Id-Dar tal-Providenza


Xi xhur ilu kelli l-grazzja niċċelebra quddiesa ta’ tieġ fil-kappella tad-Dar tal-Providenza. Din l-esperjenza sabiħa ġagħlitni nfittex ftit, u aktar fil-fond, dwar din id-Dar li tant Maltin u Għawdxin iħobbu jgħinu minn qalbhom.

Id-Dar tal-Providenza twaqqfet fl-1965 minn Monsinjur Mikiel Azzopardi. Hi twaqqfet bil-għan li toffri ambjent ta’ familja lil diversi persuni b’diżabilità li, għal xi raġuni jew oħra, ma kienx possibbli għalihom li jibqgħu jgħixu mal-familja tagħhom. Tul dawn is-snin dan is-servizz, li dejjem baqa’ jikber u jipperfezzjona ruħu skont l-esiġenzi tad-dinja tallum, seta’ jkun possibbli grazzi għas-sapport kontinwu li l-Maltin u l-Għawdxin taw lid-Dar tal-Providenza, kemm b’ħidma volontarja u anki permezz ta’ għajnuna qawwija finanzjarja.

Illum id-Dar tal-Providenza tiġbor fiha tmiem residenzi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni u Villa Papa Luciani. Barra minhekk insibu wkoll ħamest idjar żgħar oħra li jissuktaw ix-xogħol li jsir fid-Dar tal-Providenza. Dawn huma fil-komunitajiet ta’ Birkirkara, tal-Qawra, tas-Siġġiewi, taż-Żurrieq u matul din is-sena, jiġifieri fl-2018, insibu wkoll dar oħra fil-Balluta.

Bħalissa fid-Dar tal-Providenza jgħixu mal-mija u ħmistax-il resident li l-età tagħhom tvarja minn sitt snin sa’ ‘l fuq minn tmenin sena. Matul il-ġurnata r-residenti jattendu Ċentri tar-Riżorsi, skejjel speċjali u anki Ċentri għall-Adulti. Residenti oħrajn jagħmlu xogħol fid-dar stess jew għandhom impjieg regolari fis-settur privat. Huma jieħdu sehem ukoll f’diversi attivitajiet barra mid-Dar f’ambjent inklussiv.

Id-Dar trid madwar erba’ miljun u tlief mitt elf ewro fis-sena biex titmexxa. Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza huwa Fr Martin Micallef. Il-viżjoni tad-Dar tal-Providenza, li tieħu isimha u l-kariżma tagħha mill-Vanġelu, hija primarjament organizzazzjoni residenzjali. Id-Dar tal-Providenza hija impenjata li tqawwi persuni li għandhom diżabilitajiet f’ambjent familjari li jkabbar u jimmassimizza l-abbiltajiet tagħhom b’viżjoni li jassigura l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà skont il-Vanġelu u t-tagħlim tal-Knisja Kattolika.

Il-missjoni tad-Dar tal-Providenza hija, l-ewwel nett, li tipprovdi kura individwalizzata u fit-tul lir-residenti b’diżabiltajiet f’konformità mad-drittijiet u d-dinjità sħiħa tagħhom. It-tieni, id-Dar tippromovi żvilupp personali ħolistiku u inklużjoni soċjali ta’ servizzi minn dawk li joqogħdu hemm, inkluż l-awtonomija u l-awtodeterminazzjoni tagħhom. It-tielet, li tipprovdi opportunitajiet lill-ħaddiema biex jiżviluppaw it-talenti tagħhom u biex ikabbru l-valur tax-xogħol tagħhom. Ir-raba’, li tipprovdi esperjenza li tfisser ta’ voluntarjat. Il-ħames, li tikkollabora ma’ organizzazzjonijiet oħra li huma attivi fil-qasam tad-diżabilità biex jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità mal-familji tagħhom.

Il-valuri ta’ Id-Dar tal-Providenza huma mħawla fit-tagħlim tal-Vanġelu. L-ewwel nett min qiegħed fid-Dar tal-Providenza jemmen li l-ħajja hija sagra. Għax il-ħajja għandha valur ugwali u inkondizzjonali. Id-Dar tal-Providenza temmen fir-rispett intrinsiku għall-persuni kollha, irrelevanti mill-qawwiet u l-abbiltajiet tagħhom. It-tieni, Id-Dar tal-Providenza temmen fil-Providenza Divina u li hija riflessa fil-mod ta’ mġieba li jassigura li nuqqas ta’ riżorsi mhux se jimpedu x-xogħol tagħha. It-tielet, id-Dar tal-Providenza temmen li l-familja hija s-sies tas-soċjetà u għalhekk tipprovdi sapport għall-familja b’tali mod li l-persuna b’diżabililtà hija mgħejjuna tissokta tgħix fil-familja tagħha. Sintendi, ġaladarba din hija x-xewqa tal-persuna. Ir-raba’, id-Dar tal-Providenza titħabat biex tiżviluppa spirtu ta’ komunità u li huwa rifless fl-attitudni tagħha li tfittex tagħti saħħa lill-persuni b’diżabilità, li tissapportja d-dritt tagħhom għall-privatezza u l-awto-determinazzjoni, li tippromovi l-interdipendenza u li tippromovi s-sapport ġust għas-servizz ta’ dawk li jużawha.

Il-bidu tas-sena 2018 ifakkar żewġ dati importanti fl-istorja tad-Dar tal-Providenza. Ħamsin sena ilu, fit-12 ta’ Jannar u l-11 ta’ Frar, it-tnejn fl-1968, ifakkru l-bidu tar-rabta ta’ mħabba bejn is-sorijiet ta’ San Giovanna Antida Thouret, magħrufa aħjar bħala s-Sorijiet tal-Karità u d-Dar tas-Siġġiewi. Xahar wara, l-ewwel tliet residenti ġew milqugħa fl-ewwel residenza tad-Dar li kienet Villa Monsinjur Gonzi.

Wara diversi tentattivi li fallew biex iġib patrijiet u sorijiet tal-Kongregazzjoni Reliġjuża ta’ Don Guanella biex imexxu din id-Dar, Dun Mikiel, il-fundatur tad-Dar tal-Providenza, irrikorra għas-Sorijiet tal-Karità biex jgħinuh fit-tmexxija tagħha. Il-Madre Ġenerali, Swor Maria Candida Torchino, lagħqet din it-talba u tat il-kunsens tagħha lill-Provinċjali ta’ Malta, Swor Maria Angela Carbella, u fit-12 ta’ Jannar 1968, xahar qabel daħlu l-ewwel residenti f’Villa Mons. Gonzi, bagħtet komunità żgħira ta’ sorijiet li bdew jgħixu u jipprepraw għal din il-ħidma ġdida. L-ewwel superjura ta’ din il-komunità kienet Swor Maria Assunta Mallia.

L-ewwel tliet residenti fid-Dar tal-Providenza daħlu fil-11 ta’ Frar 1968 u kollha sabu darhom f’Villa Monsinjur Gonzi. Tliet snin qabel, fis-27 ta’ Diċembru 1965, beda x-xogħol tal-kostruzzjoni fuq din id-Dar li aktar tard ingħatat l-isem ta’ Villa Monsinjur Gonzi. Dan kien sar b’rikonoxximent għall-appoġġ u għotja ġeneruża ta’ Lm 3,000 li l-Arċisqof Mikiel Gonzi innifsu ta lid-Dar. Dawn il-flus kienu ingħataw lilu bħala rigal fl-okkażjoni ta’ għeluq it-tmenin sena tiegħu. Fl-1999, din il-Villa kienet rinovata u inawgurata f’Lulju 2001.

Donazzjonijiet għad-Dar tal-Providenza jistgħu isiru fuq is-sit elettroniku: http://www.dartalprovidenza.org kif ukoll b’sms ta’ €7 fuq 5061 8922 jew bil-BOV Mobile Pay 7932 4834.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.