Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tat-Tlieta 5 ta’ Ġunju 2018

L-Evanġelju tat-Tlieta 5 ta’ Ġunju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 12, 13-17

Inti tħobb is-sewwa.
Inti ma tħabbel rasek b’ħadd.
Inti ma tħares lejn wiċċ ħadd.
Inti t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi.

Wara li l-qassisin, il-kittieba u x-xjuħ tal-poplu semgħu il-parabbola agrarja li tibda bi ħniena mal-art u mal-bdiewa u tintemm bit-traġedja tal-qtil faħxi ta’ bin min ħabb u ħenn u mexa b’ġustizzja telqu b’denbhom bejn saqajhom, ma felħux jibqgħu mirbuħa, u għalhekk bagħtu lil xi Fariżej u Erodjani għand Ġesù.

Il-Fariżej u l-Erdojani ma kienux jitħamlu bejniethom għar-raġuni li Erodi kien konfoffa waħda mal-ħakkiema rumani kontra ġensu stess, kien il-pupazz korrott tagħhom, li, biex jiggwadanja hu, ma ddejjaq xejn jilgħaq kemm jiflaħ lill-ħakkiema u hekk iżomm sħun it-tron tiegħu, filwaqt li l-Fariżej kienu jobgħodu lir-Rumani mhux biss għax kienu l-ħakkiema, iżda wkoll għax is-setgħa tagħhom ġiet imxejna barra mill-fatt li r-Rumani daħħlu magħhom kultura panteista (il-qima ta’ ħafna allat) li kienet theddia kontinwa għall-ħsieb monoteistiku (it-twemmin f’Alla wieħed) li l-poplu Lhudi kien maġgħun fih u mibni fuqu. Fatt żgur li il-Fariżej kienu jobgħodu għall-mewt dak kollu li jnawwar il-kultura, it-twemmin u l-awtorità tagħhom f’dan kollu. F’din il-mibgħeda l-Erodjani kienu jikkwalifikaw minn ta’ quddiem nett.

Iżda kellhom l-istess għadu: Ġesù. Ulied il-ħażen, ma’ min hu tal-qata’ tagħhom huma bil-għaqal ħafna iktar minn ulied id-dawl. Kliem Ġesù ma kienx teorija iżda għadu sallum fatti konkreti li jiġru madwarna l-ħin kollu. Donnu Ġesù ried jgħid ukoll li ulied id-dawl, donnhom jibliehu meta jiġu biex jgħixu u jaħdmu flimkien. Ulied il-ħażen iħaddmu moħħhom u jidhru li jaħdmu bil-għaqal flimkien.

Għalhekk jibdew l-interrogatrorju tagħhom b’dan l-eloġju. Inti tħobb is-sewwa. Inti ma tħabbel rasek b’ħadd. Inti ma tħares lejn wiċċ ħadd. Inti t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi. Insew wieħed, Inti tagħraf il-qerq u l-ħażen minn seba’ mili bogħod u mhux se tħalli t-tifħir u l-adulazzjoni tal-bnedmin jitilfulek sensik dwar il-verità. Ġesù tassew iħobb is-sewwa u jwettqu wkoll; ma jħabbel rasu b’ħadd, l-anqas b’min jipprova jqarraq bih; ma jħares lejn wiċċ ħadd u lil kulħadd iħobb u għax iħobb it-triq ta’ Alla jgħallimha kif tassew hi, mingħajr biża jew mistħija, għax l-imħabba tegħleb dan kollu.

Il-mistoqsija hija ovvjament trabokk. It-tweġibiet li kienu qed jimmaġinaw li Ġesù seta’ jagħti kienu jiġbdu fuq saqajh il-ġebla tal-kundanna jew tal-poplu jew tar-Rumani. L-immaġinazzjoni tal-qerq hija kbira imma limitata, għax tikkalkula bil-qies tagħha. Il-verità ta’ Alla m’għandhiex limiti għa xil-qies tagħha huwa Alla nnifsu. Il-bniedem jikkonsidra dak li jaf hu mill-esperjenza tiegħu, Alla jikkonsidra kollox għax jaf kollox u l-kollox tiegħu huwa bla truf.

It-tweġiba ta’ Ġesù ma kienetx prevista. Qatt ma ppjanaw jew basru li se jisimgħu tweġiba hekk. Il-mistoqsija kienet dwar flus, il-ħlas tat-taxxa kkalkulata fuq kull individwu, u allura lill-Fariżej kienet tniggiżhom għax kienet tirrendihom proprjetà tal-imperu u lill-Erodjani kienet tħaffilhom il-but. La l-mistoqsija hija dwar il-flus, Ġesù jitlobhom dokument; uruni munita tat-taxxa, uruni l-flus. Fuq il-flus hemm wiċċ sidhom. Il-munita qatt ma hi proprjetà ta’ min tinsab għandu, hija rċevuta ta’ valur mogħti minn sidha. Jekk is-sid jiddikjara li l-munita li ġġib wiċċu fuqha m’għandha ebda valur, kull munita ma tiswa xejn ħlief il-materjal li maħduma minnu. Dan għadu hekk sa żmienna.

Ġesù għamel l-mistoqsija dwar il-wiċċ fuq il-munita, mhux għax ma għarfux, iżda biex iġiegħelhom jammettu il-munita, fl-aħħar mill-aħħar ta’ min hi. U minn dan jiġi li t-tweġiba tiegħu hija l-ikatr waħda ovvja: jekk hi tiegħu tridu trodduha lilu. Il-valur tagħha ġej minnu mela agħtuha lilu u intom ħudu l-valur li jagħtikom Alla biex trodduh lilu. Lil Alla ma tistgħux troddulu dak li hu tiegħu għax m’intomx tużaw il-valur li hu jagħtikom.

Jekk intom tibnu ħajjitkom fuq il-valuri mogħtija mill-bnedmin mal-bnedmin midjunin. U l-bnedmin qatt ma jinsew dak li jagħtu u xi darba jew oħra se jitolbukom lura dak li mingħalikom qed jagħtukom. Il-valur li jagħti Alla, jagħtih b’ġenerożità u b’imħabba u l-ġenerożità u imħabba ma jeżistux weħidhom; minn natura tagħhom huma relazzjoni reċiproka ta’ għotja.

Min iħobb ma jislifx imma jagħti u min hu maħbub qatt ma hu midjun għax l-imħabba hija għotja.

  1. Tony
    June 5, 2018 at 3:32 pm

    Fr. Michael, qrajt il hsibijiet tieghek fuq l Evangelju. Grazzi ghal dan ix xoghol li qed taghmel.
    Illum ser nuza l qari tal quddiesa u l-hsibijiet tieghek waqt l adorazzjoni.
    Tony Gatt

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: