Il-Papa f’Ġinevra: Il-veru ekumeniżmu jpoġġi lil Kristu qabel id-differenzi.

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis 21 ta’ Ġunju 2018: Illum l-ewwel jum tas-sajf, il-Papa Franġisku wasal f’Ġinevra għall-ħin tal-għaxra ta’ dalgħodu biex jieħu sehem f’laqgħat ekumeniċi fl-okkażjoni tas-70 anniversarju minn mindu twaqqaf il-Kunsill Dinji tal-Knejjes li għandu l-kwartieri ġenerali tiegħu propju f’dil-belt Svizzera. Din hi t-tielet żjara minn Papa wara dawk tal-Beatu Pawlu VI u San Ġwanni Pawlu II.

Wara l-vjaġġ f’Lund fl-2016, din kienet okkażjoni internazzjonali importanti oħra ta’ djalogu u laqgħa ekumenika tal-għola livell.

Ħdejn it-taraġ tal-ajruplan kien hemm jistennih il-President tal-Konfederazzjoni Svizzera Alain Berset u żewġ eks-gwardji Svizzeri. Xi tfal offrew bukketti tal-fjuri lill-Papa u wara li sellem lid-delegazzjonijiet kellu laqgħa privata mal-President Berset.

Kif jiġri regolarment f’dawn il-laqgħat, iż-żewġ personalijtajiet taw rigali lil xulxin. Il-President Berset irregala lill-Papa stampa bix-xbieha tal-ewwel kmandant tal-Gwardji Svizzeri, Kaspar von Silenen. Ix-xena turi lill-Papa dieħel fil-Belt ta’ Ruma f’Marzu tal-1507 wara r-rebħa fuq Giovanni Bentivoglio, meta l-papat kien reġa’ rebaħ il-belt ta’ Bologna.

Mill-ajruport, Franġisku mar fiċ-ċentru Ekumeniku ta’ Ġinevra, li huwa s-sede tal-Kunsill Dinji tal-Knejjes, l-organiżżazzjoni prinċipali li tmexxi d-djalogu bejn il-Knejjes Kristjani tad-dinja. Hemmhekk saret it-talba ekumenika, l-ewwel wieħed fost l-appuntamenti li kellu.

Wara saret il-laqgħa ekumenika u mbagħad il-Papa qaddes quddiem folla ta’ madwar 40,000 ruħ fil-festa tal-Qaddis Ġiżwita San Luiġi Gonzaga.

Wara l-quddiesa kellu xi laqgħat oħra fosthom ma’ delegazzjoni mill-Korea.

Bħalma jagħmel kull Papa, x’ħin kien se jitlaq mill-Italja, Franġsiku bagħat telegramm lill-President tal-Italja, Sergio Mattarella. Fit-telegramm mibgħut minn fuq l-ajruplan, Franġisku kiteb: sejjer niltaqa’ mal-komunità kattolika u speċjlament biex insaħħaħ id-djalogu mal-Knejjes l-oħra. Nawgura ġid spiritwali, ċivili u soċjali lill-poplu Taljan.

Id-devozzjoni tal-Papa lejn Marija hi magħrufa. Infatti, qabel ma telaq minn Ruma, Franġisku mar fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore biex jinġabar fit-talb quddiem ix-xbieha tal-Madonna “Salus Populi Romani”, wara li l-bieraħ waqt l-udjenza ġenerali stedinna nitolbu għas-suċċess ta’ dal-vjaġġ ekumeniku.

Rapport mill-Kamra tal-Ahbarijiet ta’ Radju Marija

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading