Katekeżi Konfirmazzjoni, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Ix-Xhieda Nisranija


1. Katekeżi dwar il-Konfirmazzjoni mill-Papa Franġisku. 23 ta’ Mejju 2018.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Wara l-katekeżi fuq il-Magħmudija, dawn il-jiem ta’ wara s-Solennità ta’ Għid il-Ħamsin jistednuna nirriflettu fuq ix-xhieda li l-Ispirtu jqanqal fl-imgħammdin, u hekk iċaqlaq lil ħajjithom, jiftaħha għall-ġid tal-oħrajn. Lid-dixxipli tiegħu Ġesù fdalhom missjoni kbira: “Intom il-melħ tal-art, intom id-dawl tad-dinja” (ara Mt 5:13-16).

Dawn huma xbihat li jġagħluna naħsbu fuq imġebitna, għax kemm il-melħ nieqes u kemm iż-żejjed jgħarrqu t-togħma tal-ikel, l-istess kif id-dawl nieqes u ż-żejjed it-tnejn ma jħallukx tara. Dak li tassew jista’ jagħmilna melħ li jagħti togħma u jżomm mit-taħsir, u dawl li jdawwal id-dinja, huwa biss l-Ispirtu ta’ Kristu! U dan huwa d-don li nirċievu fis-Sagrament tal-Konfirmazzjoni jew tal-Griżma, li fuqu nixtieq nieqaf nirrifletti magħkom. Jissejjaħ “Konfirmazzjoni” għax jikkonferma l-Magħmudija u jqawwi l-grazzja tagħha (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1289); kif ukoll “Griżma”, minħabba li aħna nirċievu l-Ispirtu permezz tad-dilka bil-“griżma” – żejt imħallat mal-fwieħa kkonsagrat mill-Isqof –, terminu li jfakkarna fi “Kristu”, il-Midluk tal-Ispirtu s-Santu.

L-ewwel pass hu li nitwieldu mill-ġdid għall-ħajja divina permezz tal-Magħmudija; imma mbagħad irridu nġibu rwieħna ta’ wlied Alla, jew aħjar, insiru ħaġa waħda fi Kristu li jaħdem fil-Knisja mqaddsa, u nħalluh jagħmilna parti mill-missjoni tiegħu fid-dinja. Għal dan taħseb id-dilka tal-Ispirtu s-Santu: “Mingħajr dawlek li jmexxina ebda ħajr ma jkun hemm fina, ebda safa fil-għemil” (ara s-Sekwenza ta’ Għid il-Ħamsin). Mingħajr il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu ma nistgħu nagħmlu xejn: hu l-Ispirtu li jagħtina l-qawwa biex nibqgħu mexjin ’il quddiem. Kif il-ħajja kollha ta’ Ġesù kienet imdawla mill-Ispirtu, hekk ukoll il-ħajja tal-Knisja u ta’ kull membru tagħha qiegħda taħt it-tmexxija tal-istess Spirtu.

Imnissel mill-Verġni bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, Ġesù jibda l-missjoni tiegħu meta, wara li joħroġ mill-ilma tal-Ġordan, jiġi kkonsagrat mill-Ispirtu s-Santu li jinżel u jibqa’ fuqu (ara Mk 1:10; Ġw 1:32). Dan hu jiddikjarah b’mod ċar fis-sinagoga ta’ Nazaret: kemm hu sabiħ il-mod kif Ġesù jippreżenta ruħu, din hi l-karta tal-identità ta’ Ġesù fis-sinagoga ta’ Nazaret! Nisimgħu x’jgħid: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani, bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin” (Lq 4:18). Ġesù jippreżenta ruħu fis-sinagoga ta’ raħal twelidu bħala l-Midluk, Dak li ġie midluk mill-Ispirtu.

Ġesù hu mimli bl-Ispirtu s-Santu u hu l-għajn tal-Ispirtu mwiegħed mill-Missier (ara Ġw 15:26; Lq 24:49; Atti 1:8; 2:33). Fir-realtà, dakinhar tal-Għid filgħaxija l-Irxoxt jonfoħ fuq id-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu” (Ġw 20:22); u nhar Għid il-Ħamsin, kif nafu, il-qawwa tal-Ispirtu tinżel fuq l-Appostli b’mod tal-għaġeb (ara Atti 2:1-4).

In-“Nifs” ta’ Kristu Rxoxt jimla bil-ħajja l-pulmuni tal-Knisja; u fil-fatt fomm id-dixxipli, li “mtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu”, infetaħ biex ixandru lil kulħadd l-għeġubijiet kbar ta’ Alla (ara Atti 2:1-11).

Għid il-Ħamsin – li għadna kemm iċċelebrajna l-Ħadd li għadda – hu għall-Knisja dak li kienet għal Kristu d-dilka tal-Ispirtu li rċieva fil-Ġordan, jew aħjar, Pentekoste hi l-qawwa missjunarja li tingħatalna biex nagħtu ħajjitna għat-tqaddis tal-bnedmin, għall-glorja ta’ Alla. Jekk f’kull sagrament jaħdem l-Ispirtu, hu b’mod speċjali fil-Konfirmazzjoni li “l-fidili jirċievu l-Ispirtu s-Santu bħala Don” (Pawlu VI, Kostituzzjoni appostolika Divinæ consortium naturæ). U fil-ħin tad-dilka, l-Isqof jgħid dan il-kliem: “Ħu s-siġill tad-don tal-Ispirtu s-Santu”: dan hu d-don il-kbir ta’ Alla, l-Ispirtu s-Santu. U lkoll kemm aħna għandna l-Ispirtu ġewwa fina. L-Ispirtu hu fil-qalb tagħna, fir-ruħ tagħna. U l-Ispirtu jmexxina fil-ħajja biex aħna nsiru l-melħ it-tajjeb u d-dawl it-tajjeb għall-bnedmin.

Jekk fil-Magħmudija hu l-Ispirtu s-Santu li jgħaddasna fi Kristu, fil-Konfirmazzjoni hu Kristu li jfawwarna bl-Ispirtu tiegħu, jikkonsagrana xhieda tiegħu, b’sehem fl-istess bidu tal-ħajja u tal-missjoni tiegħu, skont il-pjan tal-Missier tas-Sema. Ix-xhieda mogħtija mill-ikkonfermati turi li l-Ispirtu ġie milqugħ u tikxef id-doċilità għat-tnebbiħ kreattiv tiegħu. Jien nistaqsi: Kif jidher li aħna nkunu rċivejna d-Don tal-Ispirtu? Jekk inwettqu l-opri tal-Ispirtu, jekk illissnu l-kliem li jgħallimna l-Ispirtu (ara 1 Kor 2:13). Ix-xhieda Nisranija tikkonsisti f’li nagħmlu biss u dak kollu li l-Ispirtu ta’ Kristu jitlob minna, huwa u jagħtina l-qawwa biex inwettquh.

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s