Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

In-nisrani jitlob għall-għadu tiegħu u jħobbu


It-Tlieta 19 ta’ Ġunju, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal min jippersegwitakom: dan hu l-misteru li għandhom iħaddnu l-insara biex ikunu perfetti bħall-Missier. Dan affermah il-Papa Franġisku fl-omelija tal-lum it-Tlieta 19 ta’ Ġunju, dwar is-silta tal-Vanġelu meħudha minn San Mattew.

 

Il-maħfra, it-talb, l-imħabba lejn min irid ifarrakna, lejn l-għadu tagħna: il-kelma ta’ Ġesù biss tista’ tasal għal dan. Il-Papa Franġisku kkowta l-vers 43 tal-Vanġelu tal-lum u ammetta li hu diffiċli umanament li nimxu fuq il-mudell tal-Missier ċelesti li mħabbtu hi universali. Għalhekk il-Qdusija Tiegħu reġa’ tefgħalna din l-isfida li għandu n-nisrani, jiġifieri li jitlob lill-Mulej il-grazzja biex jagħraf ibierek lill-għadu tiegħu u jħobbu. Nitolbu għall-għadu tagħna minkejja li hu diffiċli, imma xorta waħda nagħmlu dan fit-talba li għallimna Ġesù.

Imma hu verament diffiċli li nitlob għal min irid jipprova jfarrakni, li nitlob lil Alla jbierek lill-għadu tiegħi. Jekk niftakru fis-seklu li għadda f’dawk il-povri nsara li kienu jintbagħtu s-Siberja biex imutu bil-kesħa, dawn kellhom jitolbu għall-gvern bojja li kien jibgħathom hemmhekk? Madnakollu nafu li bosta minnhom hekk għamlu, talbu.

Niftakru f’Auschwitz u l-kampijiet ta’ konċentrament l-oħrajn: in-nies li kien hemm fihom kellhom jitolbu għal dad-dittatur li ried ir-razza pura u kien joqtol mingħajr skruplu, u l-priġunieri kellhom jitolbu biex ibierek lil dal-bniedem? Madankollu ħafna minnhom hekk għamlu.

Din hi l-loġika diffiċli ta’ Ġesù li, fil-Vanġelu nsibuha miġbura fit-talba u fil-ġustifikazzjoni ta’ dawk li kienu qed joqtluh fuq is-Salib: aħfrilhom, Mulej, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu. Ġesù jitlob maħfraa għalihom kif jagħmel ukoll San Stiefnu fil-ħin tal-martirju tiegħu.

Iżda x’baħar jaqsam hemm bejnietna meta ħafna drabi ma naħfrux l-anqas l-iċken affarijiet. Imma dan hu dak li jitlob minna l-Mulej li tana l-eżempju tiegħu: naħfru lil dawk li jridu jkissruna, jeqriduna. Fil-familji huwa diffiċli ħafna kultant, li l-miżżewġin jaħfru lil xulxin wara xi argument, jew inkella jaħfru lill-kunjata.. mhux faċli. L-iben jitlob maħfra lill-missieru.. diffiċli. Imma li taħfer lil min qed joħodlok ħajtek..mhux biss taħfer imma titlob għalih, titlob lil Alla biex iħarsu! Aktar minn hekk tħobbu wkoll. Hija biss il-kelma ta’ Ġesù li tfissrilna dan. Jien ma jirnexxilix nasal akatr minn hekk, ammetta Franġisku.

Allura din hi grazzja li għandna nitolbuha, afferma l-Papa, li nifhmu xi ħaġa minn dal-misteru nisrani sabiex inkunu perfetti bħall-Missier, li jagħti l-ġid kemm lit-tajbin u wkoll lill-ħżiena.

Ikun tajjeb jekk illum naħsbu f’xi għadu tagħna – nifhem li lkoll kemm aħna għandna xi wieħed – xi ħadd li għamlilna d-deni jew qed ifittex li jagħmlilna l-ħsara. It-talba tal-mafjużi hi: din tpattiha. It-talba tan-nisrani hi: Mulej, bierku u għallimni nħobbu.

Naħsbu f’xi għadu tagħna, ilkoll għandna xi għadu, tenna l-Papa, nitolbu għalih u nitolbu lill-Mulej itina l-grazzja li nsiru nħobbuh.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s