Lectio Divina għas-Solennità tat-Trinità Qaddisa: Sena “B”

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Mt 28, 16-20): Dis-silta tagħlaq l-Evanġelju ta’ S. Mattew, fejn rajna l-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art – it-twelid f’Betlem, it-trobbija f’Nazareth, u l-ħidma f’Kafarnaum u
Ġerusalemm. B’ebda mod m’għandna nqisu dis-silta bħala t-tmiem tal-ħidma ta’ Ġesù fuq din l-art. Pjuttost hija bidu. Ġesù se jidħol fid-dar tal-Missier u jħalli l-Missjoni tiegħu f’idejn l-Appostli. Ordnalhom biex jinġabru fil-Galilija, fuq il-muntanja tal-Beatitudni. Muntanja tal-ġebel imma wkoll waħda li tirrappreżenta l-post fejn il-bnedmin setgħu jaċċettaw u jassimilaw il-ħsibijiet t’Alla. Kien il-post fejn wieħed seta’ jara l-Baħar tal-Galilija u Kafarnaum, fejn Ġesù żvolġa ħafna mill-ministeru Tiegħu.

Kien hawn li Ġesù sejjaħ l-ewwel Appostli. Illum, mill-istess post, se jagħti l-mandatt lill-Ħdax biex jibdew il-Knisja Tiegħu, il-Komunita Ġdida: ħdax għax jonqos wieħed, l-anti-dixxiplu, dak, u kull min hu bħalu, li ma telgħax dil-muntanja biex iħaddan il-Beatitudni, u b’hekk ma setgħax jagħmel esperjenza tal-Qawmien. Min jagħmel hekk ikun qed jagħżel id-dinja l-antika: poter, regħba, vjolenza. Minn flok, Ġesù jagħti bidu għas-Saltna Tiegħu b’dawn il-ħdax l-Appostli, imbeżżgħin, fraġli, mimlija dubji u nċertezzi. Dawn kienu persuni li ħarbu mill-ġnien taż-żebbuġ u ħallew lil Ġesù waħdu. Għamlu żbalji oħra. Il-kap tagħhom ċaħdu wkoll. Minkejja did-dgħufija kollha, qallhom biex jinġabru hawn illum.

1. “Kif rawh inxteħtu quddiemu.” Il-verb “rawh” hawn ifisser aktar milli tara bl-għajnjen materjali. Dawn huma persuni li laqgħu il-Beatitudni, allura għarfu ‘l Ġesù u l-missjoni Tiegħu, dik li jagħti ħajtu għalina. Aħna wkoll għandna bżonn nitilgħu fuq dil-muntanja, naċċettaw u nattwaw il-Beatitudni, biex ukoll aħna “naraw” li s-sejħa tagħna hija li l-ħajja se tkun mimlija meta ngħixu m’Alla u f’Alla. “Inxteħtu quddiemu”, i.e. adurawh, għarfu l-preżenza t’Alla f’Ġesù, il-wiċċ t’Alla stampat f’wiċċ Ġesù: dan hu Alla li jagħti lilu nnifsu, mhux xi alla tal-filosfi jew poeti.

2. “Xi wħud iddubitaw.” Fejn tidħol il-Fidi, p.e. fil-Qawmien, m’għandniex provi jew ċertezzi imma raġunar. Mela normali li jkollna d-dubji. Jistgħu jeżistu flimkiem il-Fidi u d-dubji, l-adorazzjoni u d-dubji. Ġesù ma jibżax mid-dubji tagħna għax jaf li aħna umani. In fatti lid-dixxipli ma ċanfarhomx. Mill-banda l-oħra, kieku jkollna l-provi konkreti, ma jkollniex bżonn il-Fidi. Mela meta jkollna d-dubji għandna naċċettawhom bil-kalma. Aktarx il-bidu tad-dubji hu l-ewwel Beatitudni: “Henjin il-fqar fl-ispirtu”. Xi wħud jirrispondu: “Kif, Mulej? Irrid nirrinunċja għal kollox? Nagħti kollox lill-fqar?” Dan ir-raġunar inibbet id-dubji fina. Ġesù jaf b’dan, u jagħtina l-għajnuna u l-qawwa biex nifhmu sew dil-proposta Tiegħu. Dment li nibqgħu fuq il-livell tal-Muntanja, jirnexxielna nilqgħu dil-proposta bid-dubji li ġġib magħha. Jekk nitbiegħdu mill-Muntanja, nibdew infittxu provi konkreti, umani, xjentifiċi. Il-Fidi rridu nmantnuha l- ħin kollu bil-Kelma t’Alla, inkella tiddgħajjef.

3. “Ġesù resaq lejhom”. Ġesù tielgħa s-Sema. Ma jfissirx li se jitlaq (“Jien nibqa’ magħkom għal dejjem”). L-Irxoxt jersaq lejn id-dixxipli, u se jibqa’ qrib tagħhom, għax lil dawn se jafdalhom il-missjoni Tiegħu.

4. “Kull qawwa ngħatat lili..” Mhux dik li biha ttentah ix-xitan fid-deżert, qawwa li tiddomina bil-forza. Imma l-qawwa t’Alla, tal-imħabba, dik li tagħti ħajtek għall-oħrajn. Ġesù għandu dil-qawwa fil-milja kollha tagħha. Issa se jgħaddiha lid-dixxipli.

5. “Morru, mela….” Morru, ibdew, għamlu lil kulħadd dixxipli, ħajruhom jaċċettaw il-proposti tal-Beatitudni. Kulħadd, i.e. il-ġnus kollha. Għall-Lhud din kienet idea ġdida. Huma biss kienu l-poplu t’Alla, huma biss kienu se jsalvaw. Imma l-pjan t’Alla kien li huma jikkonvertu ġnus oħra, mhux iżommu s-salvazzjoni għalihom biss.

6. “Għammduhom…” “Battizzare” propjament tfisser “immersjoni”, tniżżel taħt l-ilma. Mela l-ewwel dixxipli, u aħna l-Insara, d-dixxipli tal-lum, għandna l-obbligu li nħajru kull bniedem, ta’ kwalunkwe razza, biex “jegħreq” fil-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, jiġifieri, bis-simbolu tal-ilma mraxxax fuq rasu jew imdawwar ma’ ġismu kollu, hu jidħol jagħmel parti mill-ħajja Divina, il-ħajja tat-Trinità.

7. “…. kulma għallimtkom jien…” fuq kollox il-Beatitudni.

8. “Jien magħkom dejjem”. Ġesù m’huwiex “hemm fuq” imma qiegħed magħna u qed jakkumpanjana f’kull pass li nagħmlu. Il-missjoni tal-Knisja llum hi li żżomm preżenti lil Kristu f’ħajjitna. U aħna mbagħad irridu nkunu xhieda ta’ Kristu Rxoxt.

Sors: lachiesa.it/liturgua/omelie/fernandoarmellini

NB: Ta’ min jara wkoll l-omelija ta’ 5 minuti li l-Papa jagħmel kull nhar ta’
Ħadd f’nofs-in-nhar.  Tista ssegwih dirett minn fuq din il-pa[na tal-Laikos …  http://www.laikos.org/tvl-vat-page.htm

Wara tkun tista’ taqra wkoll id-diskoprs tal-Papa bil-Malti minn hawn …  http://www.laikos.org/Papa_Frangisku-Angelus.htm

 

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading