L-Isqof Mario Grech fil-Funeral ta’ Ġuża Grech fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis 14 ta’ Ġunju 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Funeral ta’ Ġuża Grech, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.

Ritratt: Carmel Saliba.

ritratt-carmel-saliba.jpg

BIEX NISTARTJAW IL-MAGNA

Għaliex ħafna drabi aħna l-Insara ma nħossuniex sereni u tonqosna l-paċi interjuri? Għaliex, kif jgħid il-Papa Franġisku, aħna dejjem qisna nies tar-Randan mingħajr Għid u nxaqilbu lejn id-dwejjaq? Il-ħassieb Nietzsche, li ma kienx jemmen f’Alla, jgħid li jitfixkel meta jara Nsara, anzi saċerdoti, jarmu d-dwejjaq meta dawn jipprietkaw li Kristu rebaħ fuq il-mewt; huwa jistaqsi għaliex aħna l-Insara dejjem geddumna mal-art meta ngħidu li Kristu qam mill-mewt! U l-kittieb Georges Bernanos jikteb li “l-oppost tal-poplu Nisrani huwa poplu mnikket”. X’inhi l-kawża li xi drabi min hu reliġjuż huwa depressiv?

Naħseb li waħda mill-kawżi ta’ dan kollu huwa l-fatt li ħafna rriduċew it-twemmin Nisrani għal sensiela ta’ liġijiet. B’xorti ħażina, għal ħafna Nsara l-Vanġelu ta’ Ġesù Kritu huwa kodiċi ta’ liġijiet, u għalhekk ħajja Nisranija tfisser ħajja moralment tajba. Din hija viżjoni riduttiva u żbaljata li taf twaqqagħna fil-moraliżmu, fis-sens li l-bniedem jibda josserva l-liġi ta’ Alla b’mod letterali, formali u legalista. Il-moraliżmu għandu qoxra tal-fidi, imma aktar joqrob lejn l-ideoloġija milli lejn il-fidi. Fil-fatt, il-qofol tat-twemmin Nisrani mhux il-ħarsien estern tan-normi daqskemm l-impenn tal-bniedem biex iniżżel għeruqu fil-misteru ta’ Alla, li tant iħobb lid-dinja li tana lil Ibnu l-waħdieni biex min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem. Il-moraliżmu jtaqqlilna l-ħajja. Ħafna drabi, impostazzjoni ta’ din ix-xorta tirrendina riġidi. Huwa għalhekk li allura l-Vanġelu jsir tqil, għax flok ma jservina bħala strument biex jgħinna nkunu ħielsa, ħafna jużawh bħala “mqass” biex iqaċċtu l-pinen tal-ġwienaħ ħalli l-bniedem ma jkunx jista’ jtir.

F’dan il-kuntest nifhem għaliex il-poplu ta’ Alla (il-Knisja) f’pajjiżna qisu magna fgata li ma tistax tistartja – tipprova tqabbadha imma dlonk tintefa! Kif jikteb Missierna San Pawl, “il-liġi toqtol, l-ispirtu jagħti l-ħajja” (2 Kor 3:6). Anki fil-kamp ċivili, dawk li japplikaw il-liġi, jippruvaw jimxu skont l-ispirtu tagħha, għax inkella “the law can be an ass”, u jiġri li summum ius issir summa iniuria.

Għalhekk, jekk dan jgħodd għall-applikazzjoni tal-liġi ċivili, kemm aktar jgħodd fir-rigward tal-liġi ta’ Alla! Bir-raġun għalhekk Ġesù jgħidilna li “jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 5:20). Il-kittieba u l-Fariżej kienu dawk li rriduċew il-Kelma ta’ Alla għal liġijiet u komplew iżidu magħhom, u hekk għabbew lill-bniedem b’ħafna piżijiet bla bżonn. Il-biċċa hi li mhux biss il-kittieba u l-Fariżej għamlu dan, imma llum ukoll għandna min għandu din il-viżjoni dejqa tal-Vanġelu.

It-tweġiba quddiem dan kollu hija li aħna rridu niskopru lil Ġesù Kristu qabel ma nkunu nafu l-liġijiet tiegħu. Qabel il-morali hemm il-persuna ta’ Ġesù. Ġesù mhux moralista. Ħasra li ħafna drabi jiġri li aħna nippruvaw napplikaw il-liġi morali mingħajr ma nkunu nafu lil Ġesù, il-Feddej tagħna. Ġesù jieħu post id-damma tal-liġijiet. Huwa l-milja tal-liġi. Għal Ġesù, fiċ-ċentru hemm il-bniedem bil-ferħ u l-biki tiegħu, u mhux il-liġi.

Għalhekk, l-impenn primarju tan-Nisrani biex jikseb il-ferħ u jkollu l-paċi tal-qalb huwa li jfittex ħalli jagħmel esperjenza personali ta’ Ġesù. Għax Pawlu ta’ Tarsu ltaqa’ ma’ Ġesù, huwa seta’ jgħid: “(Sirt) bla liġi ma’ dawk li huma mingħajrha – mhux għax jien bla liġi ta’ Alla, għax Kristu hu l-liġi tiegħi – biex nirbaħ lil dawk li huma barra l-Liġi” (2 Kor 9:21).

Min jippreferi “teoloġija morali matematika” ifisser li Kristjanament għadu adolexxent u immatur. Huwa min ma jafx jieqaf fuq riġlejh waħdu li jrid ir-regoli biex iżomm magħhom. Min għandu din l-attitudni, x’aktarx ikun minimalista u jkun kuntent jekk jagħmel dmiru u jieqaf hemm; mentri min huwa misjuq mill-imħabba, u għalih it-teoloġija morali hija t-tweġiba kollha mħabba lil Alla li jħobbna, dan dejjem ifittex kif iħobb aktar!

L-osservanza litterali tal-liġi divina toqtol l-individwalità tan-Nisrani, għax għall-kuntrarju toħloq Insara f’serje: persuna tixbah lill-oħra. Alla ma jridx li nkunu kopja ta’ xulxin. Aħna neħtieġu l-Verità u l-indikazzjonijiet li jagħtuna direzzjoni, imma kull wieħed u waħda minna jrid isib dik li l-Papa Franġisku jsejjaħ “it-triq tiegħu… Mela m’għandniex għax naqtgħu qalbna meta naħsbu fuq mudelli ta’ qdusija li jidhru li ma jistgħux jintlaħqu. Hemm xhieda li jiswew biex jistimulawna u jimmotivawna, imma mhux biex infittxu nikkuppjawhom, għax dan jista’ anki jbegħedna mit-triq waħdanija u speċifika li l-Mulej żamm għalina. Dak li jgħodd hu li kull min jemmen, jagħmel dixxerniment tat-triq tiegħu u joħroġ l-aħjar minnu nnifsu, mill-karatteristiċi personali li Alla qiegħed fih, u mhux jinħela jfittex li jsir jixbah xi ħaġa li ma ġietx maħsuba għalih” (Ifirħu u thennew, 15). Billi quddiem Alla kulħadd għandu triqtu, ma nistgħu niġġudikaw lil ħadd, għax kulħadd iwieġeb “skont l-għamla u d-daqs ta’ ruħu” (ibid.).

Illum qegħdin nagħtu l-aħħar tislima lil Ġuża Grech. Il-mod kif kienet titkellem u taġixxi kien juri li Ġuża kienet mara tassew ħielsa u bl-ebda mod ma kienet imxekkla mir-regolamenti. Għalkemm għaddiet mill-iebes tal-ħajja, dejjem kienet tkun bi tbissima. Is-sigriet ta’ din l-attitudni f’Ġuża kien il-fatt li kienet mara li nnamrat ma’ Ġesù. Kienet tmur tqatta’ strappati quddiem Ġesù Ewkaristija fil-Knisja ta’ Savina. Ftit jiem ilu, binha Anton qalli li ommu fissritlu li Ġesù fl-Ewkaristija kien l-għaxqa tagħha u kellha xewqa kbira li tarah fil-glorja tiegħu fis-Sema! Kemm nixtieq li aħna jkollna l-ħeġġa li kellha Ġuża għal Ġesù! Ġuża ma kinitx minimalista – kellha qalb kbira, kif tixhed id-dedikazzjoni tagħha għall-familja. Ftit xhur ilu għamilna l-funeral ta’ żewġha u qalbha kienet għadha tħabbat għalih. Anki fl-impenn pastorali hija kienet ġeneruża. Isimha hu sinonimu mal-Azzjoni Kattolika. L-imħabba tagħha għal Ġesù kienet issuqha biex tgħin lill-oħrajn isiru jafuh.

Nitolbu lil Alla bl-interċessjoni ta’ ħutna li ħallewna biex jgħinna ninqalgħu minn ċertu radd li ninsabu mwaħħlin fih. Parank wieħed hemm li jista’ jaqlagħna: Ġesù Kristu. Din hija t-triq tal-qdusija: li nsiru nafu lil Ġesù!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading