Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tat-Tnejn 4 ta’ Ġunju 2018

L-Evanġelju tat-Tnejn 4 ta’ Ġunju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 12, 1-12

Il-konfront bejn Ġesù u l-awtoritajiet Lhud narawh kważi mill-bidu nett tal-Evanġelju ta’ San Mark. Donnu l-awtur li sa mill-bidu jipprova jurina Ġesù min hu, jindikalna li l-konfrontazzjoni bejnu u bejn il-mexxejja hija parti mill-identità tiegħu. Ma jistax ikun hu b’ħalqu sieket; hu dak li ġie biex iwassal il-kelma, għax il-missjoni tiegħu tgħidilna min hu, u hu jwassalha akkost ta’ kollox, mingħajr irspett lejn min il-Kelma kien irċeviha u abbuża minnha.

Id-dixxiplu tiegħu ma jistax jieqad quddiem il-konfrontazzjoni ma’ min jisfida l-Kelma u jużaha għall-għanijiet tiegħu. Il-qliegħ baxx u abużiv minn din il-kelma huwa ta’ min iwaqqfu, irażżnu u jxejnu. Min jimmuta quddiem din il-konfrontazzjoni jkun qed jissieħeb ma’ min iħabrek għal dan il-qliegħ baxx u abużiv u jħallih jikkorrompih.

Il-parabbola hija ċara b’dan il-messaġġ. Raġel ħawwel għalqa bid-dwieli. San Mark ma jgħidilniex li kien raġel għani, kien raġel kwalunkwe li ħawwel biċċa art kwalunkwe, li San Mark lanqas jgħdilina li kienet tiegħu. Dan ir-raġel ħawwel għalqa bid-dwieli, ħa ħsiebha u beda jikkultivaha u jagħtiha valur. Għażilha u qatagħha mill-bqija billi dawwarha b’ħajt tas-sejjiegħ, ħaffer magħsar fiha biex l-għasir tal-frott isir fiha stess u ma tkun tiddependi minn ħadd, illum ngħidu, biex tkun sostenibbli; min jaħdimha ma jkollux bżonn ix-xogħol ta’ ħaddieħor biex mill-għeneb jagħmel l-inbid. Barra minn hekk, bnielha wkoll torri għall-għassa biex tkun imħarsa mill-għedewwa tar-raġel li ħabbha u ħa ħsiebha u minn art mitluqa għamel minnha art li tagħmel il-frott li b’xogħol il-bniedem isir inbid li jaħji u jferraħ qalb min jixorbu.

U qabbilha lil xi bdiewa, li milli jidher, magħhom għamel xi ftehim biex ikollu sehem mill-frott ta’ din l-art u ta’ xogħlhom. Qatt ma jissemma ħlas jew flus; jissemma biss ‘is-sehem li kien imiss lilu’. Il-bnedmin, normalment jaħdmu bil-kontra; jieħdu l-ewwel il-qliegħ huma u jħallsu li min ikun ħadem għalihom. Dan ir-raġel ried jaqsam magħhomu jkollu sehem kif ikollhom huma. Is-sistema tal-ishma, fil-qasam agrikolu u tas-sajd għadek issibha fi żmienna wkoll. Wara li jinqatgħu l-ispejjeż mill-qliegħ li jsir, kulħadd jieħu s-sehem miftiehem minn qabel; m’hemmx paga fissa. Is-sehem mifthiehem jikber iktar kemm trendi l-art u kemm il-bniedem jieħu ħsiebha. Hija sistema fejn wieħed u msieħeb f’xogħol iżda fl-istess ħin qiesu qed jaħdem għal rasu. Kull ħaddiem, jekk irid jaqla iżjed, irid jaħdem iżjed, mingħajr ma jiddependi mill-ġenerożità ta’ min iħaddmu. Għall-kuntrarju ta’ dak ir-raġel f’parabbola oħra ta’ Ġesù li ħareġ ifittex in-nies għax-xogħol u qalgħulu l-inkwiet għax ħallashom kollha l-istess, dan ir-raġel ħaddem is-sistema tal-ishma ma’ dawn il-bdiewa.

Il-bidwi jkun bidwi veru meta jkollu l-art x’jaħdem inkella jkun bidwi ta’ xejn. Inutli jkollok sajjied f’nofs ta’ deżert; sajjied jibqa’ imma xogħolu u s-sengħa tiegħu ma jistax iħaddimhom sakemm ma jmurx ħdejn il-baħar jew il-baħar jiġi ħdejh. Dan ir-raġel, lil dawn il-bdiewa, mhux biss tahom xogħol, imma tahom ukoll opportunità.

Sa hemm kollox sewwa! Kulħadd ċapċaplu u ħalq kulħadd iċċarrat għal dak li għamel miegħu dan ir-raġel. Imma, nafu li mhux dejjem, mil-milja tal-qalb jitkellem il-fomm.

Iżda qalbhom kienet qed tgħidilhom xi ħaġa oħra. Mhux radd ta’ ħajr kien hemm iżda għira li kilitilhom qalbhom f’kuntrast ma’ dak li kien hemm f’qalb il-bniedmem li ħenn għalihom, li minkejja l-ħażen tagħhom għal darba tnejn tlieta, jibqa’ jittama, jekk xejn, fl-irġulija li kien jemmen li hemm fihom. Darba, tnejn, tlieta jibgħatilhom qaddejja, u fl-aħħar, f’għajnejna, jġib ruħu ta’ iblah: minn ibni jistħu, qal. Iktar kemm huma jiggravaw is-sitwazjoni tagħhom bid-deżijonijiet li bdew jieħdu, iktar hu joqrob lejhom, bagħtilhom lil ibnu.

Il-bqija tal-istorja nafuha sewwa, mux wisq għax ġrat, imma għax ngħixuha. L-opportunità li nitilfu aħna meta nagħqlu qalbna u nwebbusha biex ngħollu lilna nfusna fuq kollox u fuq kulħadd, tingħata lil ħaddieħor jekk aħna nġibu ruħna hekk.

Jekk fl-imgħoddi mhux imbiegħed konna nitkellmu fuq il-ħolqien tal-bżonnijiet, illum irridu nitkellmu fuq il-ħolqien tad-drittijiet, kif Ġesù wera biċ-ċar f’din il-parabbola. Alla jħoss u jħenn għalina u aħna nippretendu li neħdulu postu. Il-ħolqien tad-dritt ma jurix gratitudni lejn min iħenn iżda arroganza ta’ pretensjonijiet foloz li fl-aħħar mill-aħħar jiżolawna minn Alla u minn xulxin. Għax jekk jien għandi l-ħila nissieħeb ma’ min hu bħali biex indur lejn min iħobbi u jħenn għalija bie xneħodlu kull ma hu tiegħu, għada pitgħada x’se jżżommni milli ndur kontra min isseħibt miegħu biex nilħaq l-għan ta’ moħħi?

Dak li jwarrbu l-benneja isir dak li jorbot kollox u jżomm kollox f’postu.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: