Home > Aħbarijiet > Eluf ta’ tfal tal-iskola Maltin qed jgħinu lit-tfal Sirjani jattendu l-iskola

Eluf ta’ tfal tal-iskola Maltin qed jgħinu lit-tfal Sirjani jattendu l-iskola


Il-Ħamis 10 ta’ Mejju 2018: Aktar minn 5,500 tifel u tifla minn 24 skejjel madwar il-gżejjer Maltin ħadu sehem f’kampanja ta’ ġbir ta’ fondi biex jgħinu lil xi wħud mit-tfal l-aktar imċaħħda fis-Sirja sabiex jingħataw edukazzjoni skolastika. F’din l-inizjattiva organizzata mill-Aid to the  Church in Need (Malta) ħadu sehem 24 skola – 8 skejjel f’Għawdex, 9 skejjel tal-Knisja, 5 Skejjel Statali u 5 Skejjel Privati ​​f’Malta.

sirjaIl-qerda ta’ mijiet ta’ skejjel f’ħafna bliet Sirjani ġegħlet ir-raggruppament ta’ studenti fl-iskejjel li kien għad fadal u għalhekk klassijiet maħsuba għal 28 student ta’ spiss qed ikun hemm bejn 50 u 60 tifel u tifla ta’ abbiltajiet differenti. Il-klassijiet iffullati u n-nuqqas ta’ riżorsi affettwaw l-edukazzjoni tat-tfal Sirjani. Ħafna minnhom jinsabu f’livell inqas minn normal għall-età tagħhom. Huma kellhom jitilfu xhur jew saħansitra snin ta’ skola minħabba li kien wisq perikoluż li joħorġu minn djarhom. Minħabba hekk tilfu ħafna lezzjonijiet u qegħdin isibuha diffiċli biex ilaħħqu.

Minħabba t-tbatija tat-tfal fis-Sirja li l-edukazzjoni tagħhom ġiet imfixkla minħabba l-gwerra li issa tinsab fit-tmien sena tagħha, eluf ta’ tfal Maltin qed jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jgħinuhom. Mill-bidu tar-Randan Imqaddes ħafna tfal għażlu li jagħmlu sagrifiċċju fejn iċċaħdu mill-ħelu u affarijiet oħra u minflok taw donazzjonijiet biex jgħinu lit-tfal Sirjani. Flimkien, dawn id-donazzjonijiet żgħar ammontaw għal aktar minn €8,000 li qed imorru b’riżq proġetti edukattivi fis-Sirja għal tfal li kienu milquta mill-gwerra.

Diġà nġabru biżżejjed flus biex jiġu ffinanzjati 195 borża ta’ studju għat-tfal tal-ifqar familji li l-ġenituri tagħhom ma setgħux jibagħtuhom l-iskola. Il-kampanja ta’ ġbir tal-Aid to the Church in Need (Malta) qed tipprovdi wkoll 20 ġimgħa ta’ tagħlim fid-djar għal numru ta’ tfal f’partijiet ta’ Damasku li ntlaqtu l-aktar mill-bumbardament reċenti.

L-Aid to the Church in Need (Malta) tirringrazzja lit-tfal kollha li ħadu sehem u anke lill-Kapijiet tal-iskejjel, għalliema, amministraturi u ġenituri li tant ħadmu biex jippromwovu l-kampanja u jorganizzaw il-ġbir tad-donazzjonijiet fl-iskejjel tagħhom għat-tfal Sirjani. L-Aid to the Church in Need (Malta) tirringrazzja wkoll lil Fr. Effie Masini (Delegat tal-Isqof t’Għawdex), Fr. Reuben Gauci (responsabbli mill-iżvilupp spiritwali fl-iskejjel tal-Knisja u l-Istat), is-Sur Joe Farrugia (id-Delegat tal-Arċisqof għal-Lajċi) u s-Sur Lawrence Aquilina.

It-tmiem ta’ din il-kampanja jaħbat maċ-ċelebrazzjonijiet tar-4 Anniversarju tal-Aid to the Church in Need (Malta) minn mindu fetaħ l-uffiċċju tal-Aid to the Church in Need f’Malta fit-13 ta’ Mejju 2014.  L-Em. Tiegħu l-Kardinal Mauro Piacenza, il-President tal-Aid to the Church in Need (Internazzjonali), bagħat messaġġ personali biex jifraħ lill-Aid to the Church in Need (Malta) fejn faħħar il-kisbiet tagħha f’dawn l-aħħar 4 snin. Biex tiċċelebra r-4 anniversarju, l-Aid to the Church in Need (Malta) qed torganizza Quddiesa ta’ ringrazzjament lil Alla,  il-Ħadd, 13 ta’ Mejju 2018 fid-9.00am, fil-Knisja tal-Bon Pastur, Ħal Balzan. Ser iqaddes Mons. Prof. Hector Scerri, l-Assistent Ekkleżjastiku tal-Aid to the Church in Need (Malta).

 

Categories: Aħbarijiet
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: