Minn Fr Mario Attard OFM Cap

Bl-eżempju tiegħu għallimni


Fuq in-naħa ‘il waħda tas-santa ta’ mewtu hemm Ommna Marija, l-ismijiet tal-familja, qraba u ħbieb u r-ritratt tiegħu. Filwaqt li, fuq in-naħa ta’ wara, qed nara lil Ġesù Ħanin, il-Kurunella tal-Ħniena Divina u lil Dun Ġorġ Preca li tant kien iħobb.


Din hija l-ħajja tal-ħabib kbir tiegħi Joseph Camilleri li mar jiltaqa’ mal-Mulej nhar l-10 ta’ Mejju 2018 fl-età ta’ 76 sena. Lil Joe ilni nafu għal dawn l-aħħar snin. Xi grazzja kbira li sirt nafu! Kull darba li konna niltaqgħu kemm kont nieħu gost nisimgħu jkellimni u jgħallimni. Dejjem, sintendi, b’dik is-solita ħlewwa tiegħu li kienet tagħżlu u tagħmlu l-aktar bniedem speċjali.

Kull persuna hi ktieb. U, f’dan il-ktieb, hemm kapitli. U, kull kapitlu, hu importanti biex il-kapitlu ta’ warajh ikun jista’ jibni fuqu. Hekk inħobb nara ħajti u anki ħajjet ħuna Joe. Kemm kont nammirah jitħaddet dwar l-esperjenzi li għadda minnhom fit-tarzna. U hawnhekk iva irrid minn qalbi nsellem lill-ħaddiema kollha li ħadmu fit-tarzna għad-dedikazzjoni, għar-reqqa u għall-kuraġġ tagħhom. Joe żgur li kien wieħed minnhom.

Il-karattru li Joe ħa minn dan ix-xogħol għenu bis-sħiħ biex jissokta jsaħħu f’kull aspett ta’ ħajtu. Joe għalija jibqa’ l-bniedem tal-kelma. Il-bniedem li meta jagħti kelma jżommha. U jibqa’ jżommha sal-aħħar. U hi għal din ir-raġuni li l-preżenza tiegħu f’ħajti tfisser ħafna għalija. L-għaliex ir-raġel, meta jkun ta’ kelmtu, ikun raġel fuq l-irġiel. Ikun persuna b’dinjità. Ikun eżempju li wieħed jista’ jħares lejh ħa jimitah.

Barra minhekk Joe jolqotni wkoll fl-umiltà kbira li kellu. Meta sema’ lill-Mulej isejjaħlu mit-tabernaklu ħa jingħaqad aktar miegħu Joe ħalla kollox. U, bħall-qaddej tajjeb u fidil għall-kelma ta’ Sidu, kif insibu fil-vanġelu, huwa mar wara r-Ragħaj it-Tajjeb u baqa’ miegħu sal-aħħar nifs ta’ ħajtu. Il-fedeltà ta’ Joe lejn Ġesù hija għalija ta’ xejkjatura u, fl-istess ħin, ta’ kuraġġ liema bħalu. Joe baqa’ jħalli lilu nnifsu jiġi mitmugħ minn Ġesù mhux biss permezz tal-Kelma u tal-Ewkaristija imma wkoll, u b’ħafna modi, permezz tat-tagħlim. Joe kien għamel tiegħu s-sentenza sabiħa li San Ġorġ Preca kien tant iħobb itenni: It-tagħlim hu l-għajn ta’ kull ġid. Meta konna nitħaddtu flimkien kemm kien jieħu gost isemmili Radju Marija! U kemm kellu suġġerimenti tajbin biex, is-semmiegħ li jkun qed jisma’, jieħu l-benna li joffri dan ir-Radju mingħajr ħafna qried jew tiġbid. Eh ħabib! It-tixmir tal-idejn u l-bżulija jġibuk b’saqajk mal-art għalkemm qalbek iqegħduhielek fis-sema!

Joe kellu mħabba kbira lejn Ommna Marija. Kemm kien jieħu gost jitlob ir-Rużarju kuljum! U, safejn naf jien, ma kinitx tgħaddi ġurnata li hi ġurnata li ma jsellihiex, b’tant imħabba, b’din it-talba daqshekk qawwija u mbierka. Kemm kien jagħtini pamphlets sbieħ tar-Rużarju biex inqassamhom ma’ persuni li l-Mulej ilaqqagħni magħhom! Għax, min tassew iħobb, żgur li se jdewqek dak li għalih hu teżor u duwa. Għax kif ngħidu: Mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-moħħ.

Meta kien jaf li beda’ jinġema’ sħab iswed fuq saħħtu Joe kien talabni biex nakkumpanjah. Xi ħaġa li lqajtha bħala unur kbir. Iva! Għalija kien unur kbir li nakkumpanja persuna li tant ħabb lill-Mulej u anki kien ta’ sapport għall-familja tiegħu. Niftakru jgħidli: Issa għamilli d-dilka tal-morda u ejja żurni. Dawn il-kelmiet ma ninsiehom qatt. Tul il-mawra tiegħu fl-isptar terraqna fuq li terraqna flimkien. Imxejna minn widien mudlama u muntanji. Terraqna sakemm wasalna għall-waqt meta l-bieb tal-eternità kien issa miftuħ beraħ għalih.

Kemm kien ħafnu sew bejn idejh is-salib li kont tajtu biex jakkumpanjah f’dan il-waqt iebes tal-mard! B’liema fidi ħejja għall-waqt meta, ir-Ragħaj it-Tajjeb, kien qed jistennieh biex jilqgħu fil-mergħat ta’ dejjem! Kif qatt nista’ ninsa’ dik it-tgħannieqa kbira li kien tani ftit jiem qabel ħalliena. X’tgħannieqa qawwija kienet dik! U x’tifsir għoli kien fiha! L-għaliex, dan il-bniedem, fis-sempliċità tiegħu, fehem li l-qalb kbira u l-ġentilezza huma ż-żewġ kwalitajiet tal-qalb vera ta’ Kristu. Għax x’jgħidilna Ġesù? Tgħallmu minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu mistrieħ għal ruħkom (Mt 11:29).

Il-mistrieħ ta’ dejjem li fih daħal Joe irrifletta ruħu fil-funeral tiegħu. Anki bla ħajja Joe baqa’ b’dik it-tbissima li qalb mistrieħa fi Kristu biss jista’ jkollha fuq wiċċha. U għalina, li konna miegħu waqt il-mixja tiegħu lejn is-sema u anki fil-funeral tiegħu, il-paċi li ħallielna f’qalbna hu kbir! Ħajjet Joe kienet talba waħda lil Ġesù: Ġesù jiena nafda fik!

Int li kont taf lil Joe aqbad ir-Rużarju u l-Kurunella tal-Ħniena Divina u itlobhom kuljum. Ħobb mur għall-quddiesa. Qerr. Tqarben. Ħalli l-Kelma tal-Mulej tonġrok kif naġret lilu. Tibżax! Fil-mument tiegħek int ukoll għad tidħol fil-ferħ ta’ Sidek. Bħalma daħal hu! U anki int, bħalu, bl-eżempju tiegħek tgħallem lili, l-ewwel wieħed!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s