Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Id-dittaturi jibdew bl-aħbarijiet u l-messaġġi mimlijin kalunnji


It-Tnejn, 18 ta’ Ġunju, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Jekk irridu nkissru xi sitwazzjoni jew xi persuna nibdew inqassu dwarha. Nużaw is-seħer tal-iskandlu li fiha l-komunikazzjoni. Waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku wissiena biex nibqgħu lura milli nwasslu messaġġi mimlijin kalunnji.

 

Il-Papa bena r-riflessjoni fuq l-istorja ta’ Nabot li hemm fl-ewwel qari tal-liturġija, meħud mill-Ewwel Ktieb tas-Salten. Is-Sultan Aħab jixtieq l-għalqa tad-dwieli ta’ Nabot u joffrilu l-flus. Din l-għalqa kienet wirt ġej minn missirijietu u għalhekk Nabot jirrfjuta l-offerta ts-Sultan.

Aħab, bniedem kapriċċuż, jimtela bil-buli, għax ġab ruħu bħat-tfal li ma jieħdux dak li jkunu jridu. Imma fuq parir ta’ martu Ġeżabel, issir akkuża falza fuq Nabot u li jintbagħat għall-mewt biex Aħab ikun jista’ jieħu l-għalqa f’idejh. Għalhekk Nabot, osserva Franġisku, huwa martri tal-fedeltà lejn il-wirt li kien irċieva minn missirijietu, wirt li jmur ‘l hinn mill-għalqa għax wirt li jmiss il-qalb.

Franġisku qabbel l-istorja ta’ Nabot ma’ dik ta’ Ġesù, ta’ San Stiefnu u tal-martri kollha li ġew ikkundannati fuq akkużi li ma kinux ħlief kalunnji. Imma dan hu metodu użat minn tant nies u tant kapijiet ta’ Stati u gvernijiet. Jibdew b’gidba u wara li jkunu kissru persuna, sitwazzjoni, b’dik il-kalunnja, jibdew jiġġudikaw u jikkundannaw.

Illum ukoll, f’ħafna pajjiżi, jintuża l-istess metodu: il-qerda tal-komunikazzjoni ħielsa. Naħsbu per, eżempju, fil-liġijiet tal-medja, tal-komunikazzjoni. Il-liġi titneħħa u d-dritt tal-komunikazzjoni jingħata biss lil xi organiżżazzjoni jew oħra li ma tagħmilx ħlief taqla’ l-kalunnji, tgħid il-falz, iddgħajjef il-ħajja demokratika.

Imbagħad meta l-ġudikanti jiġu biex jiġġudikaw dawn l-istituzzjonijiet imdgħajfin, dawn il-persuni distrutti, jikkundannaw, u b’hekk tibqa’ miexja d-dittatura. Id-dittatorjati kollha hekk bdew jiffalsifikaw il-komunikazzjoni billi jħalluha f’idejn nies bla skruplu, f’idejn gvernijiet bla skruplu.

L-istess fil-ħajja ta’ kuljum, insista l-Papa Franġisku: jekk trid tkisser persuna, tibda bil-komunikazzjoni: tqassas, tikkalunnja, toħloq l-iskandli. Dan hu fatt li jiġbed lejh ħafna nies, isaħħar lil ħafna. L-aħbarijiet tajbin ma jsaħħrukx…… imma l-iskandli…..! B’hekk il-kelma tiġri u dik il-persuna, dik l-istituzzjoni, dak il-pajjiż, jispiċċaw fl-irvina għax ma jistgħux jiddefendu ruħhom.

Is-seduzzjoni tal-iskandlu tqiegħed lill-vittma f’rokna, tolqtlu, bħalma ġara lil Nabot li kull ma ried kien li jibqa’ fidil lejn il-wirt li kellu, ma riedx ibiegħu. Hi ta’ eżempju f’das-sens l-istorja ta’ San Stiefnu li jagħmel diskorsi twal biex jiddefendi ruħu, imma dawk li kienu qed jakkużawh, ippreferew iħaġġruh milli jisimgħu l-verità. Dan hu d-dramm tal-kilba umana, qal il-Papa. Tant u tant persuni jitkissru minħabba komunikazzjoni qerrieda.

Jekk niftakru ftit fil-persekuzzjonijiet tas-seklu li għadda, dik tal-Lhud, per eżempju, niftakru li bdiet minn qlajja ta’ kalunnja kontra dal-ġens, li mbagħad spiċċa f’Auschwitz għax ma kienx ħaqqu jibqa’ jgħejx! Huwa terribbli, imma dan għadu jiġri llum ukoll: fis-soċjetajiet żgħar, fil-persuni u f’tant pajjiżi. L-ewwel pass hu li tinħakem il-komunikazzjoni, u mbagħad issir id-distruzzjoni, il-ġudizzju, u l-mewt.

L-Appostlu Ġakbu, fl-ewwel qari, jitkellem propju dwar il-ħila qerrieda tal-komunikazzjoni kattiva, osserva Franġisku li ħeġġiġna biex nerġgħu naqraw l-istorja ta’ Nabot li tinsab fil-kapitlu 21 tal-ewwel Ktieb tas-Slaten u naħsbu ftit fil-ħafna persuni, pajjiżi, distrutti; f’tant dittaturi “bl-ingwanti bojod” li kissru pajjiżi sħaħ.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s