Biex il-Knisja tikber


3. Katekeżi dwar il-Konfirmazzjoni mill-Papa Franġisku. 6 ta’ Ġunju 2018.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Inkomplu bir-riflessjoni tagħna fuq is-sagrament tal-Konfirmazzjoni, u llum nagħtu ħarsa lejn l-effetti li d-don tal-Ispirtu s-Santu jwettaq f’dawk li jirċevuh, sa ma jwassalhom biex isiru, huma wkoll, don għall-oħrajn. Hu don tal-Ispirtu s-Santu. Niftakru li meta l-Isqof jagħtina d-dilka biż-żejt, jgħidilna: “Ħu s-siġill tad-don tal-Ispirtu s-Santu”. Dak id-don tal-Ispirtu s-Santu jidħol fina u jagħmel il-frott, biex imbagħad aħna nistgħu nagħtuh lill-oħrajn.

Dejjem nirċievu biex nagħtu: qatt ma nirċievu biex inżommu l-affarijiet ġo fina, bħallikieku r-ruħ kienet xi maħżen. Le: dejjem nirċievu biex nagħtu. Il-grazzji ta’ Alla nirċevuhom biex nagħtuhom lill-oħrajn. Din hi l-ħajja tan-Nisrani. Għalhekk, hu proprju xogħol l-Ispirtu s-Santu li jċaqlaqna miċ-ċentru tal-jien tagħna biex jiftaħna għall-“aħna” tal-komunità: nirċievu biex nagħtu. M’aħniex aħna fiċ-ċentru: aħna strument ta’ dak id-don għall-oħrajn.

Waqt li tikkontempla fl-imgħammdin ix-xebh ma’ Kristu, il-Konfirmazzjoni tgħaqqadhom b’qawwa ikbar bħala membri ħajjin tal-ġisem mistiku tal-Knisja (ara Rit tal-Konfirmazzjoni, n. 25). Il-missjoni tal-Knisja fid-dinja timxi ’l quddiem bis-sehem ta’ dawk kollha li jagħmlu parti minnha. Hemm min jaħseb li fil-knisja hemm is-sidien: il-Papa, l-isqfijiet, is-saċerdoti, u mbagħad hemm l-oħrajn. Le: il-Knisja hi aħna lkoll! U lkoll għandna r-responsabbiltà li nqaddsu lil xulxin, li nieħdu ħsieb ta’ xulxin. Il-Knisja hi aħna lkoll. Kull wieħed u waħda għandu x-xogħol tiegħu fil-Knisja, imma aħna lkoll aħna l-Knisja. Fil-fatt irridu naħsbu fil-Knisja bħala organiżmu ħaj, magħmula minn persuni li nafu u li magħhom nimxu, u mhux bħala realtà astratta u mbiegħda. Il-Knisja hija aħna li mexjin, il-Knisja hija aħna li llum qegħdin hawn fil-pjazza. Aħna: din hi l-Knisja. Il-Konfirmazzjoni torbotna mal-Knisja universali mxerrda mad-dinja kollha, imma billi lil dawk li rċevew il-Griżma tinvolvihom b’mod attiv fil-ħajja tal-Knisja partikulari li minnha jagħmlu parti, bl-Isqof fir-ras tagħha, li hu s-suċċessur tal-Appostli.

U għalhekk l-Isqof hu l-ministru oriġinarju tal-Konfirmazzjoni (ara Lumen gentium, 26), għax hu jinserixxi lill-ikkonfermat fil-Knisja. Il-fatt li, fil-Knisja Latina, dan is-sagrament b’mod ordinarju jingħata mill-Isqof, juri li “l-effett tas-sagrament hu li jgħaqqad lil dawk li jirċevuh b’rabta aktar qawwija mal-Knisja, mal-bidu tagħha mill-Appostli u mal-missjoni tagħha li tagħti xhieda għal Kristu” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1313).

U s-sinifikat ta’ din l-inkorporazzjoni fil-Knisja joħroġ tajjeb ħafna fis-sinjal tal-paċi li jagħlaq ir-rit tad-dilka bil-griżma. Fil-fatt, l-Isqof jgħid lil kull ikkonfermat: “Il-paċi miegħek”. Waqt li jfakkru fit-tislima ta’ Kristu lid-dixxipli dakinhar tal-Għid filgħaxija, mimlija bl-Ispirtu s-Santu (ara Ġw 20:19-23) – kif smajna –, dawn il-kelmiet idawlu ġest li “jfisser u juri l-għaqda fil-Knisja mal-isqof u mal-Insara kollha” (ara KKK, 1301). Aħna, fil-Griżma, nirċievu l-Ispirtu s-Santu u l-paċi: dik il-paċi li rridu nagħtu lill-oħrajn. Imma naħsbu ftit: kull wieħed jaħseb fil-komunità parrokkjali tiegħu, ngħidu aħna. Hemm iċ-ċerimonja tal-Griżma, u mbagħad nagħtu l-paċi lil xulxin: l-Isqof jagħtiha lil min irċieva d-dilka, u mbagħad fil-quddiesa, nagħtuha lil xulxin. Dan ifisser armonija, ifisser imħabba bejnietna, ifisser paċi. Imma mbagħad x’jiġri? Noħorġu u nibdew inzekzku fuq l-oħrajn, “inqaxxru” lill-oħrajn. Jibda t-tqassis. U t-tqassis hu gwerra. Dan mhux sew! Jekk aħna rċivejna s-sinjal tal-paċi bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, irridu nkunu rġiel u nisa ta’ paċi, u mhux neqirdu, bi lsienna, il-paċi li niseġ l-Ispirtu s-Santu. Imsejken Spirtu s-Santu, x’biċċa xogħol għandu magħna, b’dan il-vizzju tat-tqassis! Aħsbu sew: it-tqassis u z-zekzik mhuwiex opra tal-Ispirtu s-Santu, mhuwiex opra tal-għaqda tal-Knisja. It-tqassis jeqred dak li jagħmel Alla. Imma nitlobkom: ejja nieqfu nqassu fuq xulxin!

Il-Konfirmazzjoni nirċevuha darba waħda biss, imma d-dinamiżmu spiritwali mqanqal mid-dilka mqaddsa jibqa’ fiż-żmien. Ma nieqfu qatt inwettqu l-mandat li nxerrdu ma’ kullimkien il-fwieħa t-tajba ta’ ħajja qaddisa, imnebbħa mis-sempliċità affaxxinanti tal-Vanġelu.

Ħadd ma jirċievi l-Konfirmazzjoni għalih innifsu biss, imma biex jikkopera fit-tkabbir spiritwali tal-oħrajn. Hekk biss, billi ninfteħu u noħorġu minna nfusna biex niltaqgħu mal-aħwa, li nistgħu tabilħaqq nikbru u mhux biss naħsbu li qed nikbru. Fil-fatt, dak li nirċievu b’don ta’ Alla għandu jingħata – id-don qiegħed biex jingħata – biex jagħmel il-frott, u mhux jindifen minħabba biżgħat egoistiċi, kif nitgħallmu mill-parabbola tat-talenti (ara Mt 25:14-30). Anki ż-żerriegħa, meta jkollna ż-żerriegħa f’idejna, din mhix qiegħda biex nixħtuha hemm, fuq l-ixkaffa, u nħalluha hemm: qiegħda biex niżirgħuha. Id-don tal-Ispirtu s-Santu rridu nagħtuh lill-komunità. Inħeġġeġ lil dawk li rċevew il-Griżma biex ma jżommux lill-Ispirtu s-Santu f’“gaġġa”, biex ma jagħmlux reżistenza għar-Riħ li jonfoħ biex jimbuttahom ħalli jimxu b’libertà, u ma jifgawx in-Nar imkebbes tal-imħabba li jwassalhom biex jagħtu ħajjithom għal Alla u għal ħuthom. Jalla l-Ispirtu s-Santu jagħti lilna lkoll il-kuraġġ appostoliku li nwasslu l-Vanġelu, bl-għemil u bil-kliem, lil dawk kollha li magħhom niltaqgħu fi triqitna. Bl-għemil u bil-kliem, imma bil-kliem it-tajjeb: dak li jibni. Mhux il-kliem tat-tpaċpiċ u z-zekzik li jeqred. Nitlobkom, meta toħorġu mill-knisja, aħsbu kif il-paċi li rċivejtu qiegħda hemm biex tagħtuha lill-oħrajn: mhux biex teqirduha biz-zekzik. Tinsewhx dan.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.