Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > L-Insara li tilfu l-memorja ma jiltaqgħux ma’ Ġesù

L-Insara li tilfu l-memorja ma jiltaqgħux ma’ Ġesù


Il-Ħamis 7 ta’ Ġunju. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Fl-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta dalgħodu, il-Papa saħaq li biex nimxu ‘l quddiem fil-ħajja nisranija jeħtiġilna niftakru fl-ewwel laqgħat tagħna ma’ Ġesù, nibqgħu niftakru f’min kien għaddielna l-fidi u fil-liġi tal-imħabba.

 

Il-memorja nisranija hija l-melħ tal-ħajja immorru lura biex nimxu ‘l quddiem. Jeħtiġilna niftakru u nikkuntemplaw l-ewwel waqtiet li fihom iltqajna ma’ Ġesù, niftakru f’min għaddielna l-fidi u niftakru f’min fakkarna fil-liġi tal-imħabba li l-Mulej sawwab fi qlubna.

Dan kien il-ħsieb ewlieni tal-Papa Franġisku fl-omelija tal-lum li għaliha tnebbaħ mill-ittra ta’ San Pawl lil Timotju, li kellna fl-ewwel qari: Ftakar f’Ġesù Kristu.
Din hi mixja lura bil-memorja biex niltaqgħu ma’ Ġesù, spjega l-Papa, “biex insibu l-forza ħalli nibqgħu mexjin ‘il quddiem. Il-memorja nisranija hi dejjem laqgħa ma’ Ġesù. Hi l-melħ tal-ħajja. Meta niltaqgħu ma’ nsara li tilfu l-fakra, mill-ewwel nindunaw li dawn tilfu t-togħma tal-ħajja nisranija u saru persuni li jimxu fuq il-kmandamdenti mingħajr mistika, mingħajr ma jiltaqgħu ma’ Ġesù. Għax tul ħajjitna miegħu irridu niltaqgħu.

Hemm tliet sitwazzjonijiet, spjega l-Papa, li fihom niltaqgħu ma’ Ġesù Kristu: fl-ewwel waqtiet, fl-antenati tagħna u fil-liġi. L-ittra lil-Lhud turina x’għandna nagħmlu: “Ftakru fl-ewwel żminijiet, wara l-konverżjoni tagħkom, kemm kontu mħeġġa”. Kull wieħed u waħda minna għandu l-ħin u l-mod personali kif jiltaqa’ ma’ Ġesù. Żgur li tul ħajjitna kien hemm waqtiet bħal dawn, issokta Franġisku, mument wieħed, tnejn, tlieta, li fihom Ġesù resaq lejna, wera ruħu lilna. Tinsewhomx dawn il-waqtiet, wissa l-Papa Franġisku.

Niftakru fil-mument li fih aħna bdilna ħajjitna, meta wriena l-vokazzjoni tagħna, meta żarna f’xi sitwazzjoni diffiċli. Dawn huma l-għajn li minnha tnixxi l-ħajja nisranija, il-funtana li ttina l-qawwa.

Niftakarhom dawk il-waqtiet?, il-waqt meta Ġesù bidilli ħajti, meta wegħedni xi ħaġa? Jekk ma niftakruhomx, hemm bżonn li ngħarblu l-memorja biex infittxuhom. Ilkoll kemm aħna għandna dawn il-waqtiet f’ħajjitna.

It-tieni laqgħa tagħna ma’ Ġesù, kompla jgħid il-Papa, ssir bil-memorja tal-antenati tagħna, li l-ittra lil-Lhud issejħilhom “il-kapijiet tagħkom, dawk li għaddewlkom il-fidi”. Pawlu wkoll, fit-tieni ittra lil Timotju jħeġġu b’dal-kliem: Ftakar f’ommok u f’nanntek li għaddewlek il-fidi.

Il-fidi ma rċevejnihiex bil-posta, ikkummenta l-Papa, imma kienu bnedmin oħra li għaddewhielna. U l-ittra lil-Lhud tgħid: “Ħarsu lejn dawk, li huma bosta, u iskbu l-qawwa minnhom, huma li sofrew il-martirju.
Kull meta l-ilma tal-ħajja jiddardar xi ftit, huwa importanti li nduru lura lejn l-għajn biex fiha nsibu l-qawwa ħalli nibqgħu mexjin ‘il quddiem.

Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: il-memorja tiegħi teħdoni lura lejn l-antenati tiegħi, jien bniedem li għandi għeruq jew ngħejx biss fil-preżent? Jekk hu hekk , nitolbu minnufih il-grazzja li nduru lura lejn għeruqna, lejn dawk il-persuni li għaddewlna l-fidi.

Fl-aħħar, il-liġi li Ġesù jfakkarna fiha fil-Vanġelu skont San mark. L-ewwel kamandament: “Isma’, Iżrael, lill-Mulej Alla tiegħek.

Il-fakra tal-liġi, qal il-Papa. Il-liġi hi ġest ta’ mħabba li Alla għamel għalina biex jurina t-triq u qalilna: jekk timxi f’dit-triq ma tiżbaljax. Niftakru fil-liġi, mhux il-liġi kiesħa, dik li tidher biss ġuridika, imma fil-liġi tal-imħabba li l-Mulej naqqax fi qlubna.

Allura jien niftakar fiha l-iġi? Xi drabi aħna l-insara nsibuha diffiċli niftakru l-kmandamenti bl-amment. Ngħidu li niftakruhom, imma xi mkien neħlu, ma niftakrux.

Li niftakru f’Ġesù Kristu jfisser li jkollna ħarsitna msammra fuqu, fil-waqtiet tal-ħajja li fihom jien iltqajt miegħu, fil-waqtiet tal-prova, fl-antentati tiegħi u fil-liġi. U l-memorja mhix biss li mmorru lura. Hi li mmmorru lura biex nimxu ‘l quddiem, Il-memorja u t-tama jimxu id f’id u huma l-milja ta’ xulxin. Ftakar li Ġesù Kristu, il-Mulej li ġie, ħallas għalija u għad jerġa’ jiġi. Hu l-Mulej tal-memorja, Hu l-Mulej tat-tama.

Il-Papa temm l-omelija bi stedina biex kull wieħed u waħda minna, illum, jieqaf għal ftit minuti u jistaqsi lilu nnifsu kif inhi l-memorja tiegħu, il-memorja ta’ meta ltaqa’ mal-Mulej, il-memorja tal-antenati, il-memorja tal-liġi. U mbagħad jgħarbel lilu nnifsu dwar kif inhi t-tama tiegħu, fiex qed jittama. Jalla l-Mulej jgħinna f’dil-biċċċa xogħol tal-memorja u tat-tama, temm jgħid il-Qdusija Tiegħu.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: