Jitnieda ktieb b’differenza

Print Friendly, PDF & Email

Ralph Waldo Emerson, poeta Amerikan, jgħid hekk: “Jekk niltaqgħu ma’ bniedem ta’ intelligenza mhux tas-soltu għandna nistaqsuh x’kotba qed jaqra”. Wieħed mill-kotba li jgħinna nikbru sewwa f’din l-intelliġenza, u ktieb li mhux tas-soltu, huwa dak maħruġ mill-iskola Mater Boni Consilii, St Joseph Paola. Il-ktieb jismu Nikber miegħek.

Waqt kunċert mill-isbaħ u mħejji sewwa għall-okkażjoni li ittella’ fil-Knisja ta’ Kristu Rè, f’Paola, mill-istudenti tal-Iskola Mater Boni Consilli St Joseph, Paola, u taħt id-direzzjoni mill-aqwa tal-għalliema tal-mużika Ms Mary Grace Grech, ġie mniedi l-ktieb Nikber miegħek. Din il-pubblikazzjoni hija frott ta’ inizjattiva għaqlija li ħadet din l-iskola fix-xhur li għaddew. Kull klassi ġiet mitluba tagħmel ħames mistoqsijiet dwar il-fidi. U dawn il-mistoqsijiet ġew mgħoddija lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona OP.

Dawn il-mistoqsijiet, flimkien ma’ oħrajn li kienu mressqa minn adulti, imseħbin mat-tweġibiet tagħhom, ġew ilkoll miġbura u ippreżentati f’din il-pubblikazzjoni. F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-kap tal-iskola, Dr Kenneth Vella, spjega li, kif jindika tajjeb l-isem tal-ktieb, it-tfal qiegħdin iressqu huma l-mistoqsijiet skont l-età tagħhom. It-tweġibiet tal-Arċisqof Emeritu qiegħdin jgħinuhom biex jikbru fil-fidi sena wara l-oħra.

Qal Dr. Vella: “Din l-inizjattiva tikkonferma kemm bħala skola qiegħdin nagħmlu minn kollox biex ngħinu lit-tfal tagħna jikbru b’mod sħiħ. Nieħu l-opportunita’ biex nirringrazzja lill-Arcisqof Emeritu Cremona O.P. mhux biss talli sab il-ħin iwieġeb il-mistoqsijiet tagħna iżda anki għaliex, bħala skola, fl-aħħar xhur dejjem sibnih ta’ għajnuna u gwida spiritwali. Grazzi wkoll lis-Sorijiet tal-Komunita’ ta’ St Joseph, lill-ġenituri u l-benefatturi li għenuna noħorgu din il-pubblikazzjoni. Grazzi anki lil Kite Publishers tal-pariri siewja tagħhom. Minn dak li qalulna, din hija l-ewwel pubblikazzjoni tat-tip tagħha f’pajjizna fejn Arcisqof ingħaqad ma’ skola fi ħruġ ta’ pubblikazzjoni ta’ din ix-xorta,” tenna Dr Vella.

Minn naħa tiegħu, l-Arċisqof Cremona OP fakkar li l-kuntatt bejnu u bejn l-iskola Mater Boni Consilii ingħata bidu meta, ftit tax-xhur ilu, kien il-kap tal-iskola li stiednu jżurha. Dan seħħ minħabba attività marbuta ma’ jum l-ambjent. Kien tabilħaqq minn dik iż-żjara ‘l quddiem fejn l-Arċisqof Cremona spiċċa jagħmel għadd ta’ żjarat oħra, f’okkażjonijiet differenti, f’din l-iskola. “L-istedina li għamilli l-kap tal-iskola biex inwieġeb dawn il-mistoqsijiet aċċettajtha minnufih għax ħassejt li min inizjattiva bħal din joħroġ il-ġid. Bqajt impressjonat ukoll x’tip ta’ mistoqsijiet kapaċi joħorġu bihom it-tfal,” tenna l-Arċisqof Emeritu Cremona.

Matul din it-tnedija spikka wkoll il-messaġġ tal-okkazjoni li ntbagħat mill-kantant u kompożitur Taljan, Amedeo Minghi. F’dan il-messaġġ Minghi mhux biss sellem lill-Arċisqof Cremona iżda wkoll ta l-awguri tiegħu lil dawk preżenti. Amedeo Minghi feraħ lill-iskola Mater Boni Consilii ta’ din l-inizjattiva. Preżenti wkoll għall-okkażjoni, minn barra s-sorijiet tal-komunita’ ta’ Saint Joseph, studenti u għalliema tal-istess skola kien hemm ukoll Fr Charles Mallia O. Carm, delegat tal-Arċisqof għall-iskejjel tal-knisja, il-Kanonku Dun Marc Andrè Camilleri, li hu l-kappillan attwali tal-paroċċa ta’ Paola, flimkien ma’ mistiedna oħra. Jiena wkoll kelli l-unur li niġi mistieden minn Dr. Vella għal din l-okkażjoni tant sabiħa. Xi ħaġa li żgur nibqa’ ngħożż għall-ħajti kollha.

Fid-daħla tiegħu għal dan il-ktieb Nikber miegħek, il-kap tal-iskola Mater Boni Consilii, Dr Kenneth Vella, esprima s-sodisfazzjon kbir tiegħu mhux biss għat-tnedija tal-ktieb iżda wkoll għall-għan nobbli li dan il-ktieb jippreżenta.

“Bħala kap tal-iskola huwa ta’ pjaċir u unur għalija li qiegħed nikteb id-daħla ta’ dan il-ktieb li bħala istituzzjoni rnexxilna noħorġu bl-għajnuna tal-Arcisqof Emeritu Pawlu Cremona OP. L-għan ewlieni ta’ dan il-ktieb huwa dak li ngħaqqdu flimkien il-komunita’ tal-iskola, jiġifieri lit-tfal, l-edukaturi, lill-ġenituri u anki lis-sorijiet tal-komunità ta’ San Gużepp u ngħinu lill-bniet tagħna jkomplu jikbru anki fil-fidi taghhom. Dan għax nemmnu li kif kienet dejjem tisħaq il-fundatriċi tagħna, Sant Emilja ta’ Vialar, it-tfal għandhom jingħataw dejjem edukazzjoni sħiħa. Il-bniet li jattendu l-iskola tagħna, bħal oħrajn, għandhom ukoll id-dritt li jikbru mhux biss soċjalment u akkademikament iżda anki spiritwalment”.

Dr Vella issokta jfisser kif twieled il-ktieb Nikber miegħek. “L-idea ta’ din il-pubblikazzjoni nibtet ukoll waqt waħda mid-diversi żjarat li kellu l-Arcisqof Emeritu Cremona OP fl-iskola tagħna. Matulha hu mhux biss kellu ċ-ċans jitkellem mal-istudenti, staff u ġenituri iżda anki wera d-disponibbilità tiegħu li jwieġeb il-mistoqsijet li setgħu jagħmlulu t-tfal u l-adulti li għandhom kuntatt dirett mal-iskola”.

Fid-daħla għall-ktieb Dr Vella mbagħad fisser kif saret l-għażla tal-mistoqsijiet li ġew ippreżentati lill-Arċisqof Emeritu Cremona O.P.

“L-għażla tal-mistoqsijiet minn naħa tat-tfal lill-Monsinjur Arċisqof saret wara diskussjoni li saret f’kull klassi tal-iskola minn livell ta’ kinder sa dak tat-tieni sena tas-sekondarja. Dawn il-mistoqsijiet u tweġibiet qiegħdin jiġu ppreżentati f’dan il-ktieb fi stil differenti. Dan biex nibgħatu wkoll il-messaġġ li sena wara sena t-tfal għaddejjin minn vjaġġ spiritwali, fejn qiegħdin jimmaturaw kuljum u għalhekk anki l-mistoqsijiet lill-Arcisqof Cremona huma xhieda tal-maturità tal-istudenti u l-adulti”.

Lejn l-aħħar tal-introduzzjoni tiegħu Dr Vella wera t-tama għall-ġid li se jsir permezz ta’ dan il-ktieb. Barra minhekk ma naqax li juri l-apprezzament tiegħu lejn ħafna persuni li kienu l-moħħ wara l-ktieb Nikber miegħek. Fosthom, u mingħajr dubju, lill-Monsinjur Cremona innifsu.

“Konvint li minn din il-pubblikazzjoni se joħrog il-ġid mhux biss għall-istudenti tal-lum iżda anki għal dawk ta’ għada u ta’ skejjel oħra. Finalment ħajr speċjali jmur lejn is-sorijiet tal-Komunita’ tas-sorijiet ta’ San Ġuzepp ta’ Paola tal-appoġġ kollu tagħhom, lejn il-kollegi tiegħi, studenti u ġenituri, lil Kite Group li wkoll daħlu magħna għal proġett bħal dan u, fuq kollox, lejn l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona OP li dejjem sibnieh ta’ għajnuna u li llum inqisu b’ħabib personali u gwida spiritwali tiegħi u ta’ dawk kollha li jirfsu l-għatba tal-iskola tagħna”.

Personalment laqatni ħafna dak li kiteb l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona OP fuq il-qoxra ta’ wara ta’ dan il-ktieb tassew informattiv u formattiv.

“Dan il-ktieb huwa r-riżultat tal-ħsieb li nagħtu widen għal dak li jridu jgħidu t-tfal. It-tmexxija tal-iskola u l-istaff staqsew lit-tfal u lill-ġenituri biex juruna x’jixtiequ jkunu jafu biex jersqu aktar lejn Ġesù. Jien ġejt mistieden biex inweġibhom. Il-ktieb fih il-ħsibijiet tiegħi dwar il-mistoqsijiet li staqsew huma. J’Alla dan il-ktieb iservi biex jikbru aktar, kemm it-tfal, kif ukoll l-adulti, fl-imħabba lejn Ġesù”.

Il-qalb ħanina u mimlija mħabba ta’ Kristu lejn il-merħla tiegħu, kif murija lilna mill-qalb tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona OP, tistieden lili u lilek biex nakkwistaw kopja minnufih tal-ktieb Nikber miegħek. Dan il-ktieb, li jiffurmana ilkoll kemm aħna f’fidi matura, żgur li kien, għadu u jibqa’, ktieb b’differenza! Għax joffri l-intelliġenza partikulari tat-tfal. L-għeżież uliedna!

Leave a Reply

%d bloggers like this: