Bil-marċ taħt it-tieqa


Bdejna ż-żmien tal-festi. Il-festi sbieħ. Jagħtuk kuraġġ. Iferrħuk! Anki jekk ma tkunx apprezzat u apprezzata kif, almenu, l-umanità l-aktar bażika titlob (aħseb u ara l-karità Nisranija). Imma l-festi dejjem jagħtuk tama. U, tibżax jekk ta’ madwarek idaħħlulek il-lanez u l-vleġġeġ. Li jgħodd x’jgħid fuqek il-Mulej! U xejn aktar! Amen! Halleluiah!

Il-festi Maltin u Għawdxin huma mżejnin bil-marċi sbieħ li fihom. L-aktar dawk tal-Ħadd. Qed nirreferi, b’mod speċifiku, għall-marċ ta’ filgħodu. Anki jien kelli l-grazzja li, minn taħt it-tieqa ta’ kamarti, jgħaddi l-marċ tal-Ħadd filgħodu. Ngħidilkom il-verità ħassejtni wisq ipprivileġġat li proprju, minn taħt it-tieqa tal-kamra tal-kunvent li bħalissa qed noqgħod fiha, jiena wkoll ġejt inkludut fil-festa! Kos hux! Din il-kamra ħelwa u li tant tilqa’ nies fiha fl-ispirtu tat-talb u l-barka! Din il-kamra li tippriedka bil-fatti għax la għandha bżonn paniġierċi u lanqas serati twal u ma jispiċċaw qatt ta’ wirjiet spiritwali. Mela kif kien jgħid eżattament San Ġorġ Preca: Il bene non fa chiasso e il chiasso non fa bene! (It-tajjeb ma jagħmilx storbju l-għaliex l-istorbju ma jagħmilx tajjeb!).

Il-marċ taħt it-tieqa ta’ kamarti fakkarni kemm hawn marċi għaddejjin bħalissa f’pajjiżna. Le! Minix qed nirreferi għall-marċi pubbliċi fuq il-Facebook, fil-bulettini tal-aħbarijiet inkella fil-ġurnali. Jew fuq il-pjanċier tat-televiżjoni u r-radju. Imma, bħalissa, jiġuni f’moħħi u f’qalbi dawk il-marċ ta’ ferħ li jindaqqu f’kull familja u f’kull komunità għall-miġja ta’ membru ġdid fi ħdanha. Huwa dan il-marċ li jimla’ bil-ferħ, bil-kuraġġ, bit-tama u bil-qawwa tal-imħabba li ma tmut qatt fostna. Għax, hu dan tajjeb li ngħiduh, kull persuna hija tabilħaqq rigal. U, jekk irridu veru nkunu dak li nippriedkaw, m’hawnx le nies problematiċi. Kull persuna titwieled libera. Bil-barka. Bil-paċi. Fiha nnifisha. Imma x’jiġri? Dik il-persuna tiġi mitmugħa u jagħtuha tixrob l-insigurtajiet li jkun hemm fihom. Tal-persuni ta’ madwarha. Allura lil dik il-persuna jdaħħluha fi sqaq li jkun hemm fihom stess. Għalhekk, ħa napprezzaw lil xulxin għal dak li aħna. U mbagħad kulħadd jagħmel li jista’. U li jista’ mhux dak li rrid jien imma li tkun tista’ l-persuna.

Mela sabiħ il-marċ li jfaħħar u jara t-tajjeb tal-persuna! Fil-verità ma teżiżti l-ebda forma għal ħadd. Il-forom tajbin biss biex nagħmlu fihom il-figolli tal-Għid. U, jekk dejjem għadhom isiru fihom! Imma qatt fuq il-bnedmin. Il-bniedem huwa tant dinamiku. Tant sabiħ. Tant krejattiv. Kollox sew! Mhux minnu nnifsu. Imma bis-saħħa ta’ l-Ispirtu s-Santu li hemm fih! Li jaħdem fih! Li jgħix u jagħmel l-għamara tiegħu fih! Għalhekk huwa mportanti ħbieb li dan l-innu marċ tal-apprezzament ndoqquh. Diġà hawn straġi kbira f’ħafna persuni l-għaliex m’humiex apprezzati meta għadhom ħajjin. U mbagħad, biex nippruvaw inserrħu l-kuxjenza tagħna għall-ħsara li nkunu għamilnielhom f’ħajjithom, wara li jmutu, nagħmlulhom is-santi ħa npattu ftit talli nkunu tajniehom mill-agħar meta kienu għadhom magħna. U mill-agħar kemm jista’ ikun. Le ħbieb! Ejjew napprezzawhom! Napprezzawhom! Napprezzawhom!

Hemm innu marċ ieħor li għandna bżonn indoqqu f’ħajjitna u f’ħajjet ħaddieħor: nifhmek. Nisimgħek! Xi ġmiel! Bniedem ikun qed jistenna tant min jisimgħu! Min jidħol fiż-żarbuna tiegħu! Għall-grazzja tal-Mulej il-Papa li għandna tassew qed jgħinna biex indoqqu dan it-tip ta’ marċ f’ħajjitna. Liema marċ lilna jferraħna! Jagħmlilna kuraġġ! Iġib fejqan tassew li jixxotta d-dmugħ ta’ snin u snin ta’ ħakma. Ta’ snin u snin ta’ ġudizzju. Ta’ snin u snin ta’ persuni li ġew ittrattati a la nażista. Li ġew ikklassifikati u mbagħad mormija. Hekk! Kiesaħ u biered!

Le ħija! Le oħti! Isma’. Isma’. Isma’. Ifhem. Ifhem. Ifhem. Agħder. Agħder. Agħder…

Forsi tgħiduli: “Patri! Kemm int negattiv!” Ħabib! Int kemm tqatta’ ħin iżżur il-morda? Kemm tisma’ nies imweġġgħin? Tgħidlix kemm tippriedka. Kemm tikteb. Kemm tlablab. Għidli biss: Kemm tqatta’ ħin mal-morda? Ma’ dawk li għandhom qalbhom maqsuma? Kemm?

Fil-ħajja hawn ħafna marċi funebri. Ta’ qsim il-qalb. Imma hawn il-brijużi wkoll. Ta’ festa. Li jixxuttaw id-dmugħ u jreġġgħu t-tbissima lura. Għax jgħannqu u mhux jikkastigaw u jarmu!

Mulej, għamilni marċ ta’ mħabbtek kollha ħniena. Amen.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.