Minn Fr Mario Attard OFM Cap

Il-kannol


Niftakar li kien jum mill-isbaħ. Avolja x-xitwa kienet, tista’ tgħid, bieb u għatba magħna. Imma dik il-ġurnata kienet mill-isbaħ. Wara jum xogħol l-isptar, mingħajr waqfien, naħseb li kien ħaqqni ftit tal-mistrieħ. U mistrieħ kif għandha bżonn is-sitwazzjoni preżenti ta’ saħħti.

U, dejjem bir-rispett, bl-imħabba u bil-verità ta’ Ġesù Kristu li ma jista’ imerieha l-ebda tribunal jew kattedra, mhux kif joħlomha u ijfattarha ħaddieħor. Dejjem jekk irrid li nibqa’ b’saħħti biex nissokta naqdi bil-ferħ u bil-ġenerożità kbira li tagħtini int, lilek Ġesù, fl-għeżież morda tagħna. Intom għeżież ħuti, Maltin u Għawdxin! Insomma u fi ftit kliem, ta’ veru Patri Kapuċċin kif tixhed l-istorja tagħna. Intant…

Għadda għalija l-anġlu. L-għaliex, meta jkollok tassew ħabib, dan żgur li se tagħrfu fil-bżonn li tkun fih. Jien, aktar ma’ niffaċċja tbatija, l-aktar dik li jitfa’ fuqi ħaddieħor, aktar il-Mulej jkun fidil miegħi. Aktar jieħu ħsiebi! Bilfors ħi! Jekk hu l-Verità u jaf kollox? Niftakar li f’dik il-għodwa aqta’ kemm kien hemm traffiku! Imma, u ħaġa tal-għaġeb, u bil-qawwa dejjem tal-Mulej, tassew li sibna post fejn nipparkjaw. U x’post kien li sibna? Eżatt taħt ħalq il-kafetterija. Ara l-Mulej kif jaħdem eh! AMEN ĠESÙ!

Xi ġmiel! X’arja friska kien hemm madwarna! X’sema mill-isbaħ kien qiegħed isaltan fuqna! Xi bnazzi! Kullimkien imżejjen! L-għaliex, sewwasew ftit ġimgħat wara, kellu jkun il-Milied. Inżilna. U bdejna nimxu fuq il-bankina. Qsamna l-lights u, wara li mxejna xi ftit metri, dħalna fil-kafetterija. X’ma tittaxxaqx tidħol fiha din il-kafetterija! Kollha imżejna għall-Milied! U dawk il-kejkijiet, bnini bnini, lesti biex jinbiegħu! Naħseb li kieku kelli, f’dak il-ħin, iċ-checkbook, aqta’ kemm kont nordna kejkiet! U addijo prezzijiet tafux! Imma bqajt b’xiber imnieħer ħuti! L-għaliex nini nini checkbook! Jiena ħadt il-vot tal-faqar. U allura ġejt allerġiku għaċ-checkbook. Madankollu anki taċ-checkbook jistgħu jitilgħu fil-glorja tal-ġenna tafux! U, abbli, se jitilgħu ħafna aktar minni! Għalhekk, jekk int wieħed minn taċ-checkbook, meta tmur ħdejn il-Mulej napprezza jekk ittellagħni mill-kurdun. Hemm aqta’ kemm neħfief mill-piż! Hekk, fil-ġenna, imqar noqgħod ħdejn subgħajk iż-żgħir. Tibżax! Inkun kuntent xorta waħda tafx! L-aqwa li nkun fiż-żiffa friska eterna u mhux fis-sħana tal-qerda tan-nar li ma jintefiex! Intant …

Ħbieb! Jien, mill-Isptar, il-Mulej jgħallimni kontinwament li l-ħajja hija sabiħa! Hija rigal! Mela l-għaliex din il-kattiverja, jew, ala Maltija, din il-klubija u ħdura ma’ xulxin? Liema klubija u ħdura ġieli jkollha magħha riħa ta’ fwieħa, sigaretti, sigarri, jew, allaħares qatt, imma ssir ukoll u spissa ħafna, riħa ta’ inċens? Le ħbieb jaħasra! Bniedem ħenn għalih! Ifhmu! U anki jekk ma jaħsibihiex bħalek ħallieh jgħix fil-paċi! U, jekk jaħdem u jgħix miegħek, itlob għalih! Għaliha! Imma tagħmillux ħajtu infern! Għax tiegħu jkollok tagħti kont la tagħlaq għajnejk! Quddiem il-Mulej! U mbagħad ħadt ma jaqbeż għalik. Lanqas dawk tal-klikka tiegħek! Ħallih! Ħallieha! Abbli int hu jew hi se jtellgħuk il-ġenna u mhux b’min għamilt alla tiegħek! U ħa ngħidhielek għax lili tiġrili: daqskemm iħobbok hu jew hi li ma jaqblux miegħek u jgħixu differenti kif tridhom int ma jħobbok ħadd! Iż-żmien għad jurik sieħbi! Intant …

Sibna post għall-kwiet. Ordnajna likwidu bħali, jiġifieri capuccino, u kannol. X’ħin il-waiter ġie quddiemna rajna tabilħaqq spettaklu tal-ġenn! Dak il-capuccino, ħelu ħelu, u pjuttost ċkejken, (almenu f’għajnejja) flimkien mal-kannol. Imraxxax bit-trab abjad. Għadni mbellaħ s’issa bil-bjuda li tgħaxxqek ta’ dik l-irkotta. Id-dehra tiegħu tabilħaqq ħajrittni. U ħajrittni bil-bosta! Għalhekk, f’ħakka t’għajn, ħriġna l-mobile u ġbidnielhom żewġ ritratti!

Imma, jiena u l-ħabib tiegħi, inzertajna Insara. Jiġifieri li t-tnejn nemmnu fil-barka tal-Mulej! Għalhekk, wara li għedna t-talba, tutti all’attacco! Jien ftaħt biċċa ta’ ħalq daqshiex! X’tagħmel ħi quddiem kannol bħal dak! Abjad abjad tal-irkotta? Ħadt l-ewwel gidma. Xi tjubija! Xi freskezza! “Ikolli ngħid dan ħadmuh siegħa ilu”, qalli l-ħabib tiegħi. U veru! L-għaliex, ftit wara, bdejt intiegħem id-deheb, id-djamanti u ż-żaffiri! Għax dak li kelli f’ħalqi! U issa, mhux biex nilgħabha tal-kolt tafux, ma stajtx quddiem dik il-benna kollha ma ntennix bl-Ilsien Taljan il-frażi tal-ħolm: squisito! Ahh! Għall-erwieħ!

Iżda l-kbir kien għadu ġej. Fettilli ndaħħal idejja fil-but taċ-ċoqqa Kapuċċina tiegħi. U x’sibt? Framment. Li kien jgħid bil-Malti mħabbtin, umli, ħelu! Kos hux! Ara kif kellimni l-Mulej! Aktar kemm kienu qed iħabbtuni aktar il-Mulej kien umli u ħelu miegħi. Eżatt bħalma kien dak il-kannol frisk!

Tibżax ħija u oħti meta jħabbtuk! La quddiem il-Mulej tkun fis-sewwa l-umiltà u l-ħlewwa tiegħu tgħaxxik! Bħalma għaxxietni dik it-tjubija tal-kannol f’dik l-għodwa! Imħarsa fl-imħabba sinċiera ta’ veru ħ/Ħabib!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s