Tgħid Frizzi wieħed minnhom?


Dan l-aħħar, f’dawn il-kitbiet li jagħtini l-Ispirtu s-Santu, l-Imgħallem tal-imgħallmin għeni nitħaddet dwar il-qdusija. Naħseb li bqajtu tiftakruha l-kitba bit-titlu: Biex ma nilgħabiex tal-qaddis u l-qaddisa. Issa l-istorja ma waqfitx hawn ħbieb! Għax issa, inkiss inkiss, u ma nafx minn fejn, fettillu jdaħħal imnieħru Fabrizio Frizzi!

Is-sabiħa hi li issa hawn min qed iwaħħalha f’rasu li Fabrizio, preżentatur mill-aqwa tat-televiżjoni Taljana u li ħalliena f’qasir il-għomor, jista’ ikun wieħed minnhom! Iva ħi! Mill-qaddisin! Tafu li dan hu possibbli? U, bir-rispett kollu lejn l-opinjoni ta’ xi wħud, ma nafx l-għaliex din l-aħbar għandha tkun proposta xokk! Fi ftit kliem huwa possibbli li Frizzi, l-uman, tant kemm ħalla lill-Ispirtu s-Santu jaħdem fih li illum qiegħed fil-glorja tal-ġenna. Għax jinsab ħaġa waħda mal-Missier li ħalqu, l-Iben li salvah u mal-Ispirtu s-Santu li qaddsu.

Il-mewta tiegħu, nhar is-26 ta’ Marzu 2018, meta kien għadu kemm għalaq is-60 sena tiegħu permezz ta’ emoraġija ċelebrali, ħasditna ilkoll. Kemm kont nieħu gost narah, anki jekk letteralment bis-serqa, jippreżenta l-programm quiz fuq ir-RAI UNO L’eredità. Programm bħal dan, għadma iebsa għal min imexxieh, Frizzi kien jiffaċilitah b’faċilità mill-aqwa. Frizzi kien kapaċi jgħaddilek ħafna għerf b’naqra zokkor fil-kuċċarina. Xi ħaġa li, ħafna Taljani, di natura, huma ħafna tajbin biex jagħmluha.

Għalkemm kien għaddej minn mument tassew iebes fis-saħħa tiegħu Frizzi kien it-tip li jżomm kollox għalih. Mhux b’ħażen tafux. Imma hekk, biex ma jinkwetax lil dak li jkun. U, ta’ bniedem li kien jipprova jġib l-imħabba u l-paċi vera kullimkien, Frizzi kien qal lill-udjenza tiegħu meta kien irritorna f’Diċembru tas-sena li għaddiet wara li kien waqaf għal diversi ġimgħat f’Ottubru tal-istess sena, li kien għadu qiegħed jiġġieled il-marda tiegħu. U, lill-udjenza kbira li kienet isewgih, kien qalilha wkoll li meta kien se jfiq kien se jkun xhud tal-marda li għadda minnha.

Imma l-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi. U, kif ilkoll nafu, din ix-xewqa ta’ Frizzi mhux talli ma seħħitx talli l-preżentatur magħruf Taljan ħalliena malajr. Hekk! Ħabta u sabta! Nistgħu nimmaġinaw in-niket kbir li ħalla warajh hekk kif għalaq għajnejh. X’dieqa kbira ħalla warajh Frizzi! Ibda’ biex fil-familja tiegħu stess. Imbagħad anki qalb il-kollegi u l-ħbieb tax-xogħol tiegħu. U, fuq kollox, fl-udjenza televiża li kienet tiġġennen għalih. L-għaliex, u din irridu namettuha, Frizzi għalkemm kien bniedem li jmexxi s-shows ma kienx le xi showman. Kemm kien bniedem umli! Dejjem b’dik it-tbissima. U ġeneruż issemmix! Imma, u din hija importantissima, kien bniedem meqjuż ukoll.

U dan in-nies kienet taċċettah. Tħobbu. U tapprezzah bil-kbir! Kien għalhekk li l-mewta tiegħu ħolqot vojt tassew kbir li b’xejn u b’ħadd ma jista’ jimtela’. Għalhekk, il-magħruf magazine Taljan, DiPiù, fettillu jsaqsieha l-mistoqsija: “Huwa possibbli li personaġġ tat-tv jsir Qaddis għall-Knisja?”

Abbli bħalissa qed tgħidli: Patri! “Int f’sensik? Jew blajthom?” Jiġifieri int qed tgħid li Fabrizio Frizzi qaddis? Il-magazine DiPiù kien kuraġġuż. Tant li mhux biss staqsa l-mistoqsija imma wkoll kiteb editorjal sħiħ fuqha. B’dan il-mod DiPiù seħħlu jbiddel il-mewt tal-magħruf preżentatur Taljan f’kawża ta’ beatifikazzjoni. U biex tkompli tqajjem aktar interess fil-qarrejja tagħha r-redazzjoni tal-magazine, immexxija minn Sandro Mayer, ikkuntattjat Patri Romano Gambalunga, li hu espert f’dawn il-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-qdusija, biex iwieġeb hu għall-mistoqsijiet li d-DiPiù staqsieh.
Minn naħa tiegħu Patri Gambalunga wieġeb hekk: “Huwa żgur li dan il-kunsens popolari, u li tant jittieħed, jista’ jiġi interpretat bħala ‘fama ta’ qdusija’. Dan huwa t-terminu li bih, aħna l-postulaturi (persuna li tippreżenta każ għall-kanonizzazzjoni jew beatifikazzjoni ta’ persuna fil-Knisja Kattolika), infissru l-ewwel sinjal importanti biex niftħu l-proċess tal-kanonizzazzjoni. Għalhekk jekk il-ħaġa tidher assurda inkella eżaġerata, fil-verità ma tkunx hekk. Xi ftuħ hemm. Mhux ta’ min iwarrabha. Għalhekk, jista’ jibda’ proċess ta’ kanonizzazzjoni?

Inħoss li hu possibbli l-għaliex kollox jibda’ minn dan is-sentiment popolari. Minn din il-fama ta’ qdusija li tinħass madwar Frizzi u li wieħed jista’ imissha b’idejh. Kull postulatur huwa mħeġġeġ minn fenominu ta’ dan it-tip. U jien, bħala postulatur, inħossni milqut mill-għajta tal-poplu li għażel lil Fabrizio bħala eżempju ta’ tjubija. Li jersaq lejh bħalma kieku jagħmel ma’ min hu għalih mill-aktar għażiż fid-dinja, bħal omm, missier, jew xi ħadd mill-aħwa, u minnhom jitlob għajnuna u paċi. Dawn huma n-nies li, fihom infushom, jaħsbu: ‘Għinna, Fabrizio’. Persuni li jħossuhom tajjeb jew aħjar jekk jinvokaw u jiftakru f’Fabrizio. Dan il-furur tal-poplu jista’ ikun l-ewwel pass biex wieħed jibda’ jindaga fuq il-qdusija ta’ Frizzi. Imma t-triq hi twila”.

Intom tgħallmuni: Fuq Alla m’hemm ħadd. Mela lanqas il-Knisja m’hi fuq Alla! Jekk Frizzi kien qaddis il-Mulej dan se jurih żgur! Jekk int għandek bżonn grazzja itlobha iva lil-Mulej bl-interċessjoni ta’ Fabrizio Frizzi. U jekk il-grazzja taqlagħha kun raġel u mara li xxandarha. Ħalli jekk Fabrizio kien qaddis allura l-Knisja wkoll, b’umiltà u b’verità, tagħraf u tistqarr dan il-fatt mad-dinja kollha.

Hekk sewwa u xieraq!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.