Bil-karozza


Il-ħajja tabilħaqq misteru. Ma tafx minn xiex tkun se tgħaddi. U, ċertu affarijiet, jiġu fuqek mingħajr lanqas biss ma tkun taf kif.

Dan l-aħħar għaddejt minn esperjenza simili. Mela għajtuli biex immur f’sala partikulari. Is-sejħa kienet urġenti. Għalhekk itlaq kollox u startja l-magna ħa tasal fil-ħin! Iżda x’ġara ħbieb? Dak li qatt ma bsart li jiġri! Daqs għoxrin jew ħamsa u għoxrin metru ‘il bogħod mid-destinazzjoni tiegħi, fin-naħa ta’ sieqi x-xellugija, sewwasew fin-naħa t’isfel tagħha, ħassejt qarsa u weġgħa. Dik l-għaġla sfraxxnata li kont għaddej biha aqta’ kif niżlet. Miskin l-ispidomiter! Kif il-minutiera ġriet b’ħeffa kbira lejn iż-żero!

Kelli nieqaf. Almenu għal ftit sekondi. L-uġiegħ kien kbir wisq. Ma flaħtux! Għalhekk, u kif stajt, mxejt l-aħħar metri fejn kellhom bżonni. U hekk qdejt dmiri mija fil-mija. Madankollu, meta ġejt biex nerħilha lura, ma flaħtx nimxi. U bħal dak il-plejer imgerbeb mal-art wara li qala’ daqqa bil-kif waqt daħla kerha fil-futbol, kelli nipparkja. Noħroġ il-mobajl u nċempel lil Patri tar-riserva biex jiġi u jibdilni. Emmnuni! F’dak il-waqt immaġinajt tal-istreċer deħlin fil-grawnd ħalli joħoduni bil-ġiri lejn id-dressing rum.

Minħabba li kont ipparkjat fil-kuritur t’isfel u mistrieħ fuq ir-rejls tal-ħajt, kienu ħafna l-ħaddiema tal-Isptar li waqqfu biex jaraw x’kien ġrali. U jien ismagħni ngħidilhom. Wara kollox nisma’ tant uġiegħ ta’ ħaddieħor għaġeb l-għaliex xi ħadd jisma’ ftit tiegħi? Intant… Bil-mod il-mod irħejtilha lejn il-kwartieri tagħna. U l-Mulej bagħtli l-anġlu! Il-Patri l-ieħor li kien hemm miegħi fix-xift u li dlonk ħadli l-pejġer. Sadanittant għamilt kuntatt mal-Patri tar-riserva u ftehma li jiġi ftit ħin wara.

L-uġiegħ baqa’ jippersisti. Għalhekk, wara li ċempilt lil xi nies li tassew iriduli l-ġid, issuġġerewli mmur sal-emerġenza. Imma ma stajtx immur waħdi. L-għaliex ma stajtx nimxi bl-uġiegħ li kelli. Tal-emerġenza bagħtuli porter b’qalbu tad-deheb li ħadni hemm. Kemm ħassejtni stramb fuq is-siġġu tar-roti! Is-soltu huwa jien li niltaqa’ ma’ dawk li jkunu fuq is-siġġu tar-roti. Iżda illum l-istorja nqalbet ta’ taħt fuq!

Minn naħa l-oħra aqta’ kemm beda jagħtini daħk fuq is-siġġu tar-roti! Dan l-għaliex bdejt niftakar f’Patri Piju, il-qaddis tal-Pjagi. Fil-fatt, lill-porter li kien qed isuqni, għedtlu: “Qed nistħajjilni Patri Piju! Imma x’differenza kbira hemm bejni u bejn Patri Piju!” U ngħidx! Jien, fil-verità, lanqas għadni bdejt u xammejt dak li għamel Patri Piju. Aħseb u ara! …

Fit-triq aqta’ kemm iltqajt ma’ ħaddiema tal-Isptar. Min jgħidli ħaġa u min oħra. Madankollu, li kieku kelli nagħsar ir-rejazzjoni tagħhom ngħid li ilkoll urew l-għoġba tagħhom għal dak li ġrali. “Ħeqq ħabib!” weġibt lil wieħed minnhom. “Is-soltu nkun indur man-nies jien. Iżda illum se dduru naqra bija intom”.

U hekk għamlu tafux! L-għaliex l-imħabba li rċevejt mit-tabib, mill-infermieri, mill-porters, mill-kerers u, saħansitra, mis-sekjuriti li qagħdet miegħi fil-wejting rum tal-Isptar, tassew li nibqa’ ngħożżha matul ħajti kollha. Lanqas ma rrid ninsa lill-ħaddiema tal-ekstrejs! Kemm imxew miegħi bi ħlewwa liema bħalha.

“M’għandek xejn. Ġbidt ftit il-legament”, qalli t-tabib. “Għall-erwieħ! Grazzi Mulej!” dlonk weġibtu. “Il-morda għandhom bżonni. Għalhekk ma nistax nibqa’ wieqaf għal ħafna jiem”. Mela tabib ieħor, ħabib tiegħi, biex jiċċajta qalli: “Issa illum aħna nberkuk”. Għal dan il-kumment, filwaqt li tbissimt, dort lejh u għedtlu: “U veru beriktuni! Kemm qdejtuni bi mħabba!” Ħadt gost li apprezza l-kumment.

Wara li spiċċat din il-konverażazzjoni irħejnielha lejn il-kwartiri tagħna l-Kappillani. Din id-darba kien kerer li mexxieni fis-siġġu tar-roti. Wara li wasalna u qgħadt bilqiegħda erġajt ċempilt lil dawk li ħadu ħsiebi. U hawn hu s-suġġeriment brillanti: ara tiddubbax krozza. U dak hu li għamilt. U hekk, għall-bqija tal-ġurnata, il-Patri, fin-naqra li mexa, mexa bil-krozza! Bil-mod il-mod!

Il-krozza għallmittni nistqarr ħaġa ma’ Ġob: ħajti buffura riħ (Ġob 7:7). U veru! L-għaliex filli b’saħħti u filli fis-siġġu tar-roti u bil-krozza! Mela Mulej fakkarni li ħajti tgħaddi malajr! Għinni ngħixha nħobbok u nħobb lil oħrajn. U, f’każ li ninsa, fakkarni naqra fil-krozza! Amen.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: