Xi ftit xhur ilu kelli l-grazzja nżur il-Palazz tal-Papiet f’Avignon. Min minna qatt ma sema’ b’dan il-ġmiel ta’ Palazz li, bir-raġun kollu, il-UNESCO tikkunsidrah bħala wieħed mill-monumenti tal-umanità?
Avignon huwa wieħed mill-kapitli interessanti tal-istorja mqallba, għax hi divina u umana, tal-Knisja. Il-Papat f’Avignon jaf il-bidu tiegħu fl-1309. Kien nhar il-5 ta’ Ġunju 1305 meta l-Kardinali għażlu lil Bertrand de Got, l-Arċisqof ta’ Bordeaux, bħala Papa. Huwa ħa l-isem ta’ Klement V. Mill-bidu tal-pontifikat tiegħu Klement V għamel ħafna kardinali Franċiżi. U hekk minn Taljan il-kulleġġ tal-Kardinali sar Franċiż. B’hekk ġara li dawn il-Kardinali Franċiżi bdew jeleġġu Papiet Franċiżi għall-Knisja.
Wara Bertrand de Got, nhar is-7 t’Awwissu 1316, fl-età ta’ 72 sena, ġie elett Jacques Duèse. Dan ħa l-isem ta’ Ġwanni XXII. It-tmexxija għaqlija ta’ dan il-Papa żiedet bil-bosta il-ġid tal-Knisja. Minħabba li qabel l-elezzjoni tiegħu bħala Papa kien diġà Isqof ta’ Avignon, Papa Ġwanni XXII għażel li jgħix fil-palazz episkopali, li irrenova u kabbar. Dan il-Papa saltan għal 18-il sena.
Nhar l-20 ta’ Diċembru 1334, monaku Ċisterċensi, Jacques Fournier, minn Saverdun, ġie magħżul Papa. Huwa ħa l-isem ta’ Papa Benedittu XII. Dan il-Papa bena r-residenza tiegħu, il-Palazz il-Qadim (Palaix Vieux) fuq l-istess sit tal-palazz episkopali li kien waqqa’ hu stess.
Klement VI kien dak li żied il-Palazz il-Ġdid (Palais Neuf). Pierre Roger, li kien aristokratiku, ġie elett nhar is-7 ta’ Mejju 1342. Dan il-patrun tal-arti u tal-letteratura kellu qorti brillanti u kiseb ħafna oġġetti tal-arti prezzjużi. Fl-1348, huwa xtara Avignon mis-Sultana Ġwanna, Kontessa ta’ Provence, għal 80,000 Fjorin.
Etienne Aubert, li ġie elett bħala Papa nhar it-18 ta’ Diċembru 1352, ħa l-isem ta’ Innoċenzju VI. Ġie inkurunat fil-Palazz ta’ Avignon. Kien hu li żviluppa u lesta x-xogħol f’dan il-Palazz. Fil-fatt, Innoċenzu VI kien dak li bena sur madwar il-bini ġdid jew, kif ngħidulhom bl-ilsien Franċiż bourgs, li bdew ifaqqsu ‘l hawn u ‘l hemm. Fil-palazz tiegħu ġewwa Villeneuve, dan il-Papa waqqaf monasteru Kartużjan.
Guillaum Grimoard, minn Grizac, sar Papa nhar it-28 ta’ Settembru 1362. Huwa ħa l-isem ta’ Urbanu V. Dan il-Papa għamel gallerija mill-isbaħ, magħrufa bħala “Roma”. Din il-gallerija bnieha ġewwa l-ġonna flimkien ma’ ġnien mimli siġar tal-frott.
Pierre Roger, in-neputi ta’ Klement VI, ġie elett bħala Papa nhar it-30 ta’ Diċembru 1370. Fl-istorja dan il-Papa jibqa’ mniżżel bħala Gregorju IX. Kien f’Settembru 1376 meta dan il-Papa irritorna mill-ġdid lejn Ruma fejn miet nhar is-27 ta’ Marzu 1378.
Wara protesti vjolenti l-Kulleġġ tal-Kardinali kellu ta’ bilfors jagħżel Papa Taljan, jiġifieri lil Urbanu VI. Il-protesti issuktaw jikbru tant li fl-20 ta’ Settembru l-Kardinal żgħażugħ aristokratiku, Robertu ta’ Ginevra, ġie elett bħala Klement VII. Dan il-Papa reġa’ irritorna lura lejn Avignon. B’hekk ingħata bidu għax-Xiżma tal-Punent fil-Knisja. Tajjeb ngħidu li x-Xiżma tal-Punent qasmet lill-Knisja f’żewġ ubbidjenzi għal mhux anqas minn 39 sena sħaħ. Jiġifieri mill-1378 sal-1417.
Il-Kardinal Aragoniż, Pedro de Luna, ġie elett nhar it-28 ta’ Settembru 1394. Huwa ħa l-isem ta’ Benedittu XIII. Dan il-Papa letteralment iggranfa mal-Papat tiegħu. Madankollu żewġ konċilji, jiġifieri dak ta’ Pisa, fl-1409, u dak ta’ Kostanza, fl-1415, ma għarfux l-awtorità tiegħu. U hekk, wara ħafna żmien iterraq ‘l hawn u ‘l hemm, huwa ħa r-residenza tiegħu fil-kastell tiegħu ta’ Peñiscola, fejn miet fl-1423.
Rodrigo, in-neputi tiegħu, ġie magħżul bħala dak li kellu jieħu ħsieb il-Palazz tal-Papiet f’Avignon. Kien nhar it-2 ta’ Novembru 1411 meta Rodrigo ta lilu nnifsu u għadda l-imfietaħ tal-Palazz f’idejn François de Conzié, rappreżentant tal-antipapa Baldassere Cossa, magħruf fl-istorja bħala Ġwanni XXIII (1370-1419).
Matul din ix-Xiżma, seba’ Papiet konsekuttivi saltnu fl-Italja. Min kien il-veru Papa dak li kien hemm Ruma jew dawk iż-żewġ Papiet li saltnu f’Avignon? L-istorja irrisolviet ruħha fl-1417 meta ġie magħżul il-Papa Taljan Martinu V.
Minkejja storja daqshekk ikkumplikata l-Palazz tal-Papiet f’Avignon fakkarni napprezza fil-kisbiet li għamlu dawn il-Papiet fl-istorja tal-Knisja. Hekk, ngħidu aħna, Klement V għen bis-sħiħ biex jitwaqqfu l-Universitajiet ta’ Orleans u Peruġja. Papa Ġwanni XXII organizza sewwa l-Kurja, waqqaf djoċeżijiet ġodda, ippromova t-tagħlim, ikkodifika l-liġi tal-Knisja u għen bi flusu missjonijiet kbar li wasslu saċ-Ċina. Kien hu li ħareġ il-bolla Docta Sanctorum, l-ewwel dikjarazzjoni papali dwar il-mużika sagra. Kien hu li kkanonizza lil San Tumas D’Akwinu.
Papa Benedittu XII beda riformi estensivi ekkleżjastiċi u ppubblika l-bolla Benedictus Deus. Fiha għallem it-tagħlim tal-Knisja li l-erwieħ tal-mejtin imorru għall-premju ta’ dejjem eżattament wara l-mewt u mhux jibqgħu fi stat ta’ eżiżtenza inkonxja sal-Ġudizzju tal-Aħħar. Mingħajr dubju Papa Klement VI kien bniedem ta’ ħajja qaddisa li tat ħafna frott fil-karità li wettaq. Tant hu hekk li meta fl-1348 sal-1349 Avignon kienet imfarrka mill-pesta s-sewda (l-Black Death), dan il-Papa xwejjaħ għen mhux biss biex jieħu ħsieb il-morda imma anki li jwaqqaf il-folol isteriċi li riedu jattakkaw lill-Lhud fil-belt l-għaliex bdew iwaħħlu fihom li kienu huma li kienu ikkawżaw din l-epidemija.
Il-Papiet ta’ Avignon iġagħluni nobdi b’qalbi kollha dak li qal il-Beatu Pawlu VI: Ħobbu lill-Knisja! Kunu fidili għall-Knisja! L-ewwel nett fidili f’li tilqgħu, b’disponnibiltà mimlija paċi, it-tagħlim tagħha. Li hu dak ta’ Kristu. Fidili f’li tlaħħmu il-Vanġelu fil-ħajja, fuq livell personali, familjari, professjonali, soċjali.