Minn Fr Mario Attard OFM Cap

Il-Papa żeffien


Darba kont f’post u rajtu f’ħoġor ta’ tieqa. Għad-dawl tax-xemx. Għall-ewwel ma tajtx każu. Iżda mbagħad, meta rajtu sew, aqta’ kif ġennini! Kemm hu ħelu!

“Mela x’rajtlu?” bir-raġun kollu tistaqsuni. Rajt pupu tal-plastic li jirrappreżenta lill-Papa Franġisku jiżfen. U x’beda jċaqlaq? Rajtu jċaqlaq rasu għaliha. Imbagħad beda jċaqlaq ukoll minn għonqu sa tarf il-libsa. Saqajh baqgħu mwaħħlin sewwa mal-bust tal-istatwa tiegħu. Is-sabiħa hi li l-Provvidenza ħadet ħsiebi wkoll! Għax, bil-modi misterjużi tagħha, waslittli iva l-istatwa tal-Papa żeffien. X’għaxqa fiha!

L-għaliex dan il-Papa jiżfen lili seraqli qalbi. Kien hawn min skrupla l-għaliex ra statwa tal-Papa Franġisku jiżfen. Kien hawn minn qal: Mà! Il-povru maħbub Papa tiegħi Franġisku! F’hiex ġabuh! Ħa ngħidha kif inħossha: ma naħsibx li l-Papa Franġisku se joqgħod iħabbel rasu wisq li għamlu din l-istatwa tiegħu tal-plastic jiżfen. Wara kollox u bħala Arġentin, il-Papa jaf li ġej minn pajjiż taż-żfin. Kulħadd jaf li l-Argentina hija magħrufa għaż-żifna famuża tat-tango. Ma nafx jekk il-Papa kienx jiżfnu t-tango. Forsi kien. U la sa niskanta u wisq anqas li niskrupla.

Iżda hawn min, għal xi raġuni jew oħra, qed jara lil Papa li l-Mulej tagħna, jiżfen iżżejjed. Hawn min qed jarah idur wisq mal-lewża biex iwassal punt. Forsi għal uħud il-Papa jaf għandu aġenda moħbija. U allura qed jara kif jagħmel biex isib ix-xagħra fl-għaġina ħa jwasslna eżattament f’dak il-punt. Imma, dejjem kif naħsibha jien, sempliċi Patri, ir-rejaltà tagħna l-bnedmin m’hijiex waħda ikkumplikata? U, ngħid jien, f’dinja daqshekk ikkumplikata, u bnedmin li ġew influwenzati wkoll minn din il-kumplikazzjoni kollha, li, xi minn daqqiet, hija iżżejjed, possibbli l-Mulej ma jsibx mod kif jaqbadna?

Il-Mulej sajjied prim tafux! Aktar minn dawk u l-oħrajn. U, ta’ sajjied prim li hu, żgur li għandu mod ta’ kif jaqbadna! Nimmaġinah li għandu snanar ta’ kull tip. Minn snanar daqshiex biex jaqbad ħut kbir. Għal snanar li huma daqs għajn ta’ labra u li forsi trid lenti naqra ħoxna biex tarahom sewwa. Issa, u dejjem skonti, naqra ta’ Patri, jekk sajjied ta’ din l-art jaf jistagħad għal tal-wiċċ u tal-qiegħ u jagħmel dan bi snanar differenti, aħseb u ara l-Mulej mela kif jistad għalina, uliedu? Li ħalaqna Hu? U x’sengħa għandu kif jistadna? Tgħid il-Mulej qed juża lill-Papa Franġisku biex jaqbad ħafna ħut ta’ daqs u użien differenti? Veru! Ġieli l-qasba tkun qisha ħa tinqasam daqkemm jaqbad ħut kbir biha. U, min jaraha, ma jistax ma jaħsibihiex li qisha qed tiżfen ukoll. Imma, u nerġa’ ngħid, tgħid il-Papa jiżfen l-għaliex għandu krejattività ta’ kif jinżel mal-poplu?

Imbagħad il-Papa jiżfen ifakkarni f’ħaġa oħra. Hawn min jgħid li Papa Franġisku donnu qed jiżfen mal-prinċipji. Jiġifieri qed iżeffen il-prinċipji tal-Kelma ta’ Alla. Intom ġieli rajtu dar li l-pedamenti tagħha jibdew jiżfnu? X’jiġrilha? Jiġrilha eżattament bħall-pajjiż viċin tagħna, l-Italja, li, meta jagħmel terrimot, aqta’ kemm tibda’ tiżfen. U aktar kemm tibda’ tiżfen aktar issirilha ħsara. Imma veru li l-Papa Franġisku iżeffen il-prinċipji tal-Kelma ta’ Alla? Kif hawn min qed jakkużah li qed jagħmel?

Jew forsi qiegħed jipprova li, minn kull sitwazzjoni li tidher mitlufa, jiġi salvat dak li għandu jiġi salvat minnha? Jew forsi aktar milli s-sitwazzjoni u l-oġġettività tas-sitwazzjoni l-Papa, bħal Ġesù li fedelment jirrappreżenta, qed jipprova imur għall-bniedem? Kemm-il darba qal li l-Kelma ta’ Alla tibqa’ dejjem il-Kelma ta’ Alla. Mela magħha m’hemmx tidwir. Hekk, ngħidu aħna, li ż-żwieġ bejn raġel u mara huwa għal dejjem u li ma jammettix divorzju huwa tagħlim li baqa’ jżomm. Għax hekk hu fid-dmir li jagħmel. L-għaliex irid isaħħaħna fil-fidi. Imma t-tisħiħ fil-fidi ifisser biss li naffermaw il-veritajiet? Li nibqgħu stirati u daqshekk? Inkella jew hekk inkella tkellimnix? L-għaliex ma rridx naf bik aktar? F’kelma waħda itlaqli ‘il barra l-għaliex ma rridx narak aktar quddiem għajnejja?

Bilħaqq ma kienx Ġesù stess li kien qal lill-Fariżej: Daqqejnielkom il-flawt u ma żfintux (Mt 11:17)? Uuuu! Għax il-Fariżej stirati sieħbi! Ma tarax li mhux ħa jiżfnulek! U mela dawk jaffordjaw li jġibuhom f’xi clip tal-Facebook jiżfnu x’kull waħda! Dawk it-tajbin! Għax stirati! Wieqfa! Illamtati! Strong! Imma Hu, dejjem safejn naf jien, ma stirax ruħu għajr meta miet! Hu sar bniedem bħalna. Tħallat mas-sitwazzjonijiet babilonja u mqallba tagħna. Għax Hu Alla sieħbi! Mhux bniedem! Hu Salvatur! Ma sabniex barra!

Tgħid il-Papa li għandna qed jipprova jimita lil dan is-Salvatur? Jekk qed jimitah ħaqqu prosit! Mela gimme five Papa Franġisku!

Jekk jogħġbok il-Papa jiżfen iċċekja waħda għas-solar Pope statue. Abbli tinżillek għasel bħalma nieżlet lili!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s