Home > Minn Angelo Xuereb > Riflessjoni dwar Għid il-Ħamsin

Riflessjoni dwar Għid il-Ħamsin


Kitba ta’ Angelo Xuereb – Fl-Għid il-Kbir il-Knisja tibda mixja ta’ ħamsin jum sal-Għid il-Ħamsin, li fih niċċelebraw l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli.

1Ġesù jwiegħed lill-appostli l-Ispirtu s-Santu

Wara li Sidna Ġesù qam mill-imwiet huwa baqa’ jidher lill-appostli sa meta tela’ s-sema fuq il-lemin tal-Missier. Din il-presenza ta’ Kristu Irxoxt  qawwiet il-fidi tagħhom. Iżda kien għad jonqos il-miġja tal-Ispirtu s-Santu. Hekk qalilhom Ġesù Kristu meta kien għadu fid-dinja: “Imma jien ngħidilkom is-sewwa; jaqblilkom li jien immur, għax jekk ma mmurx, l-Avukat ma jiġix għandkom; imma jekk immur, nibgħatulkom” (Ġw 16,7).

F’Għid il-Ħamsin li kienet festa Lhudija, l-appostli kienu lkoll flimkien f’Ġerusalemm. F’daqqa waħda ġie ħoss mis-sema bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. “U deherulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassamu u qagħdu fuq kull wieħminnhom” (Atti 2,3). L-appostli mtlew bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu bl-ilsna oħra skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom. Dan il-jum nistgħu nsejħulu l-magħmudija tal-Knisja.

L-Ispirtu s-Santu jġib il-għaqda. L-Atti tal-Appostli jgħidilna li li dawk li kikenu hemm kienu jisimgħuhom jitkellmu b’ilsien art twelidu. Insibu msemmija din l-lista ta’ ġnus: Partin, Medin, Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, nies mill-Kappodoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, Ċireni, Rumani, nies minn Kreta u Għarab. F’kelma waħda l-Atti tal-Appostli jsemmi l-ġnus tad-dinja ta’ dak iż-żmien. B’hekk naraw li l-Ispirtu s-Santu jġib il-għaqda. Fejn hemm l-ispirtu ta’ Alla mhemmx inkwiet u glied iżda paċi.

2Is-suppervja ġġib it-taħwid

Jekk inqallbu l-Iskrittura naraw rakkont mit-Testment il-Qadim li huwa l-oppost ta’ dak li ġara nhar Għid il-Ħamsin. In-nies ta’ Babel riedu jagħmlu torri li jilħaq is-smewwiet. Kienet xewqa ta’ awtonomija minn Alla b’tali mod li l-bniedem ma jiddependix mill-ħallieq. Iżda l-konsegwenza ta’ dan kollu kien li huma nfixlu u hekk waqfu jibnu dak is-simbolu ta’ suppervja.

In-nies ta’ Babel huma xbieha tal-bniedem li jrid jgħaddi mingħajr Alla. Din ix-xewqa tiġi minn nuqqas ta’ fidi flimkien ma’ suppervja. It-tifsira ta’ din l-istorja hija li l-bniedem mingħajr Alla jispiċċa f’nuqqas ta’ paċi u inkwiet. F’Pentekoste ġara l-kuntrarju ta’ dak li seħħ f’ Babel. L-Ispirtu ta’ Alla jiġbor flimkien popli minn kull tribù u ġens u jgħaqqadhom fil-poplu ta’ Alla l-ġdid.

Filwaqt li fl-istorja tat-torri ta’ Babel insibu s-suppervja f’Għid il-Ħamsin insibu l-umiltà.  Fejn hemm is-suppervja ser ikun hemm it-tifrik filwaqt li fejn ikun hemm l-umiltà ser isir il-ġid. Filwaqt li l-istorja tat-torri ta’ Babel insibu li frott is-suppervja l-bnedmin ma baqgħux jiftehmu bejniethom, fil-Pentekoste nsibu l-armonija fejn l-appostli kien jiftehmu mill-ġnus tad-dinja ta’ dak iż-żmien.

San Pawl fl-Ittra lill-Galatin jgħidilna: “Il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, il-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażna” (5, 22). L-Ispirtu s-Santu jagħtina biss ispirazzjonijiet li jġibu l-paċi u l-għaqda. Għalhekk ħsibijiet ta’ inkwiet li jfarrku l-għaqda fil-familja mhumiex ġejjin minn Alla. Alla li huwa wieħed ta’ paċi mhux ser jispirana biex inġibu t-tilwim u l-firda anki jekk issir bil-pulit.

3L-Ispirtu s-Santu jibqa’ mal-Knisja

Meta niżel l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli huma imtlew bil-kuraġġ u ħarġu jxandru lil Sidna Ġesù Kristu li ġie msallab, miet iżda qam fit-tielet jum. Tant kienu mħeġġin għax-xandir tal-Evanġelju li ħasbuhom fis-sakra. L-Ispirtu s-Santu ma niżilx biss darba fil-Pentekoste iżda baqa’ fil-Knisja: minkejja l-firdiet, il-persekuzzjonijiet u nuqqas ta’ xhieda mill-membri tagħha, hija baqgħet bħala għarusa ta’ Kristu xxandar l-Evanġelju. Forsi semmejna biss ħwejjeġ negattivi: Il-Knisja matul is-sekli tatna tant qaddisin, tant xhieda nisranija, tant insara li taw ħajjithom għal Kristu, tant opri ta’ karità, xogħol missjunarju, kitbiet ta’ Missirijiet il-Knisja, Dutturi, qaddisin u teoloġi, opri ta’ arti, u edukazzjoni reliġjuża u anki ċivili.

Matul is-sekli ġraw xi firdiet fil-Knisja li għadhom jinħassu sal-lum. Ta’ min isemmi li mill-Konċilju Vatikan II, li tant xtaq l-għaqda tal-insara, saru progressi kbar. Bdejna nifhmu aktar lil xulxin. Bdew isiru laqgħat flimkien. Ta’ min isemmi li għalkemm l-firdiet għadhom hemm l-antagoniżmu spiċċa. Din hija wkoll ħidma tal-Ispirtu s-Santu li jrid il-għaqda tal-insara. Nitolbu għalhekk għall-għaqda tal-insara sabiex isiru aktar progressi u dan l-iskandlu tal-firda tad-dinja nisranija jittaffa bil-bosta. Ma ninsewx li dak li huwa impossibbli għall-bniedem huwa possibbli għal Alla.

L-Ispirtu s-Santu ma jaħdimx biss bil-Knisja imma fid-dinja kollha. Permezz tal-ispirazzjoni ta’ ħlewwa tiegħu huwa jispira anki persuni li ma jemmnux, li ħallew il-Knisja jew li jħaddnu reliġjonijiet oħra biex jimxu skont il-kuxjenza tagħhom. Huwa jipprepara t-triq ukoll sabiex dawk li huma ta’ rieda tajba jagħrfu lil Kristu. Fi ftit kliem il-ħidma tiegħu ma nistgħux nillimitawha għall-membri tal-Knisja iżda għall-bnedmin tad-dinja kollha. Il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu hija bla limiti.

4L-Ispirtu s-Santu jgħin lilna wkoll

L-Ispirtu s-Santu għalhekk jaħdem fina wkoll. Ma ninsewx li rċevejnieh b’mod speċjali fil-magħmudija u fil-ġriżma tal-Isqof. Meta nkunu nfittxu x’inhija r-rieda ta’ Alla għalina ejjew nitolbuh bla waqfien. Huwa jagħtina l-qawwa li nqisu kollox bil-kejl ta’ Alla u li nirbħu l-biża’ li ngħixu ta’ vera insara. Quddiem it-tfixkil li niltaqgħu miegħu biex ngħixu l-ħajja nisranija huwa jagħtina qawwa speċjali. Fit-taqtigħ il-qalb huwa jfarraġna u jfakkarna eżattament is-sejħa nisranija tagħna.

Fuq kollox l-Ispirtu s-Santu jagħmilna xhieda ta’ Kristu b’tali mod li huwa jsir iċ-ċentru tal-ħajja tagħna, infuru fl-ispirtu tiegħu tant li nkunu nixtiequ nagħtuh lill-oħrajn kif għamlu l-appostli fil-Pentekoste.

Categories: Minn Angelo Xuereb
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: