Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Niċħdu l-ħafna ‘biċċiet’ ta’ ħajja komda, il-veru ferħ nisrani huwa l-paċi

Niċħdu l-ħafna ‘biċċiet’ ta’ ħajja komda, il-veru ferħ nisrani huwa l-paċi


It-Tnejn 28 ta’ Mejju, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-ferħ huwa n-nifs tan-Nisrani. Ferħ magħmul minn paċi vera u mhux qarrieqa kif inhi dik li qed tofffrilna l-kultura tal-lum, li dejjem tivvinta l-ġdid għad-divertiment tagħna.

 

Fil-quddiesa li ċċelebra dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku reġa’ tkellem dwar waħda mill-karatteristiċi ewlenin tan-Nisrani: il-ferħ minkejja l-provi u d-diffikultajiet.

Waqt l-omelija hu kkummenta dwar silta mill-ewwel qari meħud mill-ittra ta’ San Pietru Appostlu u dwar il-Vanġelu meħud minn San Mark li jirrakkonta dwar l-għani li sabha bi tqila jinfired mill-interessi personali. Il-Papa rrimarka li n-Nisrani ma jistax ikun bil-buli jew b’wiċċu mqarras. In-Nisrani għandu jkun bniedem ta’ ferħ, bniedem tal-paċi, jiġifieri bniedem tal-faraġ.

In-Nisrani li mhux ferħan mhux Nisrani tajjeb, insista l-Papa. Il-ferħ hu n-nifs, il-mod ta’ kif jesprimi ruħu n-Nisrani. Din mhix xi ħaġa li tinxtara jew li ssir bit-tqanżiħ imma hi frott tal-Ispirtu s-Santu. Huwa l-Ispirtu li jfawwar il-qalb bil-ferħ.

Il-blata samma li fuqha jistrieħ il-ferħ nisrani hija l-memorja. Infatti ma nistgħux ninsew dak li l-Mulej għamel għalina, billi ġeddidna għal ħajja ġdida. Bl-istess mod aħna mimlijin tama għal dak li qed jistenniena: il-laqgħa mal-Iben ta’ Alla. Memorja u tama: dawn huma ż-żewġ ingredjenti li lin-Nisrani jipermettulu jgħix bil-ferħ, mhux ferħ vojt, ferħ tad-daħq, iżda ferħ li l-ewwel ingredjent tiegħu huwa l-paċi.

Il-ferħ ma jitnissilx fina b’xi daħqa. Il-ferħ mhux divertiment, hu xi ħaġa oħra: il-paċi. F’għeruqu hemm il-paċi, il-paċi tal-qalb, issokta l-Papa, il-paċi li Alla biss jista’ jtihielna. Din hija paċi li mhux faċli nħarsuha.

Id-dinja tal-lum, kompla jgħid Papa Bergoglio waqt l-omelija, sfortunatament tikkuntenta b’kultura li ma fihiex hena, kultura li tivvinta ħafna affarijiet biex tiddevertina, ħafna biċċiet ta’ ħajja bla kont li qatt ma jissodisfawna għal kollox. Infatti l-ferħ mhux xi ħaġa li tista’ tixtriha mis-suq, iżda hi don tal-Ispirtu s-Santu u tivvibra anke fil-waqt tat-taħbil il-moħħ, fil-waqt tal-prova.

Għax hemm taħbil il-moħħ pożittiv u ieħor negattiv. Hemm it-taħbil il-moħħ li jfittex is-sigurtà kullimkien u f’kollox, li jgħix biss għall-pjaċir kull waqt ta’ ħajtu, bħaż-żagħżugħ tal-Vanġelu li beża’ jinfired minn ġidu għax ħaseb li jekk ibigħ kollox mhux se jkun kuntent.

Il-fatt jibqa’, temm il-Papa, li l-ferħ u l-faraġ huma n-nifs li jagħti l-ħajja lin-Nisrani.

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: