Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-proposti tad-dinja jxekklu l-libertà

Il-proposti tad-dinja jxekklu l-libertà


It-Tlieta 29 ta’ Mejju. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Fil-waqtiet tal-prova tirrikorrux għall-iskemi tad-dinja għax dawk jisirqulkom il-libertà. Minflok, jeħtieġ li nibqgħu dejjem mexjin fit-triq tal-qdusija. Il-Papa Franġisku ta dal-parir dalgħodu waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Fl-ewwel qari tal-liturġija tal-lum, meħud mill-ittra ta’ San Pietru, l-Appostlu jistedinna biex nimxu lejn il-qdusija. Hija sejħa għall-qdusija, qal il-Papa, li hi sejħa normali, sejħa biex ngħixu ta’ Nsara veri, li jfisser li l-ħajja nisranija hi ħajja ta’ qdusija.

Ħafna drabi naħsbu li l-qdusija hi xi ħaġa straordinarja, mimlija viżjonijiet u talb… Oħrajn jaħsbu li l-ħajja ta’ qdusija hi li jkollok wiċċ tas-santi. Xejn minn dan, afferma Franġisku. Li tkun qaddis hi xi ħaġa oħra. Xi jfisser allura li timxi fit-triq tal-qdusija? Iweġibna Pietru meta jgħidilna: ‘Qiegħdu t-tama kollha tagħkom fil-grazzja li għad tirċievu meta jerġa’ jidher Ġesù Kristu.’

Għalhekk il-mixja lejn il-qdusija hi mixja lejn dik il-grazzja li tiġi tiltaqa’ magħna, mixja lejn dit-tama, ħarsitna dejjem lejn il-laqgħa ma’ Ġesù Kristu. Hi l-istess bħal meta nimxu lejn id-dawl: kultant ma narawx sewwa t-triq għax id-dawl jgħammixna, imma ma nkunux qed niżbaljaw, issokta l-Papa, għax id-dawl inkunu qed narawh u t-triq nafuha.

Meta, minflok, nimxu bid-dawl warajna, it-triq narawha sew imma fir-realtà quddiemna jkun hemm id-dell, mhux id-dawl.

Biex nimxu lejn il-qdusija jeħtieġ li nkunu liberi u nħossuna liberi. Però, wissa l-Papa, fit-triq niltaqgħu ma’ bosta affarijiet li jagħmluna skjavi. Huwa għalhekk li Pietru jħeġġiġna biex ma nikkonformawx mal-ġibdiet taż-żmien meta konna għadna ngħixu fl-injoranza tagħna. Pawlu wkoll, fl-ittra lir-Rumani jgħid: ‘tikkonformawx’, jiġifieri ‘tiddakkrux mill-iskemi tad-dinja.’

Din hi t-traduzzjoni preċiża ta’ dal-parir: tiddakkrux mill-iskemi tad-dinja, mill-mod ta’ kif taħseb id-dinja, mill-mod ta’ ġudizzju li toffri d-dinja, għax dawn jisirqulkom il-libertà. U biex nimxu lejn il-qdusija jeħtieġ li nkunu liberi: ħielsa biex nimxu lejn id-dawl, narawh u nibqgħu sejrin lejh. U meta nduru lura lejn kif konna ngħixu qabel ma’ ltqajna ma’ Ġesù, jew meta ninħakmu mill-iskemi tad-dinja, inkunu tlifna l-libertà.

Fil-Ktieb tal-Eżodu, kompla l-Papa, naraw kemm drabi l-poplu t’Alla ma riedx iħares ‘il quddiem, lejn is-salvazzjoni, imma dar lura. Kienu jgemgmu u jixxennqu għall-‘ħajja tajba li kellhom fl-Eġittu’, fejn kellhom il-basal u l-laħam. Fil-waqtiet tad-diffikultà l-poplu jdur lura, jitlef il-libertà. Hu minnu li kienu jieklu aħjar, imma minn fuq il-mejda tal-jasar.

Fil-waqtiet tal-prova aħna dejjem ikollna t-tentazzjoni li nħarsu lura, li nħarsu lejn l-iskemi tad-dinja, lejn kif konna qabel ma bdejna t-triq tas-salvazzjoni, mingħajr libertà. Għax mingħajr libertà ma nistgħux inkunu qaddisin, tenna Franġisku. Il-libertà hi kundizzjoni fundamentali biex aħna nkunu nistgħu nimxu b’ħarsitna lejn id-dawl ta’ quddiemna.

Għandna ninsew l-iskemi tal-mondanità u nimxu dejjem b’ħarsitna lejn id-dawl li hu wegħda, bit-tama.  Hi l-istess bħall-wegħda ta’ Alla lill-poplu fid-deżert: kull meta kienu jħarsu ‘l quddiem kollox kien jimxi sew imma meta kienu jimtlew bin-nostalġija għax ma kinux jieklu tajjeb, kienu jinsew li hemmhekk kienu lsira.

Il-Mulej għalhekk isejħilna għall-qdusija kull jum li jgħaddi. Hemm żewġ affarijiet li bihom inqisu jekk aħniex mexjin lejn il-qdusija: l-ewwelnett, jekk aħniex inħarsu ‘l quddiem lejn id-dawl tal-Mulej bit-tama li nsibuh, u mbagħad, kull meta jiġu fuqna l-provi tal-ħajja, jekk bqajniex inħarsu ‘l quddiem jew dorniex lura għall-iskemi mondani li jwegħduk kollox u fil-fatt ma jtuk xejn,

Il-kmandament tal-Mulej hu: Intom tkunu qaddisin għax jiena qaddis. Franġisku fakkar kliem Ġesù biex temm ir-riflessjoni tiegħu u ħeġġiġna biex nitolbu l-grazzja li nifhmu sewwa xi tfisser dil-mixja lejn il-qdusija: triq ta’ libertà imma mxennqa biex tiltaqa’ ma’ Ġesù. U nitolbu wkoll biex nifhmu sewwa xi jfisser li fit-tiġrib induru lura lejn l-iskemi ta’ qabel ma konna ltqajna ma’ Ġesù.

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: