Minn Fr Michael Bugeja

L-Evanġelju tal-Ħadd 17 ta’ Ġunju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 4, 26-34

Il-qamħ huwa parti essenzjali u mportanti mid-dieta tan-nies tal-mediterran. Fi żmien Ġesù kien jintaħan, normalment minn nisa fid-djar stess u jintgħaġen bl-ilma biex jinħema f’ħobż, li nistgħu ngħidu, għadu sa żmienna parti importantissma mill-ikel li nieklu ta’ kuljum.

Il-kelma mustarda ġejja minn żewġ kelmiet mil-Latin li jiddeskrivu l-ewwel riċetta tagħha għall-użu fl-ikel. Il-kelma ‘mustum’ tfisser l-għasir tal-għeneb qabel jibda jiffermenta u l-kelma ‘ardens’ tfisser jaqbad bin-nar, probabilment minħabba t-togħma taħraq tagħha. iż-żeriegħa tal-mustarda kienet tintaħan u titħallat ma dan l-għasir u tintuża biex tagħti togħma qawwija u xi punġenti lil xi laħam mixwi. Minħabba li ż-żerriegħa kienet tiġi mil-Lvant, fil-bidu biex tintaħan u wara biex tinżera’ u tkun ikkultivata, kiene prezzjuża ħafna bħal ħafna ħwawar oħra impurtati minn dawk in-naħat.

Ġesù jqabbel is-Saltna ta’ Alla ma’ żewġ pjanti, għal raġunijiet differenti, li n-nies kienu jafu; kull pjanta għal kwalità partikulari tagħha.

L-ewwel u qabel kollox is-Saltna ta’ Alla hija essenzjali, mingħajrha il-bniedem ma jgħixx. Il-kurjuża hija li minkejja li l-bidwi jitfa’ l-qamħa żerriegħa fil-ħamrija, hi tikber mingħajr hu ma jaf kif, jew mingħajr ma hu jagħmel l-iċken sforz. Hemm qawwa li tkabbar fil-proċess kollu tagħha sakemm issir mill-ġdid żerriegħa li tintaħan biex issir dqiq, u, magħġuna, ssir ħobż. Mhux biss tikber imma ssir ikel. L-għan tas-Saltna ta’ Alla, mhux li tikber iżda li tagħti l-ħajja; jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha, imma jekk tmut u tindifen tagħmel ħafna frott. San Pawl iktar ’il quddiem jistqarr li hu ħawwel, Apollo saqqa, imma huwa Alla li jkabbar. It-toroq tal-Mulej ma jidhrux u ma jingħarfux, huma misterjużi f’għajnejn il-bnedmin u kull ħidma li ġejja minn Alla hija moħbija u mistura mill-agħa tal-bnedmin, iżda l-ħidma tiegħu hija determinata u perseveranti; m’hemmx waqfien u skossi li jiġu mill-għejja jew mill-qtiegħ ta’ qalb.

Is-Saltna ta’ Alla hija prezzjuża u tagħti togħma partikulari lil dak li hu diġa tajjeb. Hija l-komunità li bit-tajjeb kollu tagħha tintaħan biex tagħmel dak li hu tajjeb itjeb; mhix komuni, ma jistax ikollu kullmin irid imma kull min ifaddal għaliha. Hija x-xitla li l-frott tagħha, mħallat mal-inbid, jippriduċi dak li mhux komuni biex l-ikel bnin jieħu benna ikbar.  Barra minn hekk, jgħid Ġesù, ix-xitla nnifisiha, minn żerriegħa tassew ċkejkna, tikber u ssir siġra li tagħti d-dell u l-kenn, u din is-Saltna tagħti l-faraġ u l-kenn lil min jeħtieġu. Kull membru ta’ din is-Saltna, magħqud ma’ oħrajn bħalu, huwa għajn ta’ faraġ u kenn għal kulmin, fil-mixja tal-ħajja fix-xewqa tal-perfezzjoni  jew le, għandu bżonn sens ikbar u isbaħ mat-tajjeb li hemm fih, qed ifittex il-kenn u l-faraġ biex ma jaqtax qalbu huwa u miexi.

Interessanti li kemm il-frott tal-qamħa u kemm il-frott tal-mustarda, irid jintaħan, biex jagħmel xogħlu sewwa, biex jgħajjex u jtejjeb.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s