Kliem ta’ qawwa


Niftakar li kienet ġurnata minn dawk il-ġranet. Jiġifieri waħda minn dawk li tibda’ zoppa minn filgħodu.

U, ġurnata hekk, tibda’ tizzopja ruħha minn filgħodu kmieni. Tibżax! Mill-ewwel tibda’ tintebaħ biha. Tibda’ tinnota ġejjin xebgħa vleġeġ għalik.

Huwiex hekk dak il-misħut kliem li jdenni u jweġġa’ l-qalb? Dik il-qalb li, aktar ma tħobb, aktar jaqilgħulha? U mbagħad minn liema ħluq jiġi dan il-kliem? Jiġi minn ħluq ta’ min suppost jaf aħjar. Jiġi mill-ħluq ta’ min suppost li jifhmek aħjar. Kemm hu ikraħ ħuti kliem ta’ ‘għerf pruntuż’ li, tagħsru kemm tagħsru, ma jissarraf f’xejn għajr kliem ta’ kundanna ħarxa li ma tafx u lanqas taf tispelli l-kelma ħniena! Dak il-kliem li, magħmul b’mod ta’ avukat, meta tiftħu trid tagħlaq imnifsejk l-għaliex kollu insulti u tgħajjir! Oh ħbieb x’infern hija r-rabja u l-mibegħda fid-diskors! Il-qasma tal-qalb hi li din ir-rabja u l-mibegħda ġieli tilbes uniformijiet li jixxukkjawk. Kemm jistunaw dawk l-uniformijiet li suppost jarmu minnhom il-ħniena u l-mogħdrija biex imbagħad jispiċċaw jitfgħu ir-riħa tal-qalb ħażina li tnitten u tifga ħbieb!

Dan biex ma nsemmiex il-problemi tal-oħrajn li ma jonqsux l-anqas. Għax issa ġejja dik. Bl-istess diska u kantaliena. B’dawk il-problemi ta’ żmien żemżem. Imbagħad ġejja l-oħra. Li issa ma nafx x’inqalgħalha. U, wara ħafna żmien, hekk, bħar-riħ fil-bnazzi, jitfaċċa l-ieħor. Bħalma, f’daqqa waħda, għoġobhom jitfaċċaw ukoll l-oħrajn. U, f’kelma waħda, kompli għasar u għasar u għasar…

Ħafna xogħol f’idejn ftit ħaddiema. Imma, u wisq agħar, meta dan ix-xogħol jiġi mħawwar minn ingratitudni grassa. Imbagħad tibda’ ġejja l-għejja. Mhux tax-xogħol fih nnifsu daqskemm tal-ħażen li qisu bħaż-żejt fit-triq li fuqu jiskidjaw l-karozzi u l-muturi bin-nies fihom. Hemm min weġġa’ u ddaħħal l-isptar. U hemm min spiċċa l-kamra mortwarja. U dan kollu jissokta jagħsar u jagħsar u jagħsar lil dak li jkun. U meta persuna tispiċċa vittma tal-ingratitudni ta’ ħaddieħor, bl-ilsien li ma jafx bi ħniena, dak l-istess ilsien li, daqqa jħabbar lill-Mulej u daqqa jkun l-aġent sigriet tax-xitan bil-botti fini mimlija rabja u ħażen li joħroġ minnu, madwar il-persuna jibda’ ġej il-qtiegħ il-qalb. Iva! Tibda’ tinbet, tikber u titwessa dik l-arja ħażina. Arja qattiela. Radjuattiva. Li tikkankra. Kemm hu ikraħ il-ħażen ħuti! X’ma jinħaraqx il-ħażen fin-nar ta’ dejjem! Xi ħsara jġib!

U, f’daqqa waħda, x’ħin ħassejtni nieżel fil-wied mudlam, ifeġġ għalija l-kliem sabiħ tas-Salm 18. Liema kliem jgħid hekk: Inti tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi; Alla tiegħi jdawwal id-dlam tiegħi. Bik jien negħleb il-qtajja’ ta’ l-għedewwa; bl-għajnuna ta’ Alla tiegħi nirbaħ is-swar! (Salm 18:29-30). Għajjien kif kont u kważi nifsi maqtugħ, minn din l-arja ta’ ħażen li ġarrabt madwari, bil-ġiri mort għall-kliem tas-Salm. U bdejt intiegħmu. Int tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi. Sabiħ id-dawl tal-Mulej! Għax fil-Mulej la hemm ħdura, rabja, vendetta, insulti, insinwazzjonijiet u lanqas ingratitudni. Xejn ħbieb! Fil-Mulej hemm biss id-dawl tal-imħabba, tal-apprezzament, id-dawl ta’ Dak li musbieħ inemnem ma jitfiehx!

U, dan id-dawl daqshekk sabiħ, ħassejtu jippenetra l-qalb u s-saħħa għajjiena tiegħi u jfarraġha. Dan id-dawl ta’ mħabba beda jdawwal id-dlamijiet li nibtu f’qalbi ħtija ta’ din l-arja mniġġsa ta’ ħażen. Ippjanat biex ikisser u jaqta’ l-qalb. Kemm hu sabiħ id-dawl tal-Mulej hux li jimla’ bil-freskezza tiegħu, il-freskezza tal-Ispirtu s-Santu, il-moħħ li jrid jiġġieled mal-ħażin fil-bnedmin.

Imbagħad, il-vers ta’ wara, issokta ħafna jagħmilli kuraġġ. Bik jiena negħleb il-qtajja’ ta’ l-għedewwa; bl-għajnuna ta’ Alla tiegħi nirbaħ is-swar! Bik jiena negħleb Mulej! Proprju bik! Għax int aqwa mill-għedewwa, jiġifieri mill-ispirti l-ħżiena li jattakkawni bl-ilsna dgħajfa tal-bnedmin insiguri. Bik Mulej jiena nirbaħ is-swar. Bik nirbaħ mhux biss il-problemi imma l-għebusija ta’ qlub l-oħrajn li, l-ispirti l-ħżiena, jiksuhom bihom bħal ġelu. Bik jiena nirbaħ l-arja tqila li jġib l-ispirtu tal-ħażen fil-bnedmin li jsiru kollaboraturi u vittmi tiegħu.

Meta tkun għaddej/ja minn sitwazzjonijiet iebsa itlob dan il-kliem: Inti tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi; Alla tiegħi jdawwal id-dlam tiegħi. Bik jien negħleb il-qtajja’ ta’ l-għedewwa; bl-għajnuna ta’ Alla tiegħi nirbaħ is-swar! (Salm 18:29-30). Tibżax! Jgħinek żgur!

One thought on “Kliem ta’ qawwa”

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.