Messaġġ dwar il-valur tal-ħajja mill-Isqof Mario Grech fit-Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf, f’Ta’ Pinu

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt 23 ta’ Ġunju 2018: Messaġġ sabiħ dwar il-valur tal-ħajja li ta l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fiċ-Ċelebrazzjoni tat-Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/462529068″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

35949072_929684743877275_8395759313821368320_n.jpg

Messaġġ fiċ-Ċelebrazzjoni tat-Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf – Fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb

ĦABBARA TAL-ĠMIEL TAL-ĦAJJA

Il-festa li qegħdin niċċelebraw illum, it-Twelid ta’ San Ġwann il-Battista, toffrilna l-opportunità li nagħmlu riflessjoni fuq l-esperjenza sabiħa li qegħdin tgħixu intom, għeżież koppji, li, misjuqin mill-fidi Nisranija tagħkom, illum ġejtu fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu biex nitolbu l-barka ta’ Alla kemm fuq it-tarbija li hemm fil-ġuf tagħkom l-ommijiet u kemm fuqkom bħala ġenituri.

Kif għamlu l-ħbieb ta’ Eliżabetta u Żakkarija li ferħulhom meta semgħu li Eliżabetta ħarġet tqila, hekk jien f’isem il-Knisja nifraħ magħkom u rrodd ħajr lil Alla għalikom talli lqajtu li tikkoperaw mal-Ħallieq biex titnissel tarbija oħra. Hija ħaġa tassew pożittiva li fis-soċjetà tagħna għandna koppji miżżewġa li huma miftuħin għall-ħajja. It-tnissil ta’ tarbija huwa misteru kbir. Quddiem dan il-misteru l-bniedem sempliċement imil b’reverenza profonda u stagħġib. Huwa minnu li x-xjenza tfissrilna kif isir it-tnissil, imma ma tispjegax għaliex f’mument partikulari tal-istorja tinbet ħajja umana ġdida. Għalina li nemmnu f’Alla, kull tnissil ta’ bniedem huwa att ta’ mħabba ta’ Alla. Ma’ kull persuna li titnissel, nara li Alla għadu jittama fl-umanità. Nistqarr li ġieli bqajt mibluh nara l-kuntentizza ta’ ġenituri li jkunu ġew mgħarrfa li ser ikollhom tarbija. Ftit ġimgħat ilu kont hawn fis-Santwarju Ta’ Pinu u ġejt wiċċ imb wiċċ ma’ koppja b’għajnejn jixegħlu bil-ferħ. Qaluli li darba ġew Ta’ Pinu biex iqerru għax ħaduha kontra Alla, għax kienu ilhom jippruvaw biex ikollhom tarbija, imma kien kollu ta’ xejn; ftit wara dak il-pellegrinaġġ, l-omm ħarġet tqila! U reġgħu ġew f’riġlejn il-Madonna jirringrazzjawha!

Għandu jkollna stima kbira lejkom il-ġenituri li għażiltu li mħabbitkom twassal għat-tnissil ta’ ħajja ġdida u f’ċerti każi tnissil ta’ ħajjiet ġodda, għax xi drabi n-natura taf tkun ġeneruża u att wieħed ta’ tnissil jaf jagħti aktar minn ħajja waħda. Jien konxju mill-fatt li meta koppja ssir taf li flok tarbija waħda jkun ser ikollha tewmin, għall-ewwel tinħasad għax ma tkunx telqet b’dan il-ħsieb, imma mbagħad il-ġenituri jħaddnu b’għożża kbira l-ħajjiet kollha mnissla. Ebda ġenitur ma jgħaddilu minn rasu li f’każ bħal dan huwa jżomm tarbija u jinsa lill-oħrajn, għax jaf li dawk imnissla huma kollha laħam minn laħmu u għadam minn għadmu. Fuq kollox jaf li kull ħajja umana hija sagra u ma nistgħux nilagħbu biha.

Huwa fatt li l-ġenituri jiddispjaċihom qatigħ meta tkun in-natura stess li ma żżommx il-ħajja u jkun hemm “korriment”. Xi drabi mhux lakemm issabbar omm li titlef tarbija fil-ġuf, anki jekk din it-tarbija tkun għadha fil-bidu tal-proċess tat-tnissil. Bħalissa qed insegwi koppja li wara żmien twil jistennew, l-omm ħarġet tqila. Imma x’aktarx din hija ferħa bla temma għax it-tobba ma għandhomx tamiet kbar li t-tarbija ser titwieled. Nixhed jien il-kalvarju li għaddejja minnu din il-koppja, partikularment l-omm, għax dak li tnissel mhux ser jgħix!

Il-ġrajja ta’ Sant’Eliżabetta u San Żakkarija tfakkarni f’dawk il-koppji li qed iħabbtu wiċċhom mal-problema tal-infertilità. Nifhem il-weġgħat u d-dulur ta’ dawn il-koppji, għax barra li ma jistgħux jaqtgħu xewqathom, iz-zekzik tan-nies inissel fihom sens ta’ għajb kif ġralha Eliżabetta (ara Mt 1:25). Nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn in-nies tax-xjenza għall-impenn tagħhom biex fir-rispett tal-prinċipji tal-etika u l-morali jgħinu lil dawn il-koppji. Anzi nappella lix-xjenza biex tkompli tagħmel ir-riċerka biex ikun hemm għajnuna għal dawn il-koppji. Peress li llum għandna diversi twemmin dwar x’inhi l-etika, nirrakkomanda, partikularment lill-koppji Nsara, biex ifittxu soluzzjonijiet xjentifiċi mdawla mit-tagħlim ta’ Ġesù Kristu. Ħafna drabi l-ewwel nies li lejhom jirrikorru dawn il-koppji miżżewġa mtaqqla b’din il-problema tal-infertilità huma t-tobba. Għalhekk nagħmel sejħa lit-tobba, speċjalment lit-tobba Nsara, biex ikunu huma li jagħtu pariri u soluzzjonijiet li jirrispettaw il-ħajja umana u qatt ma jqiegħdu f’riskju l-istess ħajja. F’każ li fil-kuntest pluralista u dommatiku bħal tagħna, it-tobba u l-infermiera Nsara jsibu ruħhom f’qagħdiet ta’ kunflitt mal-prinċipji tagħhom, huma dejjem jistgħu jevokaw id-dritt tal-objezzjoni tal-kuxjenza.

L-istess dilemma li semmejt aktar ’il fuq, ta’ dawk il-ġenituri li jagħlu għax ikunu tilfu tarbija mnissla imma ma titwelidx, jgħaddu minnha xi wħud mill-ġenituri li jirrikorru għax-xjenza biex tgħinhom fil-proċess tat-tnissil. Qed nirreferi għal dawk il-ġenituri li fuq parir tan-nies tax-xjenza jikkoperaw biex jitnisslu aktar minn embrijun wieħed fil-laboratorju, u filwaqt li wħud minn dawn jitqiegħdu fil-ġuf, dawk li jifdal jiġu pparkjati fil-freezer. Jien naf b’ġenituri li għamlu dan il-proċess u għandhom embrijuni jistennew iffriżati. Illum dawn għandhom għali kbir għax iħossuhom bħal abbandunaw lil uliedhom! L-omm tgħidli li toħlom bihom imma mhix tara soluzzjoni kif toħroġ lil uliedha ħajjin minn dan il-ħabs! Dawn huma dilemmi psikoloġiċi u morali kbar, u nitolbu lil Alla jgħinna.

Għalhekk, bl-interċessjoni tal-Omm tagħna, il-Madonna Ta’ Pinu, nitlob il-barka ta’ Alla fuqkom biex filwaqt li jakkumpanjakom f’dan il-proċess tat-tqala u jkollkom ħlas tajjeb, jikkonfermakom ukoll fil-fidi tagħkom. Minn qalbi nirringrazzjakom, għax meta narawkom, timlewna b’ħafna tama. Ħafna jagħmlu l-kuraġġ meta jaraw koppji żgħar bħalkom li minkejja l-isfidi li ġġib magħha l-ħajja, intom flok tingħalqu fikom infuskom, qed tkabbru l-komunità. Għalina intom ħabbara tal-Bxara t-tajba dwar il-ħajja umana u l-ġmiel tal-ħajja tal-familja. Nirrakkomandalkom: kunu qrib dawk il-koppji li qegħdin ibatu minħabba l-issue tal-ħajja. Grazzi.

35949072_929684743877275_8395759313821368320_n.jpg

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading