Kienu ilhom jgħiduli biex narah. Minn Malta u barra minnha. U fl-aħħar, wara ħafna, inftaħt għas-sejħa tagħhom. U rajtu!
Il-film, bl-Ingliż jismu The Island (Il-Gżira). Tista’ issibu liberament fuq YOU TUBE. Il-film hu bl-Ilsien Russu imma s-sottotitoli tiegħu huma bl-Ilsien Ingliż. Mela tista’ issegwieh.
Id-direttur tal-film hu Pavel Lugin. L-atturi prinċipali huma Pyotr Mamonov, Victor Sukhorukov u Dmitriy Dyuzhev. Il-mużika tal-film hija f’idejn Vladimir Martyno.
Il-plot ta’ dan il-film, li jdum mal-112-il minuta, joħodna lura għat-Tieni Gwerra Dinjija. Hawnhekk ilaqqagħna ma ħaddiem li jaħdem fuq barkun tal-faħam, Anatoly (Mamonov). Issa Anatoly jiġi mogħti għażla minn Nażi. Jew jispara għall-kaptan tiegħu, Tikhon u hekk jgħix. Inkella, jekk jirrifjuta, jisparaw lilu miegħu. Anatoly jagħżel l-ewwel għażla. Imbagħad jaqa’ mitluf minn sensieh meta l-Ġermaniżi jisplodu l-barkun.
Erba’ u tletin sena wara, jiġfieri fl-1976, Anatoly jispiċċa jgħix ħajja axxetika f’monasteru fuq gżira. Huwa jgħix f’dar fejn hemm boiler li bih jisaħħan il-monasteru. Anatoly iqatta’ ħafna mill-ħin tiegħu jiġbor il-faħam biex hekk ikun jista’ jħaddem il-boiler. Huwa jimxi tul il-gżira u jitlob it-talba ta’ Ġesù (Mulej Ġesù Kristu, ikollok ħniena minni, midneb). Barra minhekk Anatoly jitlob lil Tikhon biex jitlob għal ruħu.
Il-monaċi jittolleraw il-preżenza ta’ Anatoly. Anki jekk iċ-ċajt u l-għemejjel imprevedibbli tiegħu iqabbżuhielhom mhux ftit. Anatoly huwa “l-buffu qaddis”. Fil-film jidher li għandu xi doni bħall-kapaċità li jfejjaq, iħabbar il-ġejjieni u li jeżorċizza lin-nies. Fil-fatt huma ħafna l-persuni li jiġu jfittxuh fuq il-gżira. Xi monaċi, bħal Patri Ġob (Dyuzhev), aqta’ kemm jiġġieldu mal-għira u r-riżentiment li għandhom kontrieh minħabba ċ-ċajt tiegħu! Filwaqt li s-superjur, Patri Filaret (Sukhorukov), għalkemm mistagħġeb b’Anatoly, jispiċċa li minnu jiġi mnebbaħ ħalli jipprova jirbaħ ir-rabtiet diżordinati li għandu.
Il-Gżira hu film stramb. Madankollu għandu l-qawwa li jdaħħalna fl-ispiritwalità. Xogħlu fina jibda’ meta jispiċċa. U dan juri kemm dan il-film huwa profond. Ifisser mela li dan il-film, bla ma nkunu nafu, ikun kellem lill-ispirtu tagħna. X’kapaċità għandhom iċ-ċinematografi Russi!
F’dan il-film għandna raġel li ħaddan miegħu ħajja ta’ ndiema u tpattija. Ħajtu fil-monasteru kienet tgħanni l-ħin kollu dan il-vers mis-Salm 51: Id-dnub tiegħi dejjem quddiemi (Salm 51:5). Anatoly ma jwarrabx il-ħniena tal-Mulej għalih. Għalkemm ma jgħoddiex b’fatta li rċevieha lanqas. Għalhekk jibqa’ jitlob għaliha u għall-oħrajn. Kemm hu stramb hux dan in-Nisrani! Fil-film nintebħu x’missjoni profetika u mhux tas-soltu għandu fid-dinja. Anatoly ifakkarna fl-istramberija tal-profeti tat-Testment il-Qadim. Jew fi Ġwanni l-Battista li kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ (Mk 1:6). Madankollu l-istramberija u l-urġenza tiegħu jfakkruna fil-messaġġ tiegħu li jidwi ma kullimkien u jfakkarna f’sejħa preċiża.
Anatoly huwa bħall-profeta Eżekjel li, b’sinjali estremi u eżaġerati, isejjaħ lil Iżrael ħa jirritorna lejn il-Mulej. Hekk jgħidlu l-Mulej lil Eżejkel: U int tikolha bħal ftira tax-xgħir, moħmija quddiemhom bil-ħmieġ ta’ bniedem. Hekk, jgħid il-Mulej, ħobżhom maħmuġ għad jieklu wlied Iżrael fost il-ġnus fejn jien se nsuqhom (Eżek 4:12-13).
Biex nifhmu lil Anatoly fil-film Il-Gżira, irridu naraw is-sejħa tiegħu fl-istess vina profetika ta’ Franġisku t’Assisi. In-nies ta’ Assisi ħasbuh miġnun. U, f’ċertu sens, hekk kien. Franġisku ħaddan miegħu l-lebbrużi, tħaddet mal-annimali, żifen u kanta qisu wieħed barra minn sensieh. Madankollu wettaq għemejjel mirakolużi, waqqaf l-akbar ordni reliġjuż, irriforma l-papat, kważi ikkonverta d-dinja tal-Iżlam u reġa’ ġedded mill-ġdid id-dinja Nisranija. Franġisku kien intossikat u imfawwar bil-Mulej. Huwa kellu effett qawwi ħafna fuq iċ-ċivilizzazzjoni tal-punent.
Ħajjet Anatoly kienet moħbija. Kellu qdusija kważi tal-imġienen. F’ħajtu kien qed iġorr is-sens tal-ħtija. Kemm kien konxju li kien midneb! Forsi kien jara lilu nnifsu mitluf. Forsi kien jara li f’ħajtu l-uniku dritt li kellu għalih kien dnubu. Madankollu s-sens estrem tiegħu ta’ dnub kien il-mutur għall-missjoni spiritwali tiegħu. Fil-fatt id-don tiegħu tat-tħabbir tal-ġejjieni u tal-fejqan, li t-tnejn huma marbuta mal-umiltà tiegħu, jġibu ħafna tajjeb fil-ħajjiet tal-oħrajn.
Il-ħajja fqira u li kienet tidher moħlija ta’ Anatoly kienet ta’ barka kbira. Il-qdusija tiegħu kienet f’li jħalli l-uġiegħ tas-sens tal-ħtija tiegħu joħroġ u jiltaqa’ mal-oħrajn b’mod dirett u salvifiku. Ġalarba s-sens ta’ ħtija tiegħu huwa mimli b’fidi il-qawwa salvifika u t-tjubija tal-Mulej huwa mgħolli ‘l fuq minn kull livell ta’ nuqqas ta’ tifsira jew newrożi. Tant li dan is-sens ta’ ħtija isir qawwa msejsa fuq is-sensibiltà profonda taċ-ċokon tiegħu. Bil-grazzja tal-Mulej Anatoly jara dak li ftit iseħħilhom jaraw: li aħna tfal. Il-konsegwenza ta’ din is-sensibiltà hija t-tfulija spiritwali. Il-qawma tas-sensi spiritwali u t-trasformazzjoni tad-dinja jistgħu iva jseħħu!
Huwa għalhekk li m’humiex ħafna dawk li huma msejħa jkunu yurodivy, jew aħjar “buffi qaddisin.” Dawn huma parti mir-rikezza tat-tradizzjoni spiritwali Russa. Lanqas m’għandna nħalltu “l-insanità profetika” tagħhom mal-mard tal-moħħ veru u proprju. Iżda l-eżempju tagħhom, meta jgħaddu, minn żmien għall-ieħor, mill-orrizont tal-komunità normali umana tagħna, jipponta lejn xi ħaġa importanti: Huma juruna lil Kristu. Dawn il-qaddisin buffi jgħallmuna ħafna dwar kif għandna ngħixu ħajja ordinata sewwa. Huma ta’ mudell għalina fejn tidħol il-fiduċja radikali, l-umiltà u l-maħfra. Għalhekk huma iva gżejjer ta’ saħħa u ta’ fejqan fil-baħar tad-dinja.
Arah il-film The Island. Ħallieħ imisslek ruħek bħalma miss tiegħi!
Biex tara l-filmat ikklikkja hawn … https://www.youtube.com/watch?v=Wz-vegualMg