Għalaq żmienu f’dan ix-xahar


It-teologu Skoċċiż, William Barclay, darba qal hekk: “Hemm jumejn kbar fil-ħajja ta’ persuna – il-jum li fih tweldina u l-jum li niskopru l-għaliex”.

Fix-xahar għażiż ta’ Mejju, ix-xahar ukoll iddedikat lill-Verġni Marija, jfakkarna f’persuna mportanti li twieldet fih. U dan ix-xi ħadd twieled eżattament fit-tmien jum ta’ Mejju. Dan ix-xi ħadd mhu ħadd għajr il-magħruf Kurat ta’ Ars, San Ġwann Marija Vianney.

Jean Marie-Baptiste Vianney (l-isem Franċiż tiegħu), twieled nhar it-8 ta’ Mejju 1786 viċin Leon, fi Franza. Kif jgħidilna tajjeb Papa Emeritu Benedittu XVI, fil-katekeżi li għamel nhar il-5 t’Awwissu 2009 dwar il-Kurat t’Ars fir-residenza estiva tiegħu f’Castel Gandolfo, Ġwann Marija Vianney “qatta’ ħafna snin mit-tfulija u l-adoloxxenza tiegħu jaħdem fil-għalqa u jieħu ħsieb il-merħla”. Ta’ 17-il sena kien għadu la jaf jaqra u lanqas jikteb. “Madankollu,” jissokta jgħidilna l-Papa Emeritu, “kien jaf bl-amment it-talb li ommu, mara devota, kienet għallmietu”. Barra minhekk, Ġwann Marija Vianney kien ukoll mimli bis-sens tar-reliġjon li ħa meta kien id-dar. Din it-trobbija tajba li rċieva mid-dar għenietu bis-sħiħ biex jikkonforma ruħu mar-rieda tal-Mulej. Kienet x’kienet din ir-rieda. Ħaseb fuq li ħaseb fuq ix-xewqa li bdiet tinbet fih li jkun saċerdot. Iżda għal Ġwann Marija din kienet biss ħolma. Dan l-għaliex il-kapaċitajiet umani tiegħu kienu tabilħaqq limitati.

Il-bniedem jara mod iżda l-Mulej jara mod ieħor. Anzi! Meta l-Mulej ikun irid xi ħaġa minn persuna, b’mod jew b’ieħor, dejjem jara kif jagħmel u jġibha żewġ! Hekk seħħ tassew fil-każ ta’ Ġwann Marija. Fil-fatt, wara żmien tassew diffiċli fil-formazzjoni tiegħu fis-seminarju, bil-għajnuna tal-Mulej murija lilu minn saċerdoti għaqlin u li raw fih mhux biss limitazzjonijiet imma, u wisq aktar, dak li Papa Benedittu fil-katekeżi tiegħu jsejjaħlu bħala “l-orizzont tal-qdusija”, Ġwann Marija seħħlu jasal għall-ordinazzjoni saċerdotali! Din seħħet nhar it-13 ta’ Awwissu 1815 f’Couvent des Minimes fi Grenoble. Kellu 29 sena.

Ġwann Marija Vianney għex dak li kien qal kittieb, li kien Franciż bħalu, Voltaire (li proprjament kien jismu François-Marie Arouet), meta qal: “Il-Mulej tana d-don tal-ħajja. Jiddependi minnha li nagħtu lilna nfusna r-rigal li ngħixu sewwa”. U dan hu eżattament li għamel il-Kurat t’Ars. Tant hu hekk li meta ġie mibgħut f’Ars mill-ewwel beda bil-kbir. Kien għadu lanqas wasal fir-raħal meta l-Mulej ried li jiltaqa’ mar-ragħaj żgħażugħ u l-ewwel parruċċan tiegħu, Antoine Givre. Meta l-Kurat staqsieh fejn hu Ars u r-ragħaj żgħażugħ tah it-tweġiba, pront pront San Ġwann Maria wieġbu hekk: Int urejtni t-triq għal Ars u jien se ngħallmek it-triq għall-ġenna. Jeżiżti bidu eċċellenti aktar minhekk?

F’San Ġwann Marija Vanney nara kif għandu jkun il-veru saċerdot skont kif imfisser minn saċerdot ikkanonizzat ieħor, San Josemaría Escrivá. Fil-ktieb tiegħu Fl-imħabba mal-Knisja Escrivá jikteb:

“Ma nistax nifhem l-għaliex xi saċerdoti huma tant ħerqana li ma jintgħarfux minn Insara oħra. Li jinsew u jwarrbu l-missjoni speċifika tagħhom fil-Knisja, li għaliha ġew ordnati. Jidhru li jaħsbu li l-Insara iridu jaraw lis-saċerdot bħala raġel ieħor. Dan mhux hekk. L-Insara iridu jsibu fis-saċerdot dawk il-virtujiet proprji għal kull Nisrani u kull bniedem ta’ dinjità: il-mogħdrija, il-ġustizzja, ħajja ta’ xogħol – f’dan ir-rigward xogħol saċerdotali u mġieba tajba. Iżda l-Insara jridu wkoll jagħrfu, b’mod ċar, il-karattru saċerdotali. Jistennew li s-saċerdot jitlob, li ma jirrifjutax milli jamministra s-sagramenti. L-Insara jistennew li s-saċerdot ikun miftuħ għal kulħadd u mhux li jmexxi lin-nies kif irid hu jew li jkun mexxej aggressiv ta’ xi fazzjoni umana, hi ta’ liema forma hi. L-Insara jistennew li s-saċerdot iġib imħabba u devozzjoni fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, li jqarar, li jikkonsla lill-morda u lil dawk li huma mħabbtin; li jgħallem duttrina soda lit-tfal u lill-adulti, li jippriedka l-Kelma ta’ Alla u mhux sempliċiment xi xjenza umana li- irrispettivament kemm jafha fuq ponot subgħajh – mhijiex l-għerf li jsalva u jwassal għall-ħajja ta’ dejjem. In-nies jistennewh jagħti parir u jkun karitattiv ma’dawk fil-bżonn” (nru. 42).

F’din l-omelija ta’ San Josemaría, u li jisimha saċerdot għal dejjem, tfakkarni ħafna f’dak li għamel San Ġwann Marija Vianney f’Ars. Il-Kurat kien bniedem ta’ talb. Kemm kien iqatta’ perjodi twal ta’ talb mal-Mulej, quddiem it-tabernaklu mqaddes! Kien iħobb jgħid: Meta mmorru quddiem is-Santissimu Sagrament, ejjew niftħu qalbna. U l-Mulej twajjeb tagħna jiftaħ tiegħu. Aħna mmorru għandu. U Hu jiġi għandna. Wieħed jitlob. L-ieħor jirċievi. Ikun bħan-nifs minn wieħed għall-ieħor.

Il-Kurat kien iqatta’ ħafna ħin iqarar. Il-bijografi tiegħu jgħidulna li eluf kbar ta’ nies kienu jmorru jqerru għandu. Ġieli kien iqatta’ mas-17-il siegħa kuljum iqarar. F’kelma waħda kien tassew martri tal-qrar. Rigward dan is-sagrament tassew kbir tal-ħniena tal-Mulej il-Kurat kien jgħid: Kif qatt nistgħu naqtgħu qalbna mill-ħniena tiegħU, mill-mument li l-pjaċir kbir tiegħU hu li jaħfrilna? Għal San Ġwann Marija s-sabar kbir tiegħU (tal-Mulej) hu li jistenniena. Għalhekk, jikkonkludi l-qaddis Kurat t’Ars, mhux il-midneb li jirritorna għand il-Mulej biex jitolbu maħfra imma huwa l-Mulej li jiġri wara l-midneb sakemm jdawru għandU.

Imsieħeb max-xogħol ta’ karità fil-ħolqien ta’ l-orfonatrofju tal-providenza u fl-għajnuna tiegħu lill-fqar, fil-formazzjoni li kien jagħti lin-nies, San Ġwann Marija Vianney huwa mudell għalina s-saċerdoti. Itolbu għalina ħalli aħna, minkejja d-dgħjufijijiet tagħna, nibqgħu nħallu l-grazzja tal-Mulej tibdilna. Kif, wara kollox, bidlet lilu wkoll!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.