Minn Fr Mario Attard OFM Cap

Għaliex għandhom ikunu l-Kappuċċini?


F’dawn l-14-il sena li l-Mulej tani l-grazzja li naħdem direttament u personalment miegħu f’ħutna l-morda spiss iltqajt ma’ min staqsieni din il-mistoqsija: Patri! L-għaliex fl-isptarijiet hemm il-Patrijiet Kappuċċini jaħdem mal-morda? Din minfejn ġiet?

Din il-mistoqsija nteressanti u f’lokha għall-aħħar ħaditni f’ġirja mal-istorja tagħna l-Kappuċċin. Ħa ngħidha mill-bidu għax hija verità assoluta: li l-kappuċċini jaħdmu fl-isptarijiet hija espressjoni mill-aktar qawwija tal-kariżma tagħna tal-fraternità mal-imwarrbin tallum. Jiġifieri ħutna l-morda.

Il-kostuzzjonijiet tagħna l-Kappuċċini, jiġifieri l-interpretazzjoni u l-addattament tar-Regola ta’ Missierna San Franġisk għaż-żminijiet tallum, dan jgħidhulna mingħajr ħafna tidwir ta’ kliem: Fuq l-eżempju ta’ San Franġisk, li kellu mħabba kbira lejn il-fqar, u l-fundaturi tal-fraternità Kappuċċina tagħna, li għenu lil dawk li kienu qiegħdin ibatu mill-pesta, ejjew ngħixu spalla ma’ spalla ma’ ħutna subjien u bniet, speċjalment il-morda, ħerqana li noffrulhom is-servizz sħiħ tagħna ta’ aħwa (Kost. 108. 3). Imbagħad, fil-kostituzzjoni numru 149.2 nsibu miktub hekk: Ejjew nippromovu x-xogħlijiet karatteristiċi tal-appostolat bħall-missjonijiet popolari, l-irtiri, il-qrar tan-nies, il-kura spiritwali tan-nisa reliġjużi, speċjalment dawk Franġiskani, il-kura tal-morda u tal-ħabsin, ix-xogħlijiet tal-edukazzjoni u tal-iżvilupp soċjali.

Il-kostituzzjoni numru 153. 1 tgħidilna hekk: Fuq l-eżempju ta’ San Franġisk u t-tradizzjoni li baqgħet għaddejja tal-ordni, aħna bil-qalb kollha nieħdu ħsieb il-ħtiġjiet spiritwali u fiżiċi tal-morda. Fin-numru 2 tal-istess kostituzzjoni nsibu miktub: Filwaqt li nimxu wara Kristu li mar f’kull belt u raħal ifejjaq kull xorta ta’ mard u nuqqas ta’ saħħa bħala sinjal tal-miġja tas-Saltna t’Alla, aħna ntemmu l-missjoni tal-Knisja. Permezz ta’ uliedha hi ħaġa waħda mal-poplu f’kull kundizzjoni, speċjalment il-foqra u dawk li qed ibatu, u b’qalbha kollha tagħti lilha nnifisha lilhom. L-istess kostituzzjoni tfakkarna titfa’ responsabbiltà kbira fuq is-superjuri kappuċċini li jagħżlu dan it-tip ta’ appostolat. Fit-tielet biċċa tal-kostituzzjoni nsibu hekk: Ħalli l-ministri u l-gwardjani jagħżlu dan il-ministeru [jiġifieri tal-ħidma mal-morda] ġaladarba hu xogħol eżemplari ta’ mħabba u ta’ appostolat. Fi ftit kliem il-viżjoni, il-liġi, il-mod ta’ ħajja Kappuċċina hi għajta waħda: post il-Kappuċċini hu fl-isptarijiet.

Imma dan mhux sempliċiment liġi. Anki l-istorja Kappuċċina tixhdu dan. Nibda biex insemmi lil Fra Matteo D’Abascio, wieħed mill-fundaturi tar-riforma Kappuċċina li, filwaqt li kien predikatur kbir kien jieħu ħsieb il-morda waqt li l-pesta kienet qed taħsad ħafna ħajjiet. Matteo, flimkien mal-ewwel aħwa Kappuċċini, taw lilhom infushom b’mod erojku lill-morda bil-pesta. Huma daru bil-morda u ikkonfortaw lil dawk li qiegħdin imutu. U dan waqt li l-minġel tal-mewt ma waqafx jaħsad tant u tant ħajjiet bil-pesta. Mhux hekk biss imma wieħed sab lil dan l-aħwa jidfnu l-mejtin ukoll.

Sa mill-bidu nett il-poplu ta’ Alla rabat lill-Kappuċċini mal-ħidma fl-isptarijiet. Bħalissa jiġini l-eżempju ta’ Fra Lodovico li, meta l-Kappuċċini bdew jissetiljaw f’Ruma, hu ġie offrut il-knisja ċkejkna ta’ Santa Maria dei Miracoli bil-kundizzjoni li l-aħwa Kappuċċini jaħdmu mal-morda fl-isptar. U anki nies fil-ġerarkija tal-Knisja raw fil-Kappuċċini l-persuni addattati biex iservu lill-morda. Insemmi l-eżempju tal-Kardinal Quinones li, waqt li kien marid, hu talab lill-Kappuċċini biex jitolbu għalih.

Il-famuż San Feliċ minn Catalice, il-qaddis li salva r-riforma Kappuċċina, kien dak il-Fra umli, sempliċi u ta’ qalb kbira, li kien jittallab il-karità mingħand l-għonja u anki dinjitari ekkleżjastiċi biex jgħin lill-morda. San Feliċ kien iżur lill-morda fil-fraternità, fid-djar private, fl-isptarijiet ta’ San Ġakbu tal-Inkurabbli, tal-Ispirtu s-Santu ta’ San Ġwann Lateran. San Feliċ kien jitħaddet b’lingwaġġ sempliċi, ifarraġ lill-morda biex jafdaw fil-Mulej u jaraw il-marda tagħhom bħala moment ta’ grazzja għalihom. Il-fama ta’ San Feliċ li jfejjaq l-mard bdiet tinxtered. Hu kien ta’ spiss ibierek lill-morda b’kurċifiss u kienu jfiequ. X’Kappuċċin kbir kien San Feliċ minn Cantalice! Kappuċċin ieħor li ħadem mal-morda kien Girolamo da Pistoia. Għalkemm għalliem fl-iskola teoloġika ta’ Ruma ta’ spiss kien jaqdi l-morda fl-isptar.

Nibda’ mill-ħidma tal-patrijiet Kapuċċini mal-morda u l-anzjani. Min jista’ jinsa l-ħidma li saret fil-post fejn illum hemm Mount Carmel f’Ħ’Attard fejn l-Aħwa Kapuċċini tant ħadmu ma’ persuni li għandhom bżonn kura psikjatrika? Din il-ħidma bdiet uffiċjalment fl-1861 u għadha għaddejja sal-ġurnata tallum. Fl-1968 l-Aħwa Kapuċċini nsibuhom jassistu spiritwalment fl-isptar Ċentrali fil-Furjana. Sa mill-1901 il-Kapuċċini għenu spiritwalment lir-residenti ta’ dak li kien magħruf bħala l-Inghieret u aktar tard ismu ġie mibdul f’San Vinċenz de Paule. Din il-ħidma ntemmet fl-2013.

Anki f’Malta l-Kappuċċini għexu u qed jgħixu bis-sħiħ il-kura mal-morda. Fl-1934 l-Aħwa Kapuċċini daħlu jaħdmu bħala kappillani fl-isptar li kien jospita l-morda bil-ġdiem. Filwaqt li fl-1937 il-Provinċja Kapuċċina Maltija ġie afdat f’idejha l-missjoni li tieħu ħsieb spiritwalment l-isptar ta’ dawk li kienu morda bis-sider. Ħidmiet oħra fl-isptarijiet li l-Aħwa Kapuċċini Maltin wettqu b’tant imħabba huma dik fl-isptar ta’ Santo Spirito fir-Rabat; fl-isptar Cannaught fl-Imdina; fl-isptar tal-Blue Sisters f’San Ġiljan li għalaq fl-1980; fl-isptar tal-Ferħa fil-Għargħur mal-morda tal-lebbra; fl-isptar Żammit Clapp f’San Ġiljan mal-morda anzjani; fl-isptar San Luqa fi G’Mangia; li kien l-isptar ewlieni ta’ Malta ma’ Karen Grech u kif ukoll fl-isptar Sir Paul Boffa fil-Furjana. Il-ħidma ġeneruża u dedikata tal-Patrijiet Kapuċċini mal-imwarrbin tas-soċjetà wieħed għadu jilmaħha u japprezzaha fl-isptar Mater Dei li ħa post l-isptar San Luqa u fl-isptar Sir Anthony Mamo ma’ ħutna morda bil-cancer.

Filwaqt li ż-żminijiet qiegħdin jitbiddlu u n-numru fil-vokazzjonijiet hu dak li hu, tkun tassew ħasra, biex ma ngħidx, traġedja kbira għall-Knisja u għall-poplu tagħna f’Malta, jekk il-Kapuċċini ma jibqgħux fl-isptarijiet tagħna. Almenu rappreżentanza tagħhom. Kif qal persuna ta’ Alla: “Il-ħidma mal-morda qiegħdha fid-DNA Kappuċċina”. Ejjew nibqgħu Kappuċċini, kif dejjem konna, billi nservu, kif dejjem għamilna, Ġesù f’ħutna l-morda fl-isptarijiet!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s