelb irrabjat marbut b’katina li m’għandniex immelsuh għax jigdimna. Jekk jiena naf, kompla l-Papa, li kif nersaq lejn dak il-ħsieb, lejn dik ix-xewqa, jekk jiena mmur xi mkien, inkun qed nersaq qrib il-kelb irrabjat u mxekkel bil-katina. Ma mmorrux qribu biex jigdimna, minkejja li marbut, għax inkunu qed nidħlu għaliha, kif ngħidu bil-Malti. Lix-xitan inħalluh marbut hemm.

U rridu wkoll nifhmu li max-xitan ma nddjalogawx bħalma kienet għamlet Eva. Eva kienet ħasbet li saret l-akbar teologa u waqgħet. Fid-deżert, Ġesù ma jagħmilx hekk, iwieġeb bil-Kelma t’Alla, Ikeċċi x-xjaten u kultant jistaqsihom isimhom imma qatt ma jiddjaloga magħhom.

Għaldaqstant il-Papa wissiena biex ma niddjalogawx max-xitan, hu jgħelibna dejjem għax moħħu jilħaqlu aktar minn tagħna.

Ix-xitan jilbes ta’ anġlu, imma hu anġlu tad-dellijiet, anġlu tal-mewt. Hu kkundannat u tellief, marbut bil-ktajjen u jaf li wasal tmiemu, imma għandu l-meżżi biex jagħmel straġi. Aħna għandna nitolbu, nagħmlu penitenza, ma nersqux lejh u ma nitkellmux miegħu. U fl-aħħar immorru għand l-Omm, bħalma jagħmlu t-tfal meta jkunu mbeżżgħin. Immorru għand il-Madonna. Hi tħarisna.

Il-Missirijiet tal-Knisja, speċjalment il-mistiċi Russi, jgħidu: fi żmien it-taqlib spiritwali, nistkennu taħt il-mant tal-kbira Omm Alla. Immorru għand l-Omm u jalla hi tgħinna f’dit-taqbida mat-tellief, mal-kelb marbut, biex ngħelbuh, temm il-Qdusija Tiegħu.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: