Tgħid San Ġorġ se jseħħlu jegħleb lid-dragun tal-iżvilupp bla rażan?


Stqarrija tal-Kummissjoni Interdjoċesana dwar l-iżvilupp propost ta’ lukanda ta’ 5 stilel, 162 residenza, uffiċċji, ħwienet u ristoranti fil-bajja ta’ San Ġorġ.

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tħoss li l-proġett propost mill-kumpannija db Group għaż-żona tal-bajja ta’ San Ġorġ jagħmel għajb lil sistema ta’ ippjanar li l-għan tagħha għandu jkun li toħloq u taqdi komunitajiet sostenibbli.

Il-KA tħares lejn il-proġett propost bħala sintomu ta’ sistema ta’ ippjanar li apparentement qiegħda tiżżarma biex postha tieħdu sistema fejn il-priorità tingħata lill-proġetti individwali aktar milli lil proġetti li jiżguraw il-ġid komunitarju. Dan huwa riżultat ċar ta’ policies imfassla fuq pariri ħżiena u deċiżjonijiet kontroversjali. Dak li huwa l-aktar ta’ tħassib huwa li ċerti deċiżjonijiet jagħtu l-impressjoni li awtorità li suppost għandha d-dmir li tippjana biex tipproteġi l-interessi taċ-ċittadin komuni, qiegħda twarrab ippjanar fit-tul u bil-għaqal biex tiffavorixxi approċċ frammentat ta’ proġetti hekk imsejħa ta’ żvilupp.

f2fb628bb4abc4096701ef07bb45d80356df8511-1463290485-57380a75-620x348-610x342
Il-proġett ta’ db Group propost għall-bajja ta’ San Ġorġ

 

Sistema ta’ dan it-tip m’għandhiex il-ħarsien tal-ġid komuni bħala l-għan ewlieni
tagħha, u għaldaqstant bilfors toħloq problemi fuq il-komunitajiet u tiffavorixxi lill-ispekulaturi, li f’dan il-każ partikulari, qed isibu l-Gvern (u b’mod indirett liċ-ċitaddin
li jħallas it-taxxi) warajhom, għax qed jgħaddilhom l-art. Hawnhekk wieħed jistaqsi: L-interessi ta’ min qiegħda tħares l-Awtorità tal-Ippjanar (PA)?

Fl-oġġezzjoni tagħha lill-PA, il-KA tat dawn ir-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħha:

1. Il-Floor-Area-Ratio mhux dejjem qed jiġi osservat. Insemmu biss tliet każijiet:
(i) 50% tal-art li jkopri s-sit mhux jiġi kkunsidrat bħala spazju miftuħ li hu tassew pubbliku; (ii) l-għoli tal-binjiet huwa kkalkulat daqs li kieku dan il-perċentwal qed jiġi osservat, meta fil-fatt mhuwiex; (iii) l-għoli tal-bini huwa eċċessiv meta tqis l-inħawi li fih se jittella’.

2. Il-kobor tal-proġett propost juri biċ-ċar li ftit li xejn ingħatat konsiderazzjoni għall-impatt li ser ikollu fuq il-komunitajiet tal-madwar fejn għandu x’jaqsam it-traffiku, l-impatt viżwali, kif ukoll il-mod kif se jnaqqas l-aċċess għad-dawl tax-xemx minħabba l-ammont ta’ dell li se joħloq.

3. Studji fuq l-impatt tat-traffiku juru li jridu jsiru xogħlijiet infrastrutturali kbar biex jitnaqqas l-effett taż-żieda fit-traffiku li mistennija tinħoloq minħabba dan il-proġett u l-proġetti ġodda kollha fl-inħawi. Dawn jinkludu triq ġdida u tunnel li se tkun qed tgħaqqad din iż-żona mal-inħawi tal-madwar. Huwa mistenni li dawn ix-xogħlijiet jitlestew qabel dan il-proġett ikun approvat. Ix-xogħlijiet (li ironikament se jkunu parzjalment iffinanzjati mit-taxxi tar-residenti ta’ Pembroke infushom), jixhdu l-iskala kbira, u għaldaqstant l-impatt qawwi, li se jkollhom fuq il-komunitajiet tal-madwar.

4. Hemm il-possibiltà li l-proġett ikollu impatt negattiv fuq is-sit Natura 2000 ta’ Pembroke li għandu jibqa’ jgawdi l-ogħla protezzjoni fuq livell ewropew.

Il-KA taraha stramba li Hard Rock Hotels, il-kumpannija li mistennija tħaddem
lukanda bħala parti mill-iżvilupp,1 għandha bħala mottos “Love All – Serve All, All is
One, Take Time To Be Kind, Save the Planet”2 (Ħobb lil kulħadd – Aqdi lil kulħadd;
Ilkoll magħqudin; Sib il-ħin biex tħenn; Salva l-pjaneta). Fis-sit elettroniku tal-istess
kumpannija naqraw:
Music may be our differentiator, but philanthropy is our soul. Since 1971, Hard Rock
has believed it’s our duty to help protect the planet and give back to our communities.
We have a deep compassion for others and a dedication to making the world a better
place to be.” (Nistgħu ma naqblux fuq x’tip ta’ mużika togħġobna imma l-għajnuna lill-proxxmu qiegħda f’qalbna. Sa mill-1971, Hard Rock dejjem emmnet li huwa dmirna li naħdmu favur il-protezzjoni tal-pjaneta u li ngħinu lill-komunitajiet tagħna jibbenefikaw. Aħna nuru mogħdrija kbira mal-oħrajn, u nagħmlu ħilitna biex id-dinja li ngħixu fiha tkun dejjem aħjar).

Il-mottos ta’ Hard Rocks Hotels huwa kważi kważi offiża għall-komunità ta’ Pembroke
li se jkollha tbati l-konsegwenzi jekk il-proposta tal-proġett tiġi approvata. Il-KA qiegħda tagħmel appell separat lil Hard Rock Hotels biex tagħmel pressjoni fuq l-iżviluppaturi ħalli jaħsbuha darbtejn fuq il-proġett li miegħu hemm il-kumpanija tagħhom assoċjata.

Meta tara proposti għal proġett bħal dan, bla ma trid, tistaqsi: x’siwi jista’ jkollhom il-pjanijiet lokali jew it-twettiq ta’ masterplan? Proġetti ta’ skala hekk kbira jġibu fix-xejn
kull masterplan jew pjan lokali serju, għax ikollhom impatt hekk b’saħħtu li jiddominaw kull attività fl-inħawi. Il-pjani lokali għall-gżejjer Maltin ġew tista’ tgħid approvati fl-2006. Imma dawn jirriflettu realtà li tmur aktar lura minn hekk għaliex ix-xogħol fuqhom kien sar qabel. Minn dak iż-żmien, minħabba il-bidliet demografiċi, ekonomiċi u soċjali li seħħu, jinħtieġ li dawn il-pjani jiġu riveduti sabiex tiġi mħarsa u mtejba l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet. Għalhekk il-KA tappella lill-PA biex tagħmel pressjoni fuq il-gvern ħalli jirrevedi u jippubblika pjani lokali aġġornati. Jekk, mill-banda l-oħra, il-pjani lokali diġà ġew riveduti, wieħed ikollu raġun jistaqsi għaliex għadhom ma ġewx ippublikati għall-konsultazzjoni pubblika.

Il-KA tħeġġeġ lill-PA biex tħejji u tippubblika rapporti dwar l-impatt li qed ikollhom fuq il-komunitajiet, il-policies li hi u l-Gvern qed japprovaw. Il-PA tkun qed tonqos lill-komunità jekk dan ix-xogħol ma twettqux. Jidher li qed ngħixu fi żmien meta l-proġetti qed jiġu negozjati u jkunu mwiegħda qabel ma jkunu saru studji bir-reqqa u
konsultazzjoni pubblika serja. B’hekk qed jiġi mminat il-proċess tal-ippjanar fejn dak li
jippretendu l-iżviluppaturi jiġi qabel l-ħtiġijiet u x-xewqat tal-komunità tar-residenti,
bir-riżultat li l-interpretazzjoni tal-policies tiġi mġebbda bla limitu.

Il-KA tixtieq tfakkar f’għadd ta’ proposti li kienet għamlet lill-Gvern f’Diċembru tal-
2015, u li huma mnebbħa mill-enċiklika Laudato Si’ ta’ Papa Franġisku. Fost dawk li
japplikaw għal dan il-każ insibu dawn it-tlieta:

1. Nistiednu lill-Gvern biex jalloka fondi għal studju dwar id-domanda u l-provvista tal-propjetà f’Malta u l-ambjent ekonomiku u fiskali li jaffettwa il-propjetà. Ilu jinħass il-bżonn ta’ dan l-istudju li għandu jkun wieħed tassew nazzjonali. Għandu jkun hemm konsultazzjoni pubblika dwar it-terms of reference ta’ dan l-istudju u li dawn ikunu maqbula minn firxa l-iktar wiesgħa ta’ stakeholders.

Studju ta’ dan it-tip jaffettwa lill-pajjiż kollu u għandu jkun trattat bħala wieħed nazzjonali. Meta jkun finalizzat, l-istudju għandu jkun ippubblikat kollu kemm
hu. Huwa ovvju li r-riżultat ta’ dan l-istudju għandu jkollu impatt kbir fuq il-ħarsien
tal-ambjent u l-provvista ta’ djar li n-nies ikunu jifilħu jħallsu għalihom. Dan l-istudju wara li jitlesta għandu jkun aġġornat b’mod regolari u jkun sors importanti ta’ informazzjoni għall-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) u l-Pjani Lokali. Jekk ma jsirx hekk, deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent mibni ma jistgħux ikunu deċiżjonijet infurmati kif wieħed jistenna, speċjalment fil-każ ta’ pajjiż b’densità ta’ popolazzjoni għolja bħal tagħna.

Kif dan japplika għal PA/3807/17: Għadd kbir ta’ propjetajiet ta’ kull tip qed jiġu
mibnija u jitpoġġew fuq is-suq. Bħal ma għamlet sentejn u nofs ilu, il-KA qed terġa’
tappella lill-gvern, biex iniedi dan l-istudju sabiex ikunu jistgħu jittieħdu d-deċiżjonijiet
meħtieġa bil-għan li kull żvilupp ikun tassew sostenibbli. Is-sejħa li għamlet dan laħħar
l-Għaqda tal-Lukandiera u r-Ristoranti Maltin (MHRA) biex isir studju dwar kemm il-gżejjer tagħna jifilħu għaż-żieda fit-turismu3, huwa biss aspett wieħed mill-istudju li qed nipproponu. Il-KA għadha ma tistax tifhem x’inhu jżomm lill-Gvern milli jagħmel dan l-istudju. L-istudju dwar l-Industrija tal-Bini u s-suq tal-Propjetà kkummissjonat mill-Għaqda tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) – li sa issa għadu ma ġiex ippubblikat biex ikollu aċċess għalih kulħadd – ma jissodisfax il-bżonn imsemmi fil-proposta tal-KA, għaliex ma janalizzax l-impatt veru taż-żieda fil-bini fuq żewġ aspetti essenzjali għal kwalità xierqa tal-ħajja – il-fibra soċjali u l-ambjent.

2. Nappellaw lill-Gvern biex iwettaq ir-riformi meħtieġa fil-mod kif jikri, jagħti b’ċens jew jgħaddi art pubblika lil terzi persuni, u biex jiżgura trasparenza fl-għoti ta’ tenders li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent.

Il-Gvern huwa l-ikbar sid tal-art f’Malta u huwa fid-dmir li jiżgura li propjetà li qiegħda taħt il-ħarsien tiegħu tkun amministrata b’mod li huwa trasparenti u li jagħmel ġustizzja mal-pajjiż kollu u mal-ġenerazzjonijiet ġejjiena.

Kif dan japplika għal PA/3807/17: Jeżistu dubji dwar il-mod kifl-art li fuqha se jsir il-proġett propost ingħatat mill-gvern, u dwar kif saret il-valutazzjoni biex ġie ddeterminat il-valur. Barra minn dan, il-campus tal-ITS se jiġi relokat temporanjament ġewwa Ħal Luqa. Ftit snin wara, mistennija rilokazzjoni oħra, din id-darba għal SmartCity. Ukoll jekk l-iżviluppatur se jagħmel tajjeb għal parti mill-ispiża kollha involuta f’dawn iż-żewġ rilokazzjonijiet, ftit li xejn jidher li ngħatat konsiderazzjoni għall-konsegwenzi li dan iċ-ċaqliq jista’ jkollu fuq il-ħidma tal-istudenti.

3. Nistiednu lill-intrapriżi biex iħarsu lejn il-Corporate Social Responsibility tagħhom iktar minn sempliċi reklamar li jinkludi ritratti ta’ impjegati li qed jagħtu daqqa t’id fit-tindif tal-kampanja jew jagħmlu xogħlijiet tal-idejn f’postijiet li jospitaw nies żvantaġġati.

Għalkemm attivitajiet ta’ din ix-xorta huma ta’ min ifaħħarhom, id-diretturi u l-mexxejja
tal-intrapriżi huma msejħa biex jagħtu servizz ta’ kwalità ogħla lill-komunità billi jeżaminaw bir-reqqa l-prodotti li qed jipproduċu u l-proċessi li jadottaw fl-intrapriżi tagħhom biex jiżguraw li dawn mhumiex ta’ dannu kemm għall-ambjent, l-impjegati u ċ-ċittadini ordinarji. L-istedina tagħna mhijiex waħda li titlob lill-intrapriżi biex jirrispettaw il-liġijiet tal-pajjiż. Ir-rispett tal-liġijiet huwa punt fundamentali li mhux miftuħ għad-diskussjoni. L-istedina tagħna tmur lil hinn minn dak li titlob il-liġi. Hija sejħa biex l-intrapriżi jagħtu kontribut pożittiv għal mod ġdid ta’ kif jeżerċitaw attivitajiet leġittimi u jtejbu lambjent.

Kif dan japplika għal PA/3807/17: F’korrispondenza li l-KA bagħtet lil Hard Rock Hotels (kopja mehmuża), hija ħeġġithom jagħmlu pressjoni fuq l-applikanti tal-iżvilupp propost ħalli dawn jirrevedu l-proposta tal-proġett kollu, b’mod li l-komunitajiet, l-aktar dawk tal-lokal, ikollhom ir-rispett mixtieq skont kif jiddikjaraw Hard Rock Hotels stess fil-policy tagħhom ta’ kif imexxu n-negozju tagħhom b’rispett lejn il-komunitajiet.

It-Tlieta 29 ta’ Mejju 2018

1. http://news.hardrockhotels.com/hard-rock-international-continue-electrifying-mediterranean-newresort-malta/
2. https://www.hardrockhotels.com/culture.htm
3. https://www.timesofmalta.com/articles/view/20180518/local/mhra-tourismwarning.
679389

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.