Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > L-għaqda vera hi t-triq ta’ Ġesù

L-għaqda vera hi t-triq ta’ Ġesù


Il-Ħamis 17 ta’ Mejju, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Hemm żewġ toroq: dik tal-veru għaqda li jrid imexxina fiha Ġesù, u dik tal-għaqda taparsi mimlija tqassis u kundanni, li tifred.

Fil-quddiesa li ċċelebra dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku stedinna biex naħdmu għall-għaqda vera u wissiena li fejn hemm it-tqassis u l-kundanni, hemm il-firda. Il-Papa kien qed jagħmel riflessjoni dwar il-qari tal-quddiesa li ttina l-liturġija tal-lum.

Il-vera għaqda hi mal-Missier, għaqda li Ġesù jrid itiha lilna wkoll, kif naraw fil-Vanġelu meħud minn San Ġwann. Hija għaqda li ġġib is-salvazzjoni, li timxi lejn l-eternità. Meta aħna fil-ħajja, fil-Knisja, fis-soċjetà ċivili naħdmu għall-għaqda, inkunu mexjin fit-triq li wriena Ġesù.

Però, issokta Franġisku, hemm l-għaqda finta, taparsi, bħal dik li biha bdew jakkużaw lil Pawlu, kif rajna fl-ewwel qari. Għall-bidu dehru li kienu ħsieb wieħed biex jakkużawh, iżda Pawlu, għax moħħu jilħaqlu, mimli bid-dehen uman u tal-Ispirtu s-Santu, tefgħalhom il-lixka tal-firda meta qalilhom li kienu ġabuh għall-ħaqq minħabba t-tama fil-qawmien mill-mewt.

F’persekuzzjonijiet oħra li sofra Pawlu, naraw li l-poplu jgħajjat bla ma jaf x’inhu jgħid, u huma l-mexxejja li jiddettawlu x’għandu jgħid. Din hi strumentalizzazzjoni tal-poplu u hija wkoll disprezz tal-poplu għax minn poplu tagħmlu ‘massa’. Huwa element li jittenna bosta drabi llum ukoll. Nhar Ħadd il-Palm kulħadd jgħajjat, ‘Imbierek min ġej f’isem il-Mulej’; ftit jiem wara, fil-jum tal-Ġimgħa, l-istess nies jgħajtu, “Sallbu.’

X’ġara? Serqulhom ħsiebhom, ikkontrollawhom, u biddlu l-affarijiet. B’hekk lill-poplu għamluh ‘massa’ qerrieda.

Dan hu metodu li ntuża biex jippersegwitaw lil Ġesù, lil Pawlu, lil Stiefnu u lill-martri kollha, metodu li għadu jintuża llum ukoll, osserva l-Papa Franġisku. Per eżempju, fil-ħajja politika, meta jkun se jseħħ xi kolp ta’ stat, il-mezzi tal-komunikazzjoni jibdew iqassu fuq in-nies, fuq id-diriġenti, u bil-kalunja, jisirqulhom il-fama, iħammġuhom. Hija persekuzzjoni li dehret ukoll fl-anfiteatri meta n-nies kienet togħxa tgħajjat biex tara t-taqbid bejn il-martri u l-bhejjem selvaġġi jew il-gladjaturi.

Il-mod li bih naslu għall-kundanna hu dejjem wieħed: l-ambjent fejn l-għaqda hi finta, saħaq Franġisku. L-istess jiġri fil-komunitajiet parrokkjali tagħna fejn issib tnejn jew tlieta li jibdew jikkritikaw lil xi ħadd ieħor, iqassu fuqu. Imbagħad tibda tiġri l-kelma u tifforma ruħha għaqda sħiħa ta’ kundanna, kundanna mentali. Imbagħad, meta dawn it-tnejn jew tlieta jinfirdu, jibdew iqassu fuq xulxin ukoll!  Għax huma mifrudin. Dan juri li t-tqassis hu atteġġjament assassin għax joqtol, ikisser il-fama tan-nies.  Il-metodu tat-tqassis intuża wkoll fuq Ġesù: wara li skreditawh, riedu jeħilsu minnu.

Naħsbu ftit fil-vokazzjoni kbira li aħna msejħin għaliha, qal Franġisku: l-għaqda ma’ Ġesù, mal-Missier. U aħna f’dit-triq irridu nimxu; inkunu rġiel u nisa li jingħaqdu biex dejjem ifittxu jimxu ‘l quddiem fit-triq tal-għaqda. Mhux għaqda finta, taparsi, bla sustanza, li sservi biex tiġġudika, tikkundanna u tfittex l-interessi tal-prinċep ta’ did-dinja, li hi l-qerda.

Jalla l-Mulej itina dil-grazzja li nimxu dejjem fit-triq tal-għaqda vera, temm jgħid il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku.

 Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: