Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

L-insult joqtol il-futur. Mill-għira ngħaddu għall-ħbiberija


Il-Ħamis 14 ta’ Ġunju. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Fl-omelija li għamel illum fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku insista li meta ninsulta, inkun fejn inkun, inkun qed nisraq id-dritt tad-dinjità lil min inkun qed nindirizza. Ġesù jitlobna nirrikonċiljaw ruħna għax jekk ma ninsultawx inħallu lil ħaddieħor jikber.

 

Meta ninsulta lil xi ħadd, anki waqt li nkun qed insuq f’xi għoqda traffiku, imma l-aktar meta ninsulta minħabba l-għira, inkun bdejt “noqtol” lil dak li jkun. Inkun nisraqlu d-dritt tar-rispett, inkun qed noqtollu l-futur tiegħu.

Ġesù jitlob minna rikonċiljazzjoni radikali jiġifieri li nirrispetta kemm id-dinjità tal-ieħor kif ukoll tiegħi personali.

L-omelija li għamel il-Papa Franġsiku kienet riflessjoni dwar id-diskors ta’ Ġesù fuq il-ġustizzja, l-insult u r-rikonċiljazzjoni, mis-silta tal-Vanġelu meħudha minn San Mark
Irranġa mill-ewwel mal-għadu tiegħek, biex ma jkaxkrekx quddiem l-imħallef u mbagħad l-imħallef u l-għassies jitfgħuk il-ħabs. L-istedina li għamel Ġesù lill-appostli, ikkummenta l-Papa, hi għaqal uman: dejjem aħjar ftehim zopp milli sentenza kif jixraq. Biex ifiehem sewwa r-rabta bejn l-imħabba, u l-karità ma’ ħutna, il-Mulej juża eżempju mill-ħajja ta’ kuljum. Iżda ma jiqafx hemm, imur aktar ‘l hinn u jispjega l-problema tal-insulti.

Kienu insulti qodma, qal bi tbissima l-Papa Franġisku, għax illum għadna litanija aktar imlewna, aktar folklorisitka, aktar imżejna! Hija iebsa għax mal-Kmandament “la toqtolx” Ġesù jżid: min jinkorla għal ħuħ ħaqqu jidher quddiem l-imħallef. Jekk lil ħuk tgħidlu li hu “ġifa” jew “iblah” int ħaqqek il-kundanna.

Il-Mulej qed jgħid li l-insult mhux ħaġa magħluqa fiha nfisha iżda hu bieb li jinfetaħ u jibda triq li twassal għall-qtil għax l-insult hu l-bidu tal-qtil, lil dak li jkun jisraqlu d-dritt li jkun rispettat, jisraqlu d-dinjità, joqtlu f’għajnejn is-soċjetà.

Il-Papa għadda biex jitkellem dwar il-ħajja tagħna llum, ħajja li fiha drajna ninsultaw man-nifs li nieħdu. Biżżejjed tkun qed issuq f’ħin ta’ ħafna traffiku biex tisma’ karnival sħiħ ta’ insulti! In-nies kreattivi ħafna biex jivvintaw l-insulti! U dawk l-insulti żgħar li forsi jingħadu waqt li nkunu qed insuqu, jibqgħu jikbru u jsiru aktar gravi. L-insult iħassar id-dritt tal-persuna. U qiesu li min qed jirċievi l-insult m’għandux dritt jitkellem, osserva Franġisku.

L-insult, insista l-Papa Franġisku, hu perikoluż ħafna għax bosta drabi jinbet mill-għira. Meta persuna tkun tbati minn xi diżabbiltà mentali jew fiżika, ma nħossuhiex ta’ theddida għalina u ftit tiġina ħajra li ninsultawha. Imma meta xi persuna tagħmel xi ħaġa li ma togħġobnix nibdew ninsultawha u ngħajjruha li hi nieqsa mentalment u ħafna insulti bħal dawn.

Dan hu atteġġjament li joqtol, joqtol saħansitra l-futur tal-persuna u tkun l-għira li tkun fetħet il-bieb li lili jwassalni biex ngħajjar. Dawn il-każi, aktar iva milli le, jinbtu mill-għira. Il-Ktieb tal-Għerf, issokta Franġisku, jgħidilna li l-mewt daħlet fid-dinja minħabba l-għira tax-xitan. U l-għira ġġib il-mewt. Jekk naħsbu li ma ngħiru għal ħadd, naħsbuha ftit, għax aktarx hemm xi għira moħbija li meta tfiġġ tkun qawwija u tirrendik marid. Il-bniedem li jġorr l-għira f’qalbu jasal biex jinsulta, biex jeqred lill-ieħor.

Iżda Ġesù jwaqqafha triq bħal din, saħaq il-Papa Franġisku. “Dan m’għandux ikun” tant illi jekk meta tmur titlob, tmur il-quddies, tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, l-ewwel mur irrikonċilja ruħek miegħu.

Ġesù hu radikali, qal il-Papa. Ir-rikonċiljazzjoni mhijiex il-manjieri tajbin, le, hija atteġġjament radikali li jfittex illi jirrispetta d-dinjità tal-ieħor u tiegħek stess. Mill-insult għar-rikonċiljazzjoni, mill-għira għall-ħbiberija: din hi t-triq li jtina Ġesù, illum.

Illum jagħmlilna tajjeb naħsbu jekk u kif ninsultaw aħna. Meta nbiegħed lill-ieħor minn qalbi bl-insult? U naraw jekk dak l-għerq morr tal-għira hux qed iġegħelni nipprova neqred lill-ieħor, biex nipprova nkun aħjar minnu, ngħaddih, nasal qablu. Mhux faċli dan, temm jgħid Franġisku, imma kemm ikun sabiħ kieku ma ninsultaw qatt. Sabiħ għax b’hekk inkunu qed inħallu lil ħaddieħor jikber. Jalla l-Mulej itina dil-grazzja.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s