Minn Angelo Xuereb

San Ġwann Battista – L-Għammiedi


Forsi jidher titlu li ma jagħmilx sens. Iżda l-kelma “Battista” tfisser dak li jgħammed. 

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Il-magħmudija ta’ Ġwanni

Meta nsemmu l-ħajja ta’ San Ġwann il-Battista ma nistgħux ma nsemmux li huwa kien jgħammed. L-Evanġelju ta’ San Mark jgħidilna: “Deher Ġwanni jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija tal-indiema għall-maħfra tad-dnubiet. U kienu jmorru lejh il-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm u jitgħammdu minnu fix-xmara Ġurdan u jistqarru ħtijiethom” (Mark 1, 4-5).

Il-magħmudija tal-Battista ma kinitx sagrament li jaħfer id-dnubiet. Iżda kienet tħejjija  għall-magħmudija ta’ Kristu li tagħti l-grazzja tal-Ispirtu s-Santu. Fost dawk li marru jitgħammdu minn idejn Ġwanni l-Battista nsibu lil Ġesù nnifsu. Huwa tgħammed mhux għax kellu bżonn, imma biex jitbaxxa u jidher bħall-bnedmin l-oħra, u biex iqanqal bl-eżempju tiegħu lill-oħrajn sabiex jagħmlu bħalu, filwaqt li jqaddes l-ilma tal-Ġurdan. B’hekk kien qiegħed iħejji t-triq għall-magħmudija l-ġdida li hija sagrament.

Iżda, għalkemm din il-magħmudija ma kinitx sagrament, Ġwanni l-Battista xorta waħda kien jeħodha bis-serjetà. Ma kienx kuntent li jgħammed biss: iżda, fl-istess ħin, kien jgħallem il-bidla tal-qalb. Niflu ftit il-kontenut ta’ dak li kien jgħallem. Lill-Farisin u lis-Saduċej widdibhom ċar u tond li mhux biżżejjed joqogħdu jgħidu li huma minn nisel ta’ Abraham biex jidħlu fis-saltna ta’ Alla, iżda li jbiddlu ħajjithom u jagħmlu opri tajba. Kien iħeġġiġhom għall-fidi ħajja li tagħmel il-frott.

 

Konverżjoni totali

Meta l-ġmiegħi staqsewh x’għandhom jagħmlu, weġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi jagħti waħda lil min ma għandux; u min għandu l-ikel jagħmel hekk ukoll” (Lq 3, 11). Lil dawk li kienu jiġbru t-taxxi qalilhom biex ma jiħdux aktar minn dak li kien dovut lilhom, u lis-suldati ħeġġiġhom biex la jaħqru lil ħadd u lanqas jigdbu fuq ħadd u l-paga tagħhom għandha tkun biżżejjed għalihom.

San Ġwann il-Battista kien konxju li huwa qiegħed iħejji t-triq għall-Messija. Infatti stqarr: “Jien ngħammidkom bl-ilma; imma jiġi min hu aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qafla tal-qorq tiegħu; hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar” (Lq 3, 16).

 

Il-magħmudija ta’ Kristu hija sagrament

Sidna Ġesù Kristu għamel il-magħmudija bħala wieħed mis-seba’ sagramenti. Il-magħmudija ta’ Ġesù tagħti l-grazzja minnha nfisha u tħalli karattru; jiġifieri l-magħmudija tiġi amministrata darba biss, avolja n-nisrani jkun għamel ħafna dnubiet u forsi anki tbiegħed mill-fidi. Ta’ min isemmi li s-sagramenti li jħallu karattru, jiġifieri li jsiru darba biss, huma: il-Magħmudija, il-Griżma ta’ l-Isqof u l-Ordni Sagri.

Ikun żball jekk naħsbu li l-magħmudija rċevejnieha meta konna għadna trabi u issa ma għandniex x’naqsmu magħha. Il-magħmudija hija sejħa għall-ħajja verament nisranija. U b’hekk il-messaġġ tal-Battista huwa attwali għalina l-insara biex ngħixu verament il-vokazzjoni nisranija. Għandna nbiddlu ħajjitna kif nistgħu, nagħmlu karità mal-proxxmu u nikkuntentaw ruħna b’dak li għandna.

Il-Battista jurina t-triq li għandna nkunu nsara mħeġġa. Kif lill-Farisin u lis-Sadduċej wissiehom biex ma joqogħdux jserrħu rashom li huma ġejjin minn nisel ta’ Abraham, hekk ukoll nistħajlu lill-Battista jwissi lilna. Għalkemm għandna nkunu ferħana li aħna nsara, ma għandniex ngħixu ħajja medjokri, iżda waħda mħeġġa, li tixbah lil siġra li tagħmel ħafna frott.

Is-sentenza qawwija ta’ Ġwanni l-Battista, “Mela kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb, tinqata’ u tintefa’ fin-nar” (Lq 3, 9), għandha tkun ta’ stimulu kbir għalina biex ngħixu bis-serjetà l-magħmudija tagħna.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s