Il-Ħadd 17 ta’ Ġunju 2018: Illum, wara t-talba tal-Angelus il-Papa Franġisku fakkar illi nhar l-Erbgħa li ġej jaħbat il-Jum Dinji tar-Rifuġjat, imniedi mill-Ġnus Magħquda biex jiġbed l-attenzjoni dwar kif qed jgħejxu, spiss fost ansjetà u tbatijiet kbar, ħutna mġegħelin jaħarbu minn artijiethom minħabba kunflitti u persekuzzjonijiet.
Il-Papa kompla li dis-sena dan il-jum ħabat fi żmien li fih qed isiru konsultazzjonijiet bejn il-gvernijiet biex ikun imniedi ftehim dinji dwar ir-rifuġjati, ħaġa li hemm il-ħsieb li ssir sal-aħħar ta’ dis-sena, u jsir l-istess dwar migrazzjoni aktar żgura, bl-ordni u regolari.
Franġisku awgura li l-Istati involuti f’dal-proċess jaslu fi ftehim sabiex bir-responsabbiltà u l-umanità jiżguraw l-assistenza u l-ħarsien ta’ min hu mġiegħel jitlaq minn pajjiżu. Huwa fakkar ukoll li kull wieħed u waħda minna aħna msejħin biex inkunu qrib ir-rifuġjati, biex flimkien magħhom infittxu mumenti ta’ qrubija, nivvaloriżżaw il-kontribut tagħhom sabiex huma wkoll jaslu jidħlu fil-komunitajiet li jkunu qed jilqgħuhom. Qal li f’dil-laqgħa u bir-rispett reċiproku u l-appoġġ hemm is-soluzzjoni ta’ bosta problemi.
Fl-14 ta’ Jannar li għadda il-Knisja wkoll kien fakkret il-Ġurnata Dinjija tal-Immigrant u r-Refuġjat u dakinhar il-Papa ta messaġġ dwar il-ħtieġa li nilqghu, nipproteġu u nintegraw lill-immigranti u lir-refuġjati.
Ara l-messaġġ tal-Papa Franġisku għal dakinhar … http://www.laikos.org/Fr1_Messagg_Refugjati_2018_15082017.htm