It-Tnejn 14 ta’ Mejju, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.
Bħala destin aħna rċevejna l-imħabba ta’ Ġesù. Din ma kinitx kumbinazzjoni għax il-vokazzjoni tagħna hi propju li nibqgħu ħbieb ta’ Ġesù. Dan fakkru l-Papa Frabġisku waqt l-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta, illum.
Il-Papa kien imnebbaħ mill-qari tal-Liturġija tal-lum li fiha nsibu mtennija għadd ta’ drabi l-kelma “xorti”.
Aħna rċevejna dar-rigal bħala ”destin”; il-ħbiberija ma’ Ġesù, din hi l-vokazzjoni tagħna, li ngħejxu ħbieb ta’ Ġesù. L-Appostli kienu rċevew dar-rigal huma wkoll, aktar qawwi, imma l-istess bħal tagħna. Aħna l-insara lkoll irċevejna dar-rigal: li naslu sal-qalb ta’ Ġesù, għall-ħbiberija miegħu. Hu rigal li l-Mulej dejjem iħarsu għax hu fidil.
Però ħafna drabi aħna m’aħniex fidili, nitbegħedu bi dnubietna, bil-kapriċċi tagħna. Iżda hu jibqa’ fidil lejn dil-ħbiberija. Kif ifakkarna l-Vanġelu tal-lum, Ġesù ma jsejħilniex aktar “qaddejja” imma “ħbieb”. Dan Hu ma jinsiehx għax hu fidil, tenna l-Papa Franġisku. Saħansitra ma’ Ġuda, għax l-aħħar kelma li jgħidlu qabel it-tradiment hi propju “ħabib”, ma jgħidlux “itlaq’l hemm”.
Ġuda mar ifittex id-destin ġdid tiegħu li hu għażel liberament, tbiegħed minn Ġesù. Din hi l-apostasija (iċ-ċaħda): li nitbegħedu minn Ġesù. Ħabib li jsir għadu jew ħabib li jsir indifferenti jew li jsir traditur.
Kif qrjana llum, minflok Ġuda jintgħażel Mattija, biex ikun xhud tar-Riżurrezzjoni, xhud ta’ din l-imħabba. Il-ħabib, fakkar il-Papa, hu dak li jafda s-sigrieti tiegħu mal-ieħor. “Sejjaħtilkom ħbieb għax dak li smajt mingħand Missieri għarraftu lilkom ukoll”, jgħid Ġesù fil-Vanġelu. Għalhekk din hi ħbiberija li rċevejna bħala destin tagħna bħalma kienu rċevewha Ġuda u Mattija.
Naħsbu ftit f’dan: Hu qatt ma jiċħad dar-rigal, jibqa’ jistenniena sal-aħħar. U meta aħna, minħabba d-dgħufija tagħna nitbegħedu minnu, Hu jibqa’ jistenna. Hu jkompli jgħid: “Ħabib, għadni nistennik. Ħabib, xi trid? Ħabib għaliex tittradini b’bewsa? Hu fidil u aħna għandna dejjem nibqgħu nitolbuh il-grazzja li nibqgħu f’imħabbtu, nibqgħu fil-ħbiberija tiegħu, dik il-ħbiberija li aħna rċevejna bħala rigal mingħandu.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.