Lectio Divina

Twelid ta’ San Ġwann Battista. Sena “B”


Vanġelu (Lq 1, 57-66, 80): Il-21 ta’ Ġunju ikollna l-itwal ġurnata. Mill-għada ‘l quddiem, il-jum jibda jiqsar. Aktarx intagħżlet l-24 bħala l-festa ta’ Ġwanni, għax kif feġġ Kristu fix-xena, qal lid-dixxipli tiegħu: “Jiħtieġ li jien niċkien biex jikber Hu.” 

  1. Żakkarija u Eliżabetta kienu joqogħdu f’Għajn Karim, belt li tinsab fuq għolja. Minn hawn wieħed jista’ jara Ġerusalem. Viċin, wieħed isib “il-funtana ta’ Marija” fejn hu maħsub li Eliżabetta laqgħet lil Marija meta ġiet iżżurha. Il-qima lejn il-Madonna l-aktar li bdiet tinfirex kien fil-ħames seklu.   Fir-raba’ seklu il-qima lejn Ġwanni kienet qabdet sew, tant li eluf bdew jgħixu fid-deżert bħalu, għax ħaduh bħala mudell għal ħajjithom. Illum diffiċli ssib Knisja bla ebda immaġini tiegħu. Anki l-isem Ġwanni dejjem kien popolari, u għadu sal-lum.
  2. L-ewwel li jolqotna fis-silta tal-lum hu l-fatt li t-twelid ta’ Ġwanni ma kienx normali għax Eliżabetta ma setax ikollha tfal. Kien hemm bżonn intervent min-naħa t’Alla. Din ġrat drabi oħra qabel, fejn il-koppja tkun deskritta bħala anzjana u qatt ma kellhom tfal, e.g. fil-każ ta’ Sansun, Samwel. Dan kien jiġri biex Alla juri li dil-persuna hija rigal speċjali li se jkollha missjoni partikulari x’taqdi.
  3. It-tieni jirrigwarda l-isem. Il-qraba riedu li jsemmuh Żakkarija għal missieru. Dan suppost li sar fit-twelid. Id-drawwa propjament kienet li tifel  isemmuh għal nannuh.  Luqa jgħaqqad l-għoti tal-isem maċ-ċirkonċiżżjoni biex jagħmel il-punt li l-isem “Żakkarija” ma kienx adattat għal din it-tarbija. Biċ-ċirkonċiżżjoni ġimgħa wara t-twelid, tarbija kienet issir parti mill-poplu Lhudi u eredi tal-wegħdiet kollha tal-patt li Alla għamel mal-poplu magħżul tiegħu. “Żakkarija” jfisser “ftakar”, i.e. il-Mulej jiftakar il-wegħdiet tiegħu u dejjem jibqa’ fidil mal-poplu tiegħu. Dan l-isem kien jiġġedded minn nisel għal nisel. Imma issa Alla qed jgħid: “Wasal il-waqt li ma nkomplux niftakru biss f’dawn il-wegħdiet u l-profeziji, għax dawn issa waslu biex jitwettqu. Għalhekk, Żakkarija, mnebbaħ minn Gabriel, jinsisti li jsemmi t-tarbija  Ġwanni. “Joħanann” ifisser li Alla wera t-tjubija u l-ġenerożita’ tiegħu. Żakkarija jfaħħar lil Alla għax “ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu, u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni… bħalma wiegħed fl-imgħoddi b’fomm il-profeti …u jiftakar fil-patt qaddis u l-ħalfa li għamel lill Abraham. U int tfajjel … tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu … li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa, u jdawwal lil min jinsab fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt.” Il-ġirien qabadhom il-biża’ u bdew ixandru dawn il-ġrajjiet mal-għoljiet kollha tal-Lhudija. U kull min jismagħhom kien jgħid: “Mela x’għad ikun dan it-tifel?”
  4. “U tassew, id il-Mulej kienet miegħu….kiber u ssaħħaħ f’ruħu, u baqa’ jgħix fid-deżert sa dak in-nhar li ħareġ quddiem Israel.” Jingħad li meta beda jikber, Ġwanni ħalla l-inħawi sbieħ ta’ Għajn Karim u għex l-adoloxxenza tiegħu mal-patrijiet ta’ Kumran. Hawn qagħad jipprepara ruħu għall-missjoni tiegħu billi jikkuntempla r-rikkezzi spiritwali li l-poplu Lhudi akkumula matul iż-żmien. Għaliex Ġwanni kien imnebbaħ biex jagħmel din il-preparazzjoni? Għax id-deżert jedukak f’dak li hu neċessarju u jiddistakkak mill-ġid u t-tlellix tad-dinja. Meta timxi fid-deżert, il-passi li tkun għamilt ma jagħmlekx sid tal-art li tkun irfist. Għalhekk xejn ma jżommok milli tkompli miexi fi triqtek. Mhux hekk jiġri lil min jitfa’ l-ankri x’imkien, u tant jintrabat ma’dan il-post, li jaħseb li se jibqa’jgħix fih għal dejjem.  Dan ma jfissirx li ma jkollokx dar fejn toqgħod u flus biex tgħix.  Imma llum imħeġġin nagħmlu l-esperjenza ta’ Ġwanni u nikkuntemplaw l-ispirtwalita ta’ dak li hu verament essenzjali, fil-waqt li nżommu quddiem għajnejna l-moderazzjoni f’kollox u li l-ġid li għandna hu biss temporanju.  Per eżempju, il-ħwejjeġ bil-fors iridu jkunu tad-ditta u għalhekk għaljin? Nixtru ikel bl-addoċċ biex imbagħad narmu nofsu? Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel., u jiekol dak li kien joffri d-deżert.  Min jagħmel l-esperjenza tal-Battista se jagħmel f’ħajtu għażliet essenzjali u jevita l-ħela. B’hekk ħajtu tagħmel aktar sens  u tkun aktar awtentika.
  5. Ġesu aktar tard se jfaħħar lil Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? (i) Qasba tixxejjer mar-riħ, i.e. pinnur li jdur ma’ kull moda ġdida? (ii) Raġel liebes drapp fin?  Min jilbes hekk jgħix f’palazz; (iii) Profeta? Iva, aktar minn profeta. Fost ulied in-nisa, ħadd ma qam akbar minn Ġwanni.”
  6. Barra dal-mod ta’ ħajja, hemm ukoll il-kuraġġ ta’ Ġwanni. Quddiem il-kbarat, iddefenda l-verita’ akkost ta’ ħajtu. Jekk aħna rridu nilqgħu tassew lil Ġesu f’ħajjitna, ma nistgħux noqogħdu nilagħbu bid-diskors fuq il-verita’, għax il-verita’ hija waħda u m’għandux ikun hemm kompromessi.  g. l-abort hu qtil – m’hemmx imma, kieku jew forsi. Għalhekk is-soċjeta’ tal-lum qed titbiegħed minn Alla.  Aħna jiħtieġ immorru lura għal dak li  verament jagħti sens lil ħajjitna.  Ma nħallux il-medja soċjali tant toħdilna ħin li ma tħallilniex żmien fejn nieqfu ftit biex nirriflettu u nitolbu.
  7. In fatti, aspett ieħor tad-deżert hu s-silnezju. Hawn min jibża’ mis-silenzju u għalhekk iżomm it-TV, radju, headphones u mobile il-ħin kollu sejrin. Dan għaliex li fis-silenzju biss  wieħed jista’ jisma’ l-vuċi t’Alla,  jista’ jsaqsi domandi l-iktar serji u utli  għall-ħajja u jidħol daħla fih innifsu.
  8. “U baqa’ jgħix sa dak in-nhar li ħareġ quddiem Israel.” F’Kap 3, Luqa jikteb: “Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari …. fiż-żmien meta l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir kien f’idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija fid-deżert.”

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s