Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Iċċarġjani waħda trid?

Iċċarġjani waħda trid?


Ic-charge! Jaħasra! Ma stajtx inwieġbek! Kont bla charge!

Ġieli sibt min jgħidlek hekk? Għax jien ġieli sibt! Ngħiduha kif inhi: ma tantx hi sabiħa li jkollok mobile mingħajr charge! Ajma! L-aktar illum! Meta sirna niddependu bil-kbir fuq it-teknoloġija soċjali!

Mela taqbel miegħi sieħbi li, mingħajr charge, illum tispiċċa qisek Robinson Crusoe! Tispiċċa waħdek! Sulu! L-għaliex, u dan irridu jew ma rridux ikollna nammettuh, ħafna nies issibhom bil-mobile. Li, u ovvjament, għandu l-internet u l-applications l-oħra kollha bħal whatz up, il-viber, it-tweeter, l-instagram u l-bqija.

Imma jien xi jkun jiswieli jekk għandi l-aqwa mobile fis-suq u armat bil-4G jekk dan il-mobile charge m’għandux? Nista’ nużah? Żgur li le! Dan bħal meta għandi karozza issemmix, (u issa ħa noqgħod attent biex ma nagħmilx riklami għalkemm ilsieni qed jikolni) u jaħasra ma nistax nistartjaha. L-għaliex fuel m’għandhiex! X’jiswa li ma nafx kemm għandha ċilindri meta dawn iċ-ċilindri spiċċaw fix-showcase tal-garaxx? Jew fejn qiegħdha ipparkjata? Wieqfa? U mhux bilfors sieħbi jekk fuel din il-karozza m’għandhiex?

Jiena u int eżatt bħal mobile! Ġieli jiġu mumenti fuqna li joħdulna ċ-charge kollu. Veru? Int ftakar naqra fil-battikati li qed tieħu bħalissa ma’ bintek jew ibnek. L-aktar jekk qiegħdin jitfarfru u jixtiequ li jkollhom il-ħajja tagħhom. Jiġifieri li jiddakkru naqra mill-peer pressure ta’ sħabhom. Nifimha! Adoloxxenti huma. Imma ħej dawn iridu jifhmu wkoll li mhux kulma jleqq deheb! Għalhekk int, bħala ġenitur, dejjem qed tara x’tagħmel biex lil dawn it-tfal ittellagħhom sewwa. Imma biex dan qed tagħmlu aqta’ kemm qed taħli enerġija! U ħa ngħidlek, tħobbhom kemm tħobbhom, veru jgħajuk man! X’taħseb?

L-istess bħalma jgħajjik ir-raġel jew il-mara. Li aqta’ kemm tigdem ilsienek biex iżżomm il-paċi fid-dar. Mhux ta’ b’xejn li, għall-Papa Franġisku, min jigdem ilsienu biex ma jaqlax ħafna nkwiet bla bżonn u jżomm kollox mistur ġo fih u ġo fiha u jispiċċa u tispiċċa li aqta’ kemm jaqla’ u taqla’, iqishom b’qaddisin ukoll! Issa din tgħodd ukoll għall-ħajja tal-kunvent tafux! Mela li tieħu paċenzja bil-Patri jew bis-Soru li tgħix miegħek ma tiswielekx xebgħa charge ukoll! Bħalma tiswielu wkoll il-Qassis miskin li jrid iħabbat wiċċu ma’ ħafna nies fix-xogħol tiegħu!

Insomma ħbieb! Min bi ftit u min b’wisq kulħadd iħossu msallab! L-għaliex il-ħajja hekk: tisliba! Mela, int u jien, wieħed mill-kunjomijiet tagħna żgur hu SALIBA! Imma li tkun fuq is-salib tfisser wkoll li tkun qed taħli ħafna enerġija. Issa meta naħli din l-enerġija, jew aħjar ninvestieha, ninvestieha kemm inkun qed ninvestieha, irrid inġibha minn xi mkien!

Għalik li tgħejja, bħali, li ġieli tkun taħt l-ilma, bħali, li ġieli jinqalbulek il-wires, bħali, u li ġieli jaħarquk, bħali, għalik iva għandi soluzzjoni. Hemm talba li tissejjaħ Konsagrazzjoni lill-Ispirtu s-Santu. Jiena nħobb nibda’ l-ġurnata tiegħi biha. Taf kemm sibtha tajba! Għax, minnha nnifisha, din il-konsagrazzjoni hija plakka li tqabbadni maċ-Charger etern, l-Ispirtu s-Santu!

Mela ħija, oħti, nissuġġerilek li tibda’ l-ġurnata tiegħek b’din ic-charge, jiġifieri b’din il-konsagrazzjoni li kliemha jgħid hekk:

Ejja Spirtu s-Santu! O Spirtu s-Santu, ilqa’ il-konsagrazzjoni perfetta u sħiħa tiegħi innifsi lilek. Fl-għemejjel kollha tiegħi agħtini l-grazzja li tkun għalija: Id-dawl tiegħi, Il-gwida tiegħi,
Il-qawwa tiegħi, U l-imħabba ta’ qalbi. Nerħi lili nnifsi f’idejk u nitolbok biex tagħtini l-grazzja li nobdi u nwettaq dak kollu li tnebbaħni nagħmel. Spirtu s-Santu ibdilni permezz ta’ Marija u ma’ Marija fix-xbieha ħajja ta’ Kristu Ġesù għall-glorja tal-Missier u għas-salvazzjoni tad-dinja. Amen.

B’din il-konsagrazzjoni aqta’ kemm tkun iċċarġjat u iċċarġjata! Aqta’ kemm tkun b’saħħtek! U ħa ngħidlek, minn imitation tiġi tad-ditta! Għax iċ-Charger, jiġifieri l-Ispirtu s-Santu, huwa l-Original! Mela d-Ditta fiha nnifisha!

Illum, li hi s-solennità tal-Inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja, il-Pentekostè, u biċ-charge li tahom c-Charger jiena u int Insara, l-għaliex ma tibdiex kuljum il-ġurnata tiegħek b’din il-konsagrazzjoni lilu? B’din iċ-charge? Mic-Charger Etern?

Tibżax! Imbagħad tant kemm tkun iċċarġjat li ħaddieħor jitħajjar ikun iċċarġjat bħalek! U mela l-għaliex din il-konsagrazzjoni ma titfagħhiex Facebook illum jew tibgħatha message? X’taħseb?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: