Ommi! Ommok!


L-għada ta’ Jum Pentekostè, jiġifieri nhar it-Tnejn 21 ta’ Mejju, bdiet tiġi iċċelebrata l-festa ta’ Marija Omm il-Knisja.

Marija hija Omm! Mhux biss ta’ Ġesù. L-Iben ta’ Alla. Għax welldietu. Rabbietu. U mxiet warajh. U baqgħet ubbidjenti lejh sal-aħħar. Iva. Sas-Salib! U baqgħet mal-komunità tiegħu anki wara l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuqhom. Bħala Knisja…

Imma Marija hi wkoll Ommi u Ommok! U l-fatt nafuh! Għax tahielna Hu! Minn fuq is-Salib. Mela, meta ngħidu li Marija hi Omm il-Knisja m’aħniex insemmu Omm it-tużelli, il-koppli, il-kampnari, l-istatwi, il-qniepen id-damask u l-bqija. Le! Aħna qed insemmu li Marija hi Ommok u Ommi. Int u jien! U jien u int! Aħna, l-imgħamdin! Il-persuni u mhux l-oġġetti!

U aħna minn aħna tafux! Aħna! Bl-istorja u bit-tbatija li nġorru. Iva ħi. Marija hi Ommi. U kburija li Ommi. Ferħana li Ommi. Għax tħobbni tassew. U dejjem tridli l-ġid. Għalkemm, u issa ħa nkun aktar sinċier u sinċiera, mhux dejjem taqbel mad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet li nagħmel jien, binha u bintha. Imma anki meta taqbilx xorta waħda tibqa’ hemm għalija. Biex tissapporjtani. U, tissapportja lili, u mhux dejjem l-azzjonijiet tiegħi. Hekk, il-ħażin, ikolli ċans ninqala’ minnu. Ħalli nkun iva, bintha u bintha, b’dinjità. Għax dak li Binha jrid minn ħajti, wara u qabel kollox, hi li jkolli l-qdusija tiegħu. Mhux tiegħi. U hekk jagħmilni tassew iben u bint ta’ Alla. Alla li hu s-sewwa. Alla li hu l-Qdusija vera.

Marija hi Ommi. Jien, li r-raġel, jew dan l-aħħar inkella żmien u għomor, aqta’ kemm jagħmilli noli! U, saħansitra, wasal biex telaq l’hemm u ħallieli t-tfal ma’ wiċċi. U, jekk jogħġbok, ma jridx jaf bihom aktar! Donnhom m’humiex tiegħu! Marija hi Ommi anki meta l-mara lili tirrifjutani. U, avolja d-dar hi dari daqskemm hi darha, bl-atteġġjament tagħha lili ġabitni barrani f’dari stess. Anki jien li uliedi, anki jekk żbaljajt, u dan xbajt nammettieh (u min ma jgħaddix miċ-ċaqlieq fil-ħajja), uliedi xorta waħda ma jridux iħarsu lejn wiċċi aktar. Qisu s-sagrifiċċji li għamilt għalihom fit-tfulija u ż-żgħożija ma jfissru proprju xejn għalihom. Anki għalija iva, Marija hi Ommi. Daqskemm Ommi hi Marija jien li mar-raġel ma stajtx nibqa’ aktar. Għalhekk għażilt il-bonnarja ħa neħilsu kollox b’wiċċ il-ġid. Forsi nieħu ftit ruħ. Almenu kif ħsibtha u fattartha fid-dagħdiegħa li kont fiha.

Marija hi Ommi. Jien, li ilni ma nersaq id-dar biex inkellem lil ommi u ‘l missieri. Għax, fl-opinjoni tiegħi, għamlu ħaġa li ma kellhomx jagħmlu. U allura qtajtha, hekk, kiesaħ u biered, li nħassarhom minn ħajti. Avolja minix fil-paċi tafux! Għax kif nista’ nibqa’ ngħix ‘il bogħod minnhom? Marija hi Ommi. Jien li, għalkemm naf li l-Mulej itini grazzja li naqdih fis-sempliċità kollha, ma japprezzawnix. Minix stmat u stmatha. U Marija hi Ommi jien li, lili, jew ipinġuni mostru, inkella li qabdu u niżluni fil-kotba s-suwed tagħhom. Bilħaqq, Marija tibqa’ Ommi wkoll jien li, għax għandhom lanżita daqshiex għalija, dejjem jigbdu fuqi biex jidhru sbieħ huma. Ħa jfuħu. Ħallieha li l-intiena li jwaddbu fuq ħaddieħor qed tiġi fuqhom stess!

Bħalma hi Ommi Marija jien li għandi l-orjentazzjoni sesswali tiegħi differenti minn dawk ta’ madwari. Jien xorta nibqa’ binha. Bintha. Bħalma hi Ommi wkoll jien li, kieku kien għalija, aqta’ kemm nitfa’ nies fl-infern. Basta ma mmurx jien. Għax kulħadd għandu tort. Kulħadd ħażin u ħażina. Barra jien! Marija hi Ommi wkoll, jien, li jien pagun. Għax erħili nitfaħar b’rixi. Qisu kollox qed iżomm fuqi. Isimgħu diskorsi: ta’ ħaddieħor diżażtru! Tal-qamel! Disgrace! Tal-mistħija! Imma tiegħi, eh! Tiegħi kollox sew!

Marija hi Ommi. Jien li nanalizzalek kull kelma li tgħid u kull mossa li tagħmel. Imbagħad nagħtik verdett. Niġġudikak. Narmik. Inkissrek. L-istess bħalma Marija hi Ommi jien li ma naħfirx. U anki b’mod “qaddis” inpattiehelek. Xi ħdura għandi kontrik!

Dawn huma ulied Marija sieħbi! Kollha f’baħar wieħed. U ħadd m’hu aħjar minn ħadd. Għax min jibla’ l-ilma f’baħar fond u min jibilgħu fl-ilma li jilħaqlu sal-għekiesi. Jalla l-oħxon jitlob għall-irqiq kif l-irqiq jitlob għall-oħxon. Jalla min għandu ftit jitlob għal min għandu ħafna. U min għandu ħafna jitlob għal min għandu ftit.

U x’se nitolbu? Mhux it-talba tal-Omm? Ir-Rużarju? It-talba ta’ Marija? Iva sieħbi. Ir-Rużarju! It-talba tar-repetizzjoni. It-talba qawwija li tħarrab ix-xjaten minn ġo fina. U, jekk ma tafx titlobha qed nagħtik il-link ħa titlobha mal-familja tiegħek. Kuljum. https://www.youtube.com/watch?v=dkn2n38LLpg

Itlob kuljum it-talba tal-Omm! It-talba ta’ Marija! It-talba tal-familja! It-talba tal-fejqan tiegħek, tiegħi u tagħna! Ir-Rużarju. It-talba tal-Knisja!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.