Il-Papa Franġisku dwar l-ekonomija u l-finanza: meħtieġa ġesti profetiċi


Is-Sibt, 2 ta’ Ġunju 2018. Fir-riflessjoni tal-Knisja, l-ekonomija għandha post importanti u l-Papa Franġisku għandu ħafna għal qalbu dan is-suġġett. Hu jikkritika ħafna s-sistema finanzjarja attwali u jitlob spiss li jkun hemm tibdil radikali. Dat-tibdil diġà beda jseħħ f’xi kumpaniji, imma fil-fehma tal-Professur Luigino Bruni, jeħtieġ jingħata għarfien akbar.

Prof. Luigino Bruni Ritratt TV2000

Il-Papa kellu udjenza privata ma’ dal-professur, akkademiku u kittieb, ġurnalista fost l-aktar konvinti fid-dinja li l-ekonomija għandha tkun waħda ta’ komunjoni u ċivili.
Il-Papa Franġsiku bosta drabi tenna bil-kliem u bil-kitba, li l-kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali, fosthom ix-xogħol, l-ekonomija u l-finanza, is-swieq u n-nuqqas ta’ ugwaljanza fis-soċjetà globaliżżata tagħna, ma nistgħux noftmuhom mill-Vanġelu.

Sa mill-bidunett, bl-għażla tal-isem Franġisku l-Papa wera li l-ekonomija ta’ Assisi mhix dik ta’ Wall Street, osserva l-profs Luigino Bruni waqt intervista li saritlu fi tmiem il-laqgħa tiegħu mal-Papa. Il-Papa, kompla jgħid, hu xhud kbir tal-isbaħ tradizzjoni tal-Knisja li taqra l-Vanġelu qalb il-foqra.

Bruni spjega li l-ekonomija hi parti mill-ħajja għax in-nies minn dejjem ħadmet, ipproduċiet, ikkunsmat u ġemmgħet. Il-Papa, issokta jgħid il-professur, ma jħarisx lejn il-kumpaniji b’għajn negattiva, imma għandu dubji kbar dwar il-problemi tal-finanza kif qed issir illum għax tilfet il-kuntatt mal-ekonomija reali. Il-Papa Franġisku dejjem jitlob li nkunu koxjenti tal-gravità tal-problemi u biex tibda ssir ekonomija ġdida, mibnija fuq il-komunjoni, fuq il-ġustizzja u l-ekwità.

Il-profs. Bruni jqis lil Franġisku bħala Papa profetiku li jitlob ġesti profetiċi anki fl-ekonomija u kompla juri li hemm ħafna kumpaniji li joffru eżempju tajjeb ta’ dil-”profezija”, u hemm bżonn li dawn isiru magħrufin aktar.

Jien wieħed minn dawn ir-rappreżentanti ta’ dan-nies, kompla jgħid, ekonomisti, akkademiċi, imprendituri, li l-ekonomija jgħejxuha bħala impenn, bħala dmir u jfittxu li jressqu t-teorija u l-prattika tal-ekonomija dejjem eqreb lejn id-dimensjonijiet urġenti tal-ħajja tal-lum. Dawn l-urġenzi huma n-nuqqas ta’ ugwaljanza u l-għana eċċessiv u l-faqar estrem.

Però fi żmienna wkoll għandna novità: patt bejn l-ambjent u l-ekonomija soċjali. Illum, l-aktar permezz tal-Enċiklika “Laudato Sì”, il-Papa jfakkar li l-foqra qed jgħajtu għall-ġustizzja l-istess bħalma qed tagħmel Ommna l-Art.

Propju dawn l-aħħar jiem, osserva l-profs Bruni, fl-Italja rajna kif iġibu ruħhom is-swieq li għandhom piż determinanti anki fl-għażliet politiċi. Ifisser li hemm rabta bejn id-demokrazija u l-ekonomija, rabta profonda u kumplikata ħafna. Ma nistgħux ninsew, kompla jikkummenta Bruni, li s-swieq jeżistu, li qed inħabbtu wiċċna ma sistema kumplikata, li teżisti l-globaliżżazzjoni.

Fi kliem ieħor irridu nħarsu lejn dak li ġara fis-swieq finanzjarjiu li wrew li l-ekonomiji tal-pajjiżi huma marbutin flimkien. Il-profs Bruni kompla jgħid li hu dejjem kien kritiku tal-fatt li kollox hu kontrollat mis-swieq, li minħabba f’hekk id-demokrazija hi limitata għax id-deċiżjonijiet li jittieħdu jiddependu minn dak li jgħidu pajjiżi oħra jew is-swieq li llum il-ġurnata huma globaliżżati.

Il-profs Bruni, kien qed jitkellem dwar is-sitwazjzoni fl-Italja l-għada li ħa l-ġuramen tal-ħatra l-gvern il-ġdid. F’dik l-okkażjoni l-President Taljan Mattarella qal li l-pilastri li fuqhom tistrieħ is-soċjetà huma l-ugwaljanza u l-libertà. Ma dawn, qal Bruni, irridu nżidu l-fraternità, prinċipju li hemm bżonnu ħafna fl-Italja, u mhux biss, għax jekk pajjiż jitlef l-armonija ċivili nispiċċaw bi gwerra ta’ kulħadd kontra kulħadd. Dan hu prinċipju li jrid jinbena mill-ġdid fl-Italja u kull fejn hu nieqes.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.