Is-sbuħija tal-koppja hi li tixbaħ lil Alla


Il-Ġimgħa 25 ta’ Mejju, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

L-omelija li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta kienet dwar is-sbuħija taż-żwieġ. Fost dawk preżenti kien hemm seba’ koppji li qed jiċċelebraw il-25 jew il-50 sena żwieġ.

 

Fil-Vanġelu tal-ġurnata naraw li l-Fariżej riedu jġarrbu lil Ġesù u għamlulu mistoqsija ‘każistika’, waħda minn dawk il-mistoqsijiet tal-fidi, spjega l-Papa, li nikklassifikawhom ‘x’nista’ u x’ma nistax’, fejn il-fidi tispiċċa ‘jew iva jew le’.

Mhumiex l-‘iva’ u l-‘le’ l-kbar li smajna dwarhom, jiġifieri Alla. Nista’ jew ma nistax. Il-ħajja nisranija, il-ħajja kif iridha Alla, skont dawn in-nies hi dejjem kategorija ta’ ‘nista’’ jew ‘ma nistax’.

Il-mistoqsija tal-Fariżej hi marbuta maż-żwieġ: huwa leċtu li raġel jibgħat lil martu? Iżda Ġesù, osserva Franġisku, imur lil hinn u jikkwota l-ħolqien, jitkellem dwar iż-żwieġ, li forsi hu l-aktar ħaġa sabiħa li ħalaq Alla f’dawk is-sebat ijiem.

‘Sa mill-ħolqien għamilhom raġel u mara u huwa għalhekk li r-raġel iħalli lil missieru u ‘l ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ħaġa waħda.’ Kliem qawwi dan tal-Mulej, qal il-Papa, jitkellem dwar għaqda fiżika li ma tistax tinfired. Ġesù jinsa l-problema tas-separazzjoni u jitkellem dwar is-sbuħija tal-koppja, li għandha tkun ħaġa waħda.

Il-Papa rrikmanda li m’għandniex nibqgħu marbutin ma’ dawn id-dutturi, ma’ ‘nista’’ jew ‘ma nistax’. Iż-żwieġ ma jistax jinfired. Kultant ikun hemm xi ħaġa li ma taħdimx u allura aħjar issir is-separazzjoni biex tkun evitata gwerra. Imma din xorta waħda hi diżgrazzja. Ejjew inħarsu lejn il-pożittiv.

Franġisku rrakkonta laqgħa li kellu ma’ koppja li kienet qed tiċċelebra s-60 sena taż-żwieġ u meta staqsiehom jekk kinux kuntenti, dawn ħarsu lejn xulxin u bid-dmugħ f’għajnejhom bl-emozzjoni, wieġbu: ‘Aħna namrati.’

Hu minnu li jinqalgħu d-diffikultajiet.  Hemm il-problemi tal-ulied, jew tal-istess koppja, diskussjonijiet, argumenti…, żied jgħid Franġisku, imma l-importanti hu li jibqgħu ħaġa waħda u dawn id-diffikultajiet jingħelbu. Dan mhux sagrament għalihom biss imma għall-Knisja wkoll, sagrament li jiġbed l-attenzjoni, li juri li l-imħabba hi possibbli.

L-imħabba żżomm in-namur bejn il-koppja tul il-ħajja kollha.  Minkejja l-problemi, iżżomm lill-koppja dejjem miexja ‘l quddiem, fis-saħħa u fil-mard. Din hi s-sbuħija taż-żwieġ.

Ir-raġel u l-mara huma maħluqin xbieha t’Alla, għalhekk iż-żwieġ fih innifsu hu xbieha t’Alla. Huwa għalhekk li ż-żwieġ hu tant sabiħ. Iż-żwieġ hu prietka siekta lill-oħrajn kollha, prietka li ssir kuljum u kull ħin.

Hu ta’ niket li l-mezzi tal-komunikazzjoni qatt ma jagħtu każ ta’ dak li hu tajjeb fiż-żwieġ. Dak ma jagħmilx aħbar, minkejja li l-koppja tkun ilha tant żmien flimkien. L-iskandlu, id-divorzju jew ħwejjeġ bħal dawn jidhru fl-aħbarijiet. Minkejja li xi kultant is-separazzjoni tkun inevitabbli biex ma ssirx ħsara akbar, ix-xbieha t’Alla fiż-żwieġ mhix aħbar. Din hi s-sbuħija taż-żwieġ li hi aħbar għalina, l-aħbar nisranija.

Il-ħajja taż-żwieġ u tal-familja mhix faċli, tenna Franġisku. Fl-ewwel qari meħud minn San Ġakbu Appostlu naqraw dwar il-paċenzja. Forsi din hi l-aktar virtù importanti għall-koppja, kemm għar-raġel u wkoll għall-mara.

Franġisku temm jitlob lill-Mulej biex lill-Knisja u lis-soċjetà jtihom kuxjenza, għarfien aktar profond tas-sbuħija taż-żwieġ, u biex ilkoll kemm aħna nifhmu u nikkontemplaw li fiż-żwieġ naraw ix-xbieha t’Alla.

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.