Introduzzjoni: Ix-xewqa għal ħajja sħiħa


1. Katekeżi dwar il-Kmandamenti mill-Papa Franġisku. 13 ta’ Ġunju 2018.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum hi l-festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova. Min minnkom jismu Anton? Ċapċipa lill-“Antonijiet” kollha. Illum qed nibdew mixja ġdida ta’ katekeżi fuq it-tema tal-Kmandamenti. Il-kmandamenti tal-Liġi ta’ Alla. Biex nintroduċuha, ħa nieħdu spunt mis-silta li għadna kemm smajna: il-laqgħa bejn Ġesù u raġel – żagħżugħ – li jinxteħet għarkupptejh quddiemu jistaqsih kif jista’ jikseb il-ħajja ta’ dejjem (ara Mk 10:17-21). U f’dik il-mistoqsija hemm l-isfida ta’ kull ħajja, anki tagħna: ix-xewqa għal ħajja sħiħa, bla tmiem.

Imma kif nagħmlu biex naslu? Xi triq naqbdu? Billi ngħixu tassew, ngħixu ħajja nobbli… Kemm żgħażagħ iridu “jgħixu” u mbagħad jeqirdu lilhom infushom għax jiġru wara ħwejjeġ li jtiru mar-riħ!

Xi wħud jaħsbu li aħjar jaraw kif jitfu dan l-impuls – l-impuls tal-ħajja – għax hu perikoluż. Nixtieq ngħid, speċjalment liż-żgħażagħ: l-agħar għadu tagħna mhumiex il-problemi konkreti, ikunu kemm ikunu serji u drammatiċi: l-ikbar periklu tal-ħajja hu spirtu ħażin ta’ adattament li mhuwiex ħlewwa jew umiltà, imma medjokrità, għal min min hu beżżiegħ.[1] Żagħżugħ medjokri hu żagħżugħ li għandu futur jew le? Le! Jibqa’ mwaħħal hemm, ma jikber qatt, ma jagħmilx suċċess. Il-medjokrità jew il-biża’ li tiċċaqlaq. Dawk iż-żgħażagħ li jibżgħu minn kollox: “Le, jien m’iniex hekk…”. Dawn iż-żgħażagħ qatt ma jimxu ’l quddiem. Umiltà u ħlewwa, qawwa, u ħallikom milli titbeżżgħu jew tkunu medjokri. Il-Beatu Pier Giorgio Frassati – li kien żagħżugħ – kien jgħid li wieħed għandu jgħix, u mhux jara biss kif ħa jgħaddiha.[2] Il-medjokri jaraw kif sa jgħadduha. Ngħixu bil-qawwa li tagħtina l-ħajja. Lil Missierna tas-Sema rridu nitolbuh biex liż-żgħażagħ tal-lum jagħtihom dan it-tħassib li ma jħallihomx bi kwiethom, imma b’mod tajjeb. Imma d-dar, fid-djar tagħkom, f’kull familja, meta jkun hemm żagħżugħ mixħut bilqiegħda ma jagħmel xejn il-ġurnata kollha, xi drabi ommu u missieru jaħsbu: “Imma dan marid, għandu xi ħaġa”, u jeħduh għand it-tabib. Il-ħajja taż-żagħżugħ hi li jimxi ’l quddiem, ma jkollux kwiet, it-tħassib san, il-ħila li ma jikkuntentax ruħu b’ħajja bla ġmiel, bla kulur. Jekk iż-żgħażagħ ma jkunux imġewħa għal ħajja awtentika, jien nistaqsi, fejn sejra l-umanità? Xi triq ħa taqbad l-umanità b’żgħażagħ kwieti flok li m’għandhomx kwiet?

Il-mistoqsija ta’ dak ir-raġel tal-Vanġelu li għadna kemm smajna tinsab f’kull wieħed u waħda minna: kif nagħmlu biex insibu l-ħajja, il-ħajja bil-kotra, l-hena? Ġesù jwieġeb: “Int il-kmandamenti tafhom” (v. 19), u jikkwota parti mid-Dekalogu. Hu proċess pedagoġiku, li bih Ġesù jrid imexxina lejn post preċiż; fil-fatt diġà hu ċar, mill-mistoqsija tiegħu, li dak ir-raġel m’għandux il-ħajja sħiħa, imma qed ifittex iżjed, m’għandux kwiet. Mela x’jonqsu jifhem? Jgħidlu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti” (v. 20).

Kif ngħaddu miż-żgħożija għall-maturità? Meta nibdew naċċettaw il-limiti tagħna. Insiru adulti meta nirrelativizzaw lilna nfusna u nagħrfu “x’jonqosna” (ara v. 21). Dan ir-raġel kellu jagħraf li dak kollu li jista’ “jagħmel” mank jaqbeż il-“bejt”, ma jaqbiżx it-tarf.

Kemm hi ħaġa sabiħa li nkunu rġiel u nisa! Kemm hi prezzjuża l-ħajja tagħna! U safrattant hemm verità li fl-istorja tal-aħħar sekli l-bniedem spiss ċaħad, b’konsegwenzi traġiċi: il-verità tal-limiti tiegħu.

Ġesù, fil-Vanġelu, jgħid ħaġa li tista’ tgħinna: “Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-perfezzjoni” (Mt 5:17). Il-Mulej Ġesù jagħtina l-milja, għalhekk ġie. Dak ir-raġel ried jasal fuq l-għatba ta’ qabża, fejn tinfetaħ il-possibbiltà li jieqaf jgħix bih innifsu, bl-opri tiegħu, bil-ġid tiegħu u – proprju għax kienet tonqsu l-ħajja sħiħa – jitlaq kollox biex jimxi wara l-Mulej.[3] Meta tħares iktar mill-qrib, tintebaħ li fl-istedina finali ta’ Ġesù – immensa, tal-għaġeb – ma hemmx il-proposta tal-faqar, imma tal-għana, dak veru: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-Sema; imbagħad ejja u imxi warajja” (v. 21).

Min, li kellu jagħżel bejn l-oriġinal u kopja, kien se jagħżel il-kopja? Din hi l-isfida li għandna quddiemna: insibu l-oriġinal tal-ħajja, mhux il-kopja. Ġesù ma joffrix surrogati, imma ħajja vera, imħabba vera, għana veru! Kif jistgħu ż-żgħażagħ jimxu warajna fil-fidi jekk ma jarawniex nagħżlu l-oriġinali, jekk jarawna mdorrijin bl-affarijiet ta’ nofs kedda? Kemm hi ħaġa kerha tara Nsara ta’ nofs kedda, Insara – ippermettuli l-kelma – “nani”; jikbru sa ċerta statura u mbagħad daqshekk; Insara bil-qalb marsusa, magħluqa. Ħaġa kerha meta tara hekk. Hu meħtieġ l-eżempju ta’ xi ħadd li jistedinna għal “iktar minn hekk”, għal “xi ħaġa iżjed”, biex nikbru ftit. Sant’Injazju kien isejjaħlu l-“magis”, “in-nar, il-ħeġġa tal-għemil, li jċaqlaq lil dawk li ħadhom in-ngħas”.[4]

It-triq ta’ dak li jonqosna tgħaddi minn dak li diġà għandna. Ġesù ma ġiex biex jeqred il-Liġi jew il-Profeti, imma biex iwassalhom għall-milja. Jeħtieġ nitilqu mir-realtà biex nagħmlu l-qabża għal “dak li jonqos”. Jeħtieġ ngħarblu l-ordinarju biex ninfetħu għall-istraordinarju.

F’dawn il-katekeżi se naqbdu ż-żewġ twavel ta’ Mosè bħala Nsara, u naqbdu f’idejn Ġesù, biex ngħaddu mill-illużjonijiet taż-żgħożija għat-teżor li jinsab fis-Sema, waqt li nimxu warajh. Se niskopru, f’kull waħda minn dawn il-liġijiet, qodma u kollha għerf, il-bieb miftuħ tal-Missier li hu fis-Sema, biex il-Mulej Ġesù, li fetħu, iwassalna għall-ħajja vera. Il-ħajja tiegħu. Il-ħajja ta’ wlied Alla.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.