Minn Fr Michael Bugeja

L-Evanġelju tat-Tnejn 25 ta’ Ġunju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 7, 1-5

Il-ġustifikazzjoni tad-deċiżjonijiet żbaljati tagħna, ħafna minnhom kultant gravi ħafna, jista’ jkollhom elf ġustifikazzjoni. Imdorrijin bihom mhux għax jagħmluhom magħna biss, iżda għax aħna stess tassew krejattivi fl-invenzjoni tagħhom.

Waħda minnhom hija l-ġudizzju tal-oħrajn. Meta San Luqa, ma’ San Pawl u sħabu, medd riġlu fuq xtut gżiritna, mill-ewwel induna kif aħna magħġunin. Lil Pawlu l-ewwel qalu li hu qattiel, donnu kellu xi timbru fuq moħħu, iżda malajr bidlu fehmithom u bdew jgħidu li hu xi alla, għa xit-timbru nbidel f’dijadema, jew kellhom xi rivelazzjoni mis-sema. Hekk konna, hekk għadna u donnu m’hemm l-ebda sinjal li qed ninbidlu, anzi jidher ċar daqs il-kristall li qed nikkargaw, u jekk sa ftit żmien ilu konna nagħmlu hekk istintivament, bla ma nindunaw, illum qed nippjanaw li nkunu hekk, u nużaw il-preġudizzji biex niddikjarawhom solennement verità u nsawtu bihom bl-addoċċ. Tiġġudikawx biex ma tkunux iġġudikati.

Aħna niġġudikaw mhux biss il-fatti iżda anke l-intenzjonijiet u nnisslu mibgħeda inutli (għalkemm il-mibgħeda qatt ma hi utli) biex inkissru lil xulxin u probabilment biex ngħattu dak li tant nikkritikaw bl-aħrax f’ħaddieħor.

Il-ġudizzji jnisslu suspetti u dubji, iwassluna biex numbraw lil xi ħadd u nxerrdu l-antipatija tagħna mibnija fuq il-ġudizzji tagħna mal-erbat irjieħ tad-dinja. La toqtolx. B’dawn il-ġudizzji tagħna nkunu qed noqtlu persuni u neskluduwhom minn kull tama li jiksbu famithom lura.

L-ewwel u l-ikbar travu f’għajnejna huma l-ġudizzji tagħna stess. Meta nagħmlu lilna nfusna mħallfin u bojja ta’ xi ħadd inkunu qed norbtu għamad ma għajnejna li ma jħalliniex lanqas nagħrfu r-rejaltà negattiva tagħna nfusna. Minn naħa l-oħra tant neħduha bi kbira meta xi ħad djiġġudika lilna u ngħajruh giddieb u aggressiv, nippreżentaw lilna nfusna daqs l-aqwa vittma fuq l-artal tal-egoċentriżmu tagħna. Kemm sejrin imqarrqa.

Ngħidu li nammiraw il-ħniena u l-mogħdrija, iżda ħafna drabi, fi qlubna niddisprezzaw bħala iblah lil min jgħixhom u nħossuna kburin bina nfusna għax aħna m’aħniex bħalhom, ħadd ma jqegħdilna bżieq fuq imneħirna. Ftit li xejn nindunaw li nkunu qegħdin ngħerqu fil-bżieq tagħna nfusna. Tiġġudikawx biex ma tkunux iġġudikati.

Ilkoll kemm aħna niżbaljaw; ilkoll kemm aħna ma narawx sew minħabba dak li hemm f’għajnejna; u lkoll kemm aħna għandna bżonn min jgħinna biex inneħħu dak li jċajprilna l-vista. Imma biex dan iseħħ, xi ħadd irid ikun qed jara tassew ċar, għax flokk ifejjaq iktar jagħmel ħsara.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s