San Pietru u San Pawl u l-Knisja


Kitba ta’ Angelo Xuereb

Dan l-aħħar membri ta’ setta kienu jħabbtu bieb bieb fir-raħal tagħna. Jużaw il-Bibbja u jippretendu li qegħdin jgħidu l-verità.

1 It-tweġiba ta’ San Pawl
Irriflettejt li kieku hawn San Pawl fostna jagħtina l-istess twissija li nsibu fl-Ittra lill-Galatin: “Imma mqar jekk aħna stess jew anġlu mis-sema jħabbrilkom Evanġelju ieħor li mhuwiex dak li ħabbarnielkom aħna, ikun misħut. Bħalma ġa għednielkom, u intenni ngħidilkom issa; jekk xi ħadd iħabbrilkom ħaġa oħra għajr dak li ġa rċevejtu, ikun misħut” (1, 8-9).

San Pawl qatt ma ħabbar lil Kristu f’ismu iżda f’isem il-Knisja. Jgħidilna: “Aħna nagħmluha ta’ ambaxxaturi ta’ Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ permezz tagħna, nitolbu fuq li nitolbu f’ġieħ Kristu: ‘Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu’” (2 Kor 5, 20).

F’Atti tal-Appostli nsibu li San Pawl ġie msejjaħ direttament minn Kristu. Iżda mill-ewwel issieħeb fil-Knisja permezz ta’ Ħananija li qiegħed idejh fuqu u mbagħad tgħammed. Hawn naraw lil San Pawl jerġa’ jibda jara u nistgħu nilmħu d-dawl li tagħtina l-Knisja biex ngħixu skont kif irid Alla.
San Pawl fl-ittri tiegħu jagħtina tagħlim sabiħ fuq il-Knisja. Din ir-realtà għexha mod profond. Wara li ltaqa’ ma’ Kristu u daħal fil-Knisja mar l-Għarabja u wara reġa’ lura lejn Damasku. Iżda b’daqshekk ma nistgħux ngħidu li ma kienx jirrikonoxxi lil San Pietru bħala kap tal-Knisja. Fl-Ittra lill-Galatin jgħidilna: “Imbagħad tliet snin wara, tlajt Ġerusalem inżur lil Kefa (jiġifieri Pietru), u bqajt miegħu ħmistax-il jum” (Gal 1, 18).
L-Appostlu tal-Ġnus dejjem ħadem għall-Knisja u fil-Knisja. Huwa beda l-ewwel vjaġġ missjunarju tiegħu billi kien mibgħut. L-Atti tal-Appostli jgħidilna: “Imbagħad wara li samu u talbu, qiegħdu jdejhom fuqhom u bagħtuhom” (Atti 10,3).

Dan li għedna nerġgħu narawh b’mod ċar fis-sehem attiv tiegħu fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm li sar biex jaqta’ l-kwistjoni jekk il-pagani għandhomx jiġu ċirkumċiżi kif kien isir skont il-liġi ta’ Mosè. Fl-Atti tal-Appostli nsibu li wara diskussjoni twila tkellem San Pietru bħala kap tal-Knisja u għalhekk qata’ l-kwistjoni u wara waqa’ skiet kbir. Naqraw: “U qagħdu jisimgħu lil Barnaba u lil Pawlu jirrakkuntaw kemm sinjali u mirakli Alla kien għamel permezz tagħhom fost il-pagani” (Atti 15,12).

2 San Pietru bħala kap tal-Knisja
Rajna li San Pawl ħadem fi ħdan il-Knisja li ġiet imwaqqfa fuq it-tnax-il Appostlu. In-numru tnax ifakkarna fit-tnax il-tribù ta’ Iżrael. Il-Knisja li hija l-poplu ta’ Alla fit-Testment il-Ġdid ġiet imwaqqfa fuq it-tnax-il Appostlu u li dawn ġew magħżula minn Kristu nnifsu. Is-sejħa tagħhom narawha fl-Evanġelji. Wara l-mewt ta’ Ġuda u t-tlugħ fis-sema ta’ Kristu San Pietru tkellem quddiem ġemgħa ta’ mija u għoxrin ruħ fuq it-tradiment ta’ Ġuda u li kellhom jagħżlu wieħed minfloku. Semma dawn il-kwalitajiet li għandu jkollu: “Jeħtieġ għalhekk li jingħażel wieħed minn dawk li ssieħbu magħna tul iż-żmien kollu li l-Mulej Ġesù kien dieħel u ħiereġ magħna, u jkun flimkien magħna xhud tal-qawmien tiegħu mill-imwiet” (Atti 1, 21-22). U għażlu lil Mattija.

San Pawl ma kienx wieħed mit-tnax-il Appostlu imma kien magħżul direttament minn Kristu. Mhux biss kompla x-xogħol tagħhom iżda fl-ewwel Ittra lill-Korintin jgħidilna: “Imma bil-grazzja ta’ Alla jien dak li jien u l-grazzja tiegħu ma sfatx fix-xejn għax tħabatt ħafna aktar minnhom ilkoll” (Kor 15, 10).

Inkunu niżbaljaw jekk ngħidu li Kristu bena l-Knisja tiegħu fuq it-tnax-il Appostlu u ma nsemmux lil San Pietru bħala l-kap tagħhom. L-Evanġelji meta jsemmu lill-Appostli dejjem jibdew din il-lista bl-isem ta’ San Pietru. Iżda hemm tliet mumenti partikulari li fihom naraw li Ġesù għażel lil San Pietru bħala kap tal-Knisja. L-ewwel mument huwa f’Ċesarea ta’ Filippu meta Ġesù staqsa n-nies minn kien, San Pietru wieġbu li kien l-Messija bin Alla l-ħaj. Għal din it-tweġiba Sidna Ġesù Kristu qallu: “U jien ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fl-art ikun maħlul fis-smewwiet” (Mt16, 18-19).

It-tieni kwotazzjoni li turina lil San Pietru bħala kap tal-Apppostli hija: “Xmun! Xmun! Ara, ix-Xitan riedkom f’idejh biex jgħaddikom mill-għarbiel bħal qamħ; imma jiena tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa. Inti mbagħad, meta terġa’ lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek” (Lq 22, 31-32). Fl-aħħar qabel Ġesù Irxuxtat tela s-sema staqsa lil San Pietru għal tliet darbiet kienx iħobbu. Ir-risposta ta’ Ġesù kienet il-kmand biex jirgħa l-ħrief u n-nagħaġ tiegħu.

Fl-Evanġelji nsibu mumenti oħra li fihom San Pietru aġixxa f’isem l-Appostli oħra. Mument sinifikanti huwa meta dan l-Appostlu daħal l-ewwel fil-qabar vojt li fih kien midfun Kristu avolja San Ġwann l-Appostlu kien wasal qablu.
Dan kollu jurina li l-Knisja ġejja direttament minn Kristu u sa mill-bidu kellha struttura. Din ma spiċċatx wara l-mewt tal-Appostli iżda dawn għażlu s-suċċessuri tagħhom. B’dan il-mod il-Knisja ġejja direttament minn Kristu u qiegħda tkompli x-xogħol tiegħu.

3 Viżjoni ta’ fidi
Ladarba l-Knisja qiegħda tkompli x-xogħol ta’ Kristu rridu nħarsu b’viżjoni ta’ fidi lejn it-tagħlim tagħha. It-tagħlim tal-Papa u tal-Isqfijiet huwa t-tagħlim ta’ Kristu. San Pawl stess jgħidilna: “L-Evanġelju li ħabbartilkom jien mhuwiex Evanġelju tal-bnedmin” (Gal 1, 11).

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.