Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 16, 16-20
Din is-silta tfakkarni ħafna f’dawk il-mumenti fil-ħajja meta xi ħadd isejjaħ lil xi ħad dieħor biex, ngħidu aħna, jiġi jiekol, iqum mis-sodda filgħodu, iħejji biex jitlaq, u dik il-persina twieġeb: dalwaqt niġi, dalwaqt inqum, dalwaqt nitlaq; jew issa niġi, issa nqum, issa nitlaq. Iżda filwaqt li l-kelma dalwaqt hija forma mqassra ta’ dan il-waqt, li tfisser issa, immedjatament, ħad dma jifhem hekk u qatt ma jiġri hekk. Dalwaqt jew issa jfissru li se jagħmel dak li għandu jsir imma mhux iss’issa, fadal naqr’oħra, għandi bżonn iktar ħin. Għalkemm din il-frażi drajna nużawha u kulħadd jaf xi jfisser, xorta waħda tnissel frustrazzjoni f’min isejjaħ u jieħu dik it-tweġiba. Aħna nistennew li kollox mal-ħaġra t-tajn.
Meta Ġesù jkellem lid-dixxipli tiegħu, mhux dejjem jifhmu eżatt xi jrid jgħid jew jifhmu dak li jridu huma, kif jiġrilna aħna meta nużaw frażijiet jew kliem li għandu l-ħila jkollu tifsiriet oħra. Mhux l-ewwel darba li naraw lil Ġesù jitkellem u s-sens ta’ kliemu jiftiehem kważi bil-maqlub ta’ dak lijkun irid ifisser hu.
Id-dixxipli kienu jagħmlu kif normalment nagħmlu aħna; minflokj lil min tkellem xi jrid ifisser eżatt, bdew diskussjoni bejniethom. It-taħwid fl-imħuħ minflok jonqos, jiżdied; kulħadd jinterpreta, jagħti l-opinjoni tiegħu, il-ħsieb tiegħu, is-suspetti tiegħu u t-tweġiba, fl-aħħar, normalment tkun li min qed jitkellem mhux f’sensih jew fis-sakra, mela aħjar ninjorawh, ngħodduh talli hu. B’li qed jgħid jew mingħajru aħajr mingħajru, għax biex tqogħod taħseb fuq dak li ma tifhimx, mhu se tieħu xejn ħlief taħli ż-żmien.
Ġesù f’dawn il-kapitli mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, jiftaħ qalbu ta’ Alla magħmul bniedem mad-dixxipli tiegħu, joħroġ minn qalbu dak li hemm imburġat fiha. Jaf ir-rejaltà ta’ dak li għaddej minnu u ta’ dak li se jgħaddi minnu, iżda qalbu ma timteliex b’indiema jew b’rabja jew bi qtiegħ ta’ qalb, tibqa’ tfawwar bl-imħabba għal dawk li għandu quddiemu, għall-bnedmin kollha, anke dawk li għad iridu jinfduh.
Il-problema tad-dixxipli, li kienu ta’ ġewwa miegħu, hija waħda; l-istess waħda tagħna elfejn sena wara. Dejjem naħsbu li Ġesù jkellimna fuq il-livell uman biss, u nistennew li dak li jgħid iseħħ malajr kemm jista’ jkun, issa u hawn. Iżda Ġesù huwa Alla magħmul bniedem u jrid li aħna nidħlu fil-ħajja ta’ Alla. biex dan jiġri hu meħtieġ li nirraġunaw bħalu, nidħlu mhux biss fil-qalb tiegħu fejn ingawdu l-imħabba iżda nidħlu wkoll fil-moħħ tiegħu minn fejn nitgħallmu naħsbu bħalu.
Barra minn hekk, jekk insibuha diffiċli nifhmuh, biex nifhmuh irridu nistaqsu lilu fit-talb, f’komunikazzjoni diretta miegħu. Hu jispjega dak li jrid jgħid skond il-ħajja li nkunu qed ngħixu dak lil-ħin. Hemm isniru nafuh u hemm insiru hu.
Ġesù ma jridniex inkunu fotokopja tiegħu, ma jridniex nimitawh, imma, fl-imħabba tiegħu gaħlina irid li nsiru hu ieħor, alter Christus.
Id-dinja dan ma tagħrfux u teħodha kontra tiegħu. Dan hu għajn ta’ tiġrib u niket; tiġrib li għad jingħeleb għax megħlub diġa u niket li jitbiddel f’hena għax hu hena diġa.