L-inġustizzja tal-isfruttament tal-ħaddiema hi dnub mejjet


Il-Ħamis 24 ta’ Mejju. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Il-Papa Franġisku llum iddedika l-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta għan-‘nobbli poplu Ċiniż’ li qed jagħmel il-festa ta’ Marija Għajnuna tal-Insara. Waqt l-omelija l-Papa ħeġġiġna biex nibqgħu bogħod mill-għana tad-dinja li jsaħħarna u jagħmilna lsira.

 

Nibqgħu bogħod mill-ġid tad-dinja għax dan ġie mogħti lilna minn Alla biex ikun ta’ fejda għall-oħrajn. Dan kien is-sens ta’ kliem il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ddedikata għall-poplu Ċiniż li qed jiċċelebra l-festa tal-Madonna ta’ Sheshan, patruna tal-pajjiż.

Il-Papa tnebbaħ mill-ewwel qari meħud mill-ittra ta’ San Ġakbu Appostlu li turi illi s-salarju li ma tħallasx lill-ħaddiema hu għajta u protesta li tasal f’widnejn il-Mulej. Il-Qdusija Tiegħu tenna dak li jgħid l-Appostlu lill-għonja, mingħajr tidwir ta’ kliem. Fil-fatt, mingħajr tidwir ta’ kliem qal li l-għana ‘jnawwar’ u fakkar kliem Ġesù li ma kienx anqas iebes: ‘Gwaj għalikom nies għonja,’ jgħid Ġesù wara l-Beatitudnijiet fil-Vanġelu skont San Luqa, ‘gwaj għalikom!’

Kieku llum xi ħadd jagħmel prietka bħal din, osserva Franġisku, l-għada fil-ġurnali jibdew jgħidu li dak il-qassis hu komunista! Imma l-qofol tal-Vanġelu hu l-faqar. Il-prietka dwar il-faqar hi l-qofol tal-predikazzjoni ta’ Ġesù. ‘Imberkin il-foqra’ tgħid l-ewwel Beatitudni: hija l-karta tal-identità li biha jippreżenta ruħu Ġesù meta jmur lura lejn il-villaġġ tiegħu, Nazaret, fis-sinagoga: ‘L-Ispirtu tal-Mulej huwa fuqi. Jien ġejt mibgħut biex inħabbar il-Vanġelu, l-Aħbar it-Tajba lill-fqajrin.’

Imma matul l-istorja, issokta l-Papa, dejjem niltaqgħu ma’ din id-dgħufija li nippruvaw neliminaw dil-prietka dwar il-faqar għax naħsbu li hi xi ħaġa soċjali, politika. Le! Hija l-Vanġelu, il-Vanġelu pur.

Franġisku talabna naħsbu għaliex dil-prietka narawha ‘iebsa’. Ir-raġuni hi li l-għana hu idolatrija, l-għana jsaħħar. Ġesù stess, spjega l-Papa, jgħid li ma nistgħux naqdu żewġ sidien: jew isservi ‘l Alla jew ‘il-flus. L-għana jirkbek u bih tkun qed tikser l-ewwel kmandament: li tħobb ‘l Alla b’qalbek kollha. Iżda l-għana, osserva l-Papa, imur ukoll kontra t-tieni kmandament għax ikisser ir-relazzjonijiet armonjużi bejn il-bnedmin, jirvina l-ħajja, jirvina r-ruħ.

Franġisku fakkar il-parabbola tal-għani li kien jippjana ħajja komda, festi u lbies lussuż, u Lazzru t-tallab, li ma kellu xejn. L-għana, tenna l-Papa Franġisku, ikisser l-armonija bejn l-aħwa, jifred mill-imħabba lejn il-proxxmu, jagħmlek egoist.

Ġakbu jesiġi bi dritt is-salarju tal-ħaddiema li ħadmu l-art u ma ngħatawx il-paga. Xi ħadd, osserva l-Papa, jista’ jittimbra lil Ġakbu ‘trejdunjonista’, madankollu, żied Franġisku, l-Appostlu qed jitkellem ispirat mill-Ispirtu s-Santu. Donnu jidher li qed jikteb illum.

Hawn ukoll, fl-Italja, u mhux fl-Italja biss, biex insalvaw il-kapital, inħallu n-nies bla xogħol. Min jippermetti dan qed imur kontra t-tieni kmandament u… gwaj għalikom! Mhux jien qed ngħid hekk, qal Franġisku, huwa Ġesù li qed jgħid dan. Gwaj għal min jisfrutta l-ħaddiema, li jħallas minn taħt, li ma jħallasx il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni, li lill-ħaddiema ma jtihomx il-vaganzi mistħoqqa.

Gwaj għal min ma jħallasx il-pagi li suppost iħallas. Dan hu dnub. ‘Imma…. jien immur il-quddies kull nhar ta’ Ħadd u membru f’għaqda kattolika, nitlob u nagħmel in-noveni…’ Imma int lill-ħaddiema ttihom dak li ħaqqhom? Din l-inġustizzja hi dnub mejjet. M’intix fil-grazzja t’Alla. Mhux jien qed ngħidu, dan qed jgħidu Ġesù, qed jgħidu l-Appostlu Ġakbu. Hu għal dir-raġuni li l-għana jbiegħdek mit-tieni kmandament, mill-imħabba lejn il-proxxmu.

L-għana jaf jagħmilna skjavi, tenna Franġisku, għalhekk għandna nitolbu aktar u nagħmlu aktar penitenza, mhux għall-foqra imma għas-sinjuri. Quddiem il-ġid li għandek int m’intix ħieles. Biex tkun ħieles quddiem ġidek trid ma tintrabatx miegħu u titlob lill-Mulej. Jekk il-Mulej tak il-ġid, tahulek biex ittih lill-oħrajn, biex f’ismu tagħmel ħafna ġid mal-oħrajn.

Għax l-għana għandu s-setgħa li jsaħħarna u aħna naqgħu għalih u nsiru lsira tiegħu, tenna l-Papa fi tmiem l-omelija.

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.