Imweġġa’!


Kemm hawn nies imweġġgħin! U daqqa dak weġġa’ lil dik! U dik weġġgħet lil oħra! Dawk bikkew lill-oħrajn. Bħalma l-oħrajn bikkew lil oħrajn. U, il-litanija ta’ uġiegħ, ma tispiċċa qatt! Biki! Biki! Biki! …

Ħa nagħmluha ċara ħbieb: kulħadd xi darba weġġa’ lil xi ħadd. Veru jew le? Anki jekk b’naqra ta’ kumment. Inkella b’xi kelma miktuba. Ġieli n-nies jitweġġgħu bis-silenzju wkoll tafux! L-aktar meta jkun hemm bżonn li wieħed jiftaħ l-għajnejn u kollox jibqa’ għaddej. Qisu qatt ma ġara xejn. Business as usual!

Mela la hija verità li kulħadd weġġa’ lil xi ħadd anki jien weġġajt lil ħaddieħor. U allura, la dan huwa minnu, jiena l-ewwel wieħed li nammetti. Għalhekk m’hu ħa noqgħod niddejjaq xejn nitlob maħfra jekk weġġajt lil xi ħadd. Hu min hu. U hi min hi. Mhux sabiħa li n-nies jitweġġgħu.

L-esperjenza tal-ħajja turina li xi tip ta’ uġiegħ għandna nevitawh. Bħalissa moħħi qed joħodni meta kellhom bżonn jagħmluli ż-żewġ molliet li għandi f’qalbi. Kieku meta daħluli mill-groin ma tawnix il-loppju kieku żgur li kien itini attakk ieħor f’qalbi fuq dak li kelli. U, din id-darba, mhux l-għaliex niżlitli xi biċċa demm oħra fuq qalbi, bħat-tnejn li kelli diġà fl-arterji tagħha, imma bl-uġiegħ li kienu jqabdduni. Mela grazzi sur speċjalista u sinjuri tat-team mediku li tajtuni l-anesteżija lokali qabel għamiltuli l-proċedura! Oh kemm swiet dik l-anesteżija biex setgħu jagħmluli l-operazzjoni!

Imma l-isptar għallimni wkoll li, minkejja l-anesteżija li tingħata fil-mediċina, xorta wieħed jibqa’ iħoss l-uġiegħ tal-operazzjoni. Għax, ċertu operazzjonijiet, jibqgħu operazzjonijiet kbar. U, barra minhekk, imnalla jkun hemm ċertu uġiegħ wkoll. Inkella jekk ma jkunx hemmx dak l-uġiegħ kif ħa ninduna li għandi bżonn il-kura? Jekk l-istonku ma juġagħniex kif ħa nintebaħ li kont kilt xi ħaġa li ma kinitx taqbel miegħi?

Minn naħa l-oħra ċertu uġiegħ hemm bżonnu. Inkella qalja infiq. Jekk inkun ksirt idi ara x’uġiegħ ikolli! Imma allura jien se nibqa’ b’dak l-uġiegħ? Se nibqa’ b’idi miksura? Żgur li le! Immur l-isptar! U x’jagħmluli? Mhux jirranġawli idi ħalli tgħaqad sew? Issemmilix! X’uġiegħ! Mela jien ħa nissapporti dak l-uġiegħ? Imma jien, fil-verità, x’irrid? Mhux li idi tkun maqgħuda mill-ġdid? Mela sieħbi aħjar ngħaddi minn din il-passjoni u idi tkun fis-sod milli tibqagħli mnellħa ħa! La issa ħarġet! Għax, b’idi mnellħa, m’hu ħa nagħmel xejnsew.com!

Anki fil-ħajja, ġieli l-verità tweġġa’. Għax insibha diffiċli li naċċettaha. U nweġġa’ meta xi ħadd isemmihieli! Daqskemm ili naħrab minnha! Jekk xi ħadd weġġagħni mhux ovvja li se nimtela’ bir-rabja jekk niftakar fih jew fiha? Mhux ovvja li l-pressjoni tinżilli jew titlagħli, (skont dejjem xi jkun il-każ)! Mhux ovvja li meta narah u naraha jitlagħli l-pop up f’moħħi? Ajma! L-aktar jekk naraha hemm, quddiemi wiċċi! Ommi Ma! Sinjur aħfirli jkolli aptit … niżbranah! Niżbranaha! Imma b’daqshekk x’ħa nieħu? U x’ħa nieħu billi noqgħod infisqi l-uġiegħ? Xejn! Xejn! Xejn! U lanqas jekk infisqi lir-rabja tiegħi tafux mhu ħa nsolvi xejn!

Mela x’nagħmel? Għax diġà imweġġa’ bli għamlitli u, wisq aktar, ninsab imweġġa’ għax imweġġa’. Meta nqaddes, il-Mulej tani mediċina li nixtieq naqsamha magħkom. Għax intom veru għall-qalbi! Ara! Qabel nitolbu t-talba tal-Missierna fil-Quddiesa jiena nħobb ngħid lin-nies: “Din it-talba tal-Missierna ħa noffruha għal dawk li weġġgħuna. Għal dawk li aħna weġġajna. U għal dawk li għandna rabja kbira għalihom”. U ġieli, biex nitfa’ naqa ċajta, inħobb ngħid fl-aħħar biċċa: “U din noffruha għal dawk li meta narawhom jew titlagħlna inkella tinżlilna l-pressjoni”. Aqta’ kemm jidħku! Imma ħej fid-daħka hemm it-tagħlima! U l-fejqan! Għax, meta nitolbuha flimkien, aqta’ kemm inħossuna aħjar!

U, fl-aħħar nett, ejjew ma ninsewx ħaġa importantissima: ejjew niftakru kemm inweġġgħu lil Ġesù! Jiena l-ewwel wieħed! Jien ħaqqni! U int ukoll! Għax, kif qal eżatt il-ħalliel it-tajjeb fuq is-salib huwa u jmut: Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kull ma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin (Lq 23:41). U, jekk taqbel li tiegħi u tiegħek hi ġusta u tiegħu inġusta, għax m’għamel xejn ħażin, ejja int u jien noħorġu ta’ raġel u ta’ mara miegħu! X’taħseb sieħbi?

Mela qabel inkunu ħa nagħmlu xi ħaġa, u, speċjalment, meta nkunu naqra fil-griż, u la nkunu nafu jekk aħniex reqdin inkella mqajmin, ejjew ngħidulu hekk: Ġesù, b’dan li ħa nagħmel se nferrħek jew se nweġġgħek? Tibżax! Jurina! Kemm f’dak li nħossu u anki bin-nies u ċ-ċirkustanzi li niltaqgħu magħhom!

Ġesù għinni biex ma nweġġagħlekx qalbek! Amen!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: