Minn Fr Mario Attard OFM Cap

Barka ta’ qawwa kbira


Dan l-aħħar smajt konferenza li għamlitli ħemel ġid. Fil-fatt, din il-konferenza ġagħlittni nifhem il-qawwa tal-barka tas-saċerdot. Kemm hi ħaġa kbira meta aħna s-saċerdoti inberrkukhom! U kemm għandna bżonn inberrkukom! L-għaliex, l-ewwel u qabel kollox, l-aktar li għandna bżonn li nitbierku huwa aħna stess!


It-test mill-Ktieb tal-Apokalissi, li smajt f’din il-konferenza, fetaħli orizzonti kbar. Orizzonti li qatt, qatt u qatt ma kont ħlomt bihom qabel! Ħalli issa nisimgħu dan it-test mill-isbaħ u li jitħaddet fuq id-dehra quddiem it-Tron tal-Ħaruf, il-vera rejaltà li tibqa’ għal dejjem.

Mbagħad ħarist, u minn madwar it-tron u l-Ħlejjaq Ħajjin u x-Xjuħ smajt leħen ta’ ħafna anġli, li l-għadd tagħhom kien għaxriet ta’ eluf, u eluf ta’ eluf, jgħidu b’leħen qawwi:”Jistħoqqlu l-Ħaruf li kien maqtul li jirċievi l-qawwa u l-għana u l-għerf u s-saħħa u l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir” (Apk 5:11-12).

Din il-viżjoni li ra Ġwanni, fis-Saltna ta’ dejjem, hija waħda mistika. Il-leħen ta’ għadd li ma jistax jingħad ta’ anġli qiegħed ifaħħar lill-Ħaruf, li hu Ġesù, li bata, miet u qam minn bejn l-imwiet, b’dawn is-seba kwalitajiet: il-qawwa, il-għana, l-għerf, is-saħħa, il-ġieħ, il-glorja u t-tifħir. Xi jfissru dawn is-seba’ kwalitajiet? L-għaliex huma proprju dawn il-kwalitajiet li jissemmew u mhux oħrajn? Ikun għaqli jekk narawhom ftit ħa napprezzaw din il-kuruna ta’ splendur mogħtija lil Ġesù f’dan it-tifħir mill-anġli.

L-ewwel kwalità f’din l-essenza ta’ divinità hi l-qawwa δυναμιν, (dunamin). Il-qawwa hija attribut ta’ awtorità suprema, assoluta u essenzjali (Rum 1:20; 1 Tim 6:16). Hija qawwa (Mt 28:18,) fuq l-art fuq il-bnedmin (Ġw 17:2, Salm 110:1-7; fuq ix-xitan (Lhud 2:14); fis-sema fuq l-anġli (Kol 1:16; 1 Pt 3:22), lilu, il-kap tal-prinċipati u l-qawwiet. Lilu l-anġli kollha jfaħħru. It-tieni kwalità, hi l-għana πλουτον, (plouton). L-għejjun mimlija biex jagħtu u jagħnu b’kull ġid spiritwali u materjali (Salm 24:1; Rum 12:33).

It-tielet kwalità l-għerf σοπιαν, (sophian). L-attribut u t-titlu ta’ dak li minnu jiġi l-għerf (Prov 3:19; 8:22-23). Ġesù Kristu hu l-għerf ta’ Alla ippersonifikat, minn dejjem, qabel kull żmien, li hu l-Kelma li biha l-Missier wettaq l-għanijiet kollha tiegħu li joħloq, imexxi, iżomm, jiġġudika u jsalva. Kull għerf hu mogħti lilu (Kol 2:3). Ġob staqsa: Imma l-għerf minn fejn jiġi? (Ġob 28:12). B’dan kien qiegħed jirreferi għall-għerf sublimi, li jeżiżti biss fil-preċetti tal-Mulej, li huma lil hinn minni u minnek. L-eċċellenza tal-għerf u l-prudenza huma marbuta u iċċentrati fih, li kien minn dejjem l-għerf ta’ Alla. It-tmien kapitlu tal-ktieb tal-Proverbji hu diskors twil u profond dwar l-għerf divin ippersonifikat f’Ġesù Kristu. Ir-raba’ kwalità s-saħħa ισχυν, (ischun). Is-saħħa hi kwalità integrali li tmiss lill-Mulej. Is-saħħa hi kwalità essenzjali li toħroġ minnu u li biha jmexxi kollox. Is-saħħa hi maqgħuda mal-omnipotenza u l-majestà (Salm 93:1) tiegħu. Il-Ħaruf tal-Apokalissi jistħoqqlu jirċievi l-adurazzjoni f’dawn l-attributi. Il-ħames kwalità l-ġieħ τιμην, (timēn). Il-ġieħ ifisser l-integrità ta’ Esseri li jixraqlu l-adurazzjoni. Hu esseri Divin, imlibbes bil-ġieħ bħala parti mill-Esseri tiegħu. Il-ġieħ ġej mill-onestà assoluta tal-Mulej.

Is-sitt kwalità hi l-glorja δοχαν, (doxan). Ġesù hu d-dija tal-glorja tal-Mulej (Lhud 1:3). Il-glorja hi l-perfezzjoni assoluta fil-qdusija. Il-Mulej hu s-“Sultan tal-Glorja” (Salm 24:80). Kristu hu msejjaħ “il-Mulej tal-Glorja” (Ġak 2:1) u “t-tama tal-glorja” (Kol 1:27). Kristu għandu l-glorja ta’ Alla (ara Ġw 17:5). Fl-Ittri kollha tal-Appostli l-glorja hi attribwita lil Ġesù (ara Rum 16:27; 1 Tim 1:17; Fil 4:20). Anki f’Apk 5:11-12 għandna l-innu tal-kor tal-anġli. L-għana tiegħu tagħtih il-ġieħ u l-glorja kollha. L-aħħar kwalità hi t-tifħir ευλογιαν, (eulogian). Il-bnedmin ifaħħru lill-Mulej billi jagħtuh it-tifħir. U l-Mulej ibierek lill-bnedmin permezz tal-barkiet spiritwali u temporali tiegħu. F’Apk 5:11-12 l-anġli qiegħdin ifaħħru, jaduraw u jbierku lill-Ħaruf, li hu waħdu għandu l-ħila jiftaħ il-ktieb u jara x’fih (Apk 5:3). Tifħir l-anġli, li kien ġej b’leħen qawwi (Apk 5:12), ifakkarna f’dak li tgħidilna Rumani 9:5: Kristu, li hu fuq kollox, Alla mbierek għal dejjem ta’ dejjem. Amen!

X’barka speċjali u qawwija hi din l-eptadi (seba’ kwalitajiet) ta’ tifħir għalik u għalija!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s