L-Evanġelju tal-Erbgħa 6 ta’ Ġunju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 12, 18-27

Il-kontroversji ma jieqfu qatt. Mhux għax naqraw ir-rakkonti fl-Evanġelju iżda għax ngħixuhom ta’ kuljum f’kull żmien. Moħħ magħluq ma jinfetaħ qatt għax tant hu mehdi b’li hemm fih li ftit li xejn jirrejalizza x’hemm ’il barra minnu u jekk, forsi titbexxaq xi tieqa li tagħti għal barra, il-moħħ magħluq jaħseb li hemm barra bilfors hu kontrih. Hekk ġralhom il-Fariżej, hekk ġralhom is-Sadduċej, hekk jiġri lil kull moħħ magħluq imxerred mal-erbat irjieħ tad-dinja. Sejrin żball għall-aħħar.

Il-problema tal-awtroritajiet tal-Lhud kienet waħda; aħna nafu l-iżjed, aħna l-aħjar u aħna l-aqwa u filwaqt li Alla, għal mijiet ta’ snin, ipprova fuq li pprova jibdel il-mentalità tal-mexxejja li ħakmu kollox taħt idejhom, il-poplu Lhudi qagħad għalihom u baqa’ sieket jgħix il-ħajja tiegħu. Lil min ipprova jgħaddilhom il-valuri vera ferħu bih għax kellu l-ħila jaqbeż il-linja iżda huma baqgħu ma qabżuha qatt u ħallew lil min jikkonvinċihom li min jaqbeż il-linja, għalkemm jidher kuraġġuż, huwa baħnan. Sejrin żball għall-aħħar.

Is-Sadduċej, raw lil-Fariċej u l-Erodjani ma ġabuhiex żewġ ma’ Ġesù, anzi ħarġu ta’ ħmir. Riedu jippruvaw huma biex joħorġu ta’ rġiel. U lestew trabokk ieħor marbut mal-liġi; liġi li kellha sfond storikament soċjali: it-tkomplija tar-razza biex il-ġid jibqa’ dejjem fil-familja. Liġi marbuta mal-ġid tal-art fejn jidher ċar lil-ġid, li jintemm, huwa aqwa mill-bniedem u aqwa minn dak li hu mistieden għalih, il-ġid li ma jintemmx.

Għalhekk tiżbaljaw intom. Moħħkom wisq magħluq skont it-tifsila tagħkom. Il-Kelma ta’ Alla turi biċ-ċar li l-bniedem jgħix għal dejjem u intom tibnu ħajjitkom fuq dak li jsaddad u jissewwes, dak li għandu bidu u għandu tmiem u twarrbu lil dak li qed joffrilkom li, għalkemm għandkom bidu, jista’ jkollkom hena li ma jintemmx, il-ġid li ma jispiċċax għax hu Alla nnifsu, Alla tal-ħajjin mhux tal-mejtin.

Din il-liġi kienet tagħti dritt li l-familja żżomm ġid li jsostniha permezz taż-żwieġ, meta l-poplu kien jiġġerra minn post għall-ieġor u ma kellux stabilità, id-dritt sar liġi u l-liġi ħolqot dmir li ma ġiex minn Alla imma mill-kilba tal-bniedem biex ma jaqsamx ma’ oħrajn il-ġid li jkollu, biex iżomm kollox għalih. Il-ħsieb tal-liġi nqaleb ta’ taħt fuq. Għalhekk tiżbaljaw intom.

Il-bniedem li jgħid li jemmen u mbagħad jagħmel li jfettillu, u bħal dawn insibu ħafna, jippruvaw ifasslu alla li jqogħodilhom, lilhom u d-drittijiet li jivvintaw għalihom infushom. Dak li jagħmel il-bniedem ma jista’ qatt ikun attribwit lil Alla, għax il-ħsieb ta’ Alla mhux il-ħsieb tal-bniedem u t-triqat tal-wieħed mhumiex tal-ieħor.

Is-Sadduċej, anke dawk ta’ żmienna, li ma jemmnux fil-ħajja ta’ dejjem, iżda jemmnu biss fil=ħajja tal-issa u hawn, ma jarawx iktar ’il bogħod mill-ponta ta’ mneħirhom, u minkejja li jgħidu li jsibu l-qofol tal-hena fuq din l-art, huma wkoll jasal it-tmiem tagħhom u jsibu ma wiċċhom għatu tal-injam u xorok fuqu, u dak li jkunu tħabtu għalih xi jkun jiswielhom! Di hi rejaltà li naraw tiġri kuljum.

Jekk wieħed jinnota sewwa, illum meta niftakru f’xi ħadd li miet, lanqas ngħidu li nsellmulu, iżda nsellmu l-memorja tiegħu, it-tifkira tiegħu, neskludu li għadu jgħix; miet, spiċċa, intemm; fadal biss dak li hemm f’moħħna dwaru. Alla mhux tal-mejtin, iżda tal-ħajjin.

Is-sejħa għall-immortalità bdilnieha fil-ksib ta’ dak li naħsbu li hu l-milja tal-mortalità. Alla jistedinna biex ngħixu għal dejjem u aħna, bil-moħħ magħluq tagħna, nuruh li niġu naqgħu u nqumu minnu u minn dak li jrid għalina. Nippreferu nkunu allat għal ftit hawnhekk milli ngħixu ma’ Alla għal dejjem. Sejrin żball ħafna.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.